“Darba ġibidli l-‘handbrake’ u spiċċajt ħbatt fil-ħajt”

  • Diċ 01, 2013 15:42
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    "Kien jabbuża minni b’dak li jgħidli u ġieli heddidni. Darba minnhom ġibed il-‘handbrake’ tal-karozza waqt li kont qiegħda nsuq, bil-konsegwenza li ħbatt f’ħajt." Hekk sostniet mara li kienet miżżewġa Ingliż f’kawża ta’ separazzjoni fil-Qorti tal-Familja.

    Il-mara rrakkontat quddiem l-Imħallef Noel Cuschieri kif il-problema tax-xorb li kellu żewġha bdiet tiggrava maż-żmien tant li beda jabbuża fiżikament minnha. Minkejja dan, saħqet li hi dlonk waqqfet dan l-abbuż milli jkompli jsir iżda r-raġel kompla jgħajjarha u jheddida.

    Barra milli semmiet il-każ fejn ir-raġel kien ġibdilha l-‘handbrake’ waqt li kienet qiegħda ssuq, qalet ukoll li kien jipprova jxejjinha, jinsultaha u anke jgħajtilha bil-laqmijiet bl-intenzjoni li jwaqqagħha għaċ-ċajt. Spjegat li kienet saret trawma għaliha biex toħroġ miegħu flimkien ma’ sħabha hekk kif dejjem kien jipprova jwaqqagħha għaċ-ċajt.

    Semmiet ukoll li l-imġieba tiegħu kienet waħda stramba meta ġiet it-tifla tiegħu mill-Ingilterra biex tgħix f’Malta. Xehdet li hi spiss rat lir-raġel ibus lil bintu fuq xufftejha u joħdilha r-ritratti ta’ sidirha. Barra minn hekk, qalet ukoll li kien qed idum barra sa tard bil-lejl u kien ikun fis-sakra kontinwament.

    Il-mara kompliet tispjega kif kienet hi li tieħu ħsieb in-negozju tal-familja u sostniet li kien bl-isforz tagħha li dan in-negozju twaqqaf. Min-naħa l-oħra, il-mara qalet li żewġha kien daħħal dan in-negozju f’ħafna djun minħabba l-istil ta’ ħajja li kien jgħix, fejn xtara mutur biex ikun bħal sieħbu, kien jixtri ħwejjeġ tad-ditta u affarijiet tal-aħħar teknoloġija.

    Min-naħa tagħha, il-mara qalet li hi kienet tisforza biex tieħu ħsieb il-familja, fosthom żewġt itfal li kellha minn relazzjoni preċedenti.

    Lest li jmur il-ħabs...

    Il-mara lmentat ukoll mal-Qorti li żewġha kien xħieħ u għalhekk żamm għalih il-flus ta’ xi affarijiet li kien biegħ. Min-naħa l-oħra qalet li lilha kien iġiegħelha tħallas il-flus li kienet tissellef għall-ħobż u l-ħalib meta kellha diffikultajiet wara li għalqet in-negozju tagħha. Jirriżulta wkoll mix-xhieda ta’ din il-mara li hi ddeċidiet li tieħu passi wara li dan ir-raġel heddida li jħassirlha wiċċha u qalilha li kien lest imur il-ħabs minħabba fiha.

    Fil-proċeduri tal-Qorti xehed ukoll ir-raġel li qal li kien iltaqa’ ma’ din il-mara meta hi kellha problemi mar-raġel li kellha qabel. Sostna li kollox beda bħala ħbiberija u aktar ma żdiedet it-tensjoni bejn il-mara u r-raġel li kellha, aktar saru intimi bejniethom, tant li waslu biex iżżewġu.

    Madankollu, ir-raġel saħaq li wara ftit taż-żmien il-mara nqabdet tqila u qaltlu li riedet tagħmel abort għax jekk ir-raġel tagħha jsir jaf joħdilha l-kustodja taż-żewġ uliedha l-oħrajn fuq il-bażi ta’ adulterju. Għaldaqstant, hu qal li l-mara marret l-Ingilterra fejn għamlet abort, minkejja li dan kien kontra r-rieda tiegħu.

    Żied jgħid ukoll li l-ġenituri tal-mara ma kinux jafu li reġgħet iżżewġet u għalhekk qal li kien qed iħossu li din il-mara kienet qiegħda tistħi tgħid li qiegħda miegħu.

    Ibnu għamel suwiċidju...

    Filwaqt li ċaħad li kien abbużiv fil-konfront ta’ martu, hu ddeskriva li kien hemm żmien meta l-affarijiet kienu diffiċli għalih minħabba ċ-ċirkostanzi traġiċi li għadda minnhom fejn ibnu wettaq suwiċidju u l-għada n-neputi tiegħu nqatel f’aċċident tat-traffiku.

    Dwar l-allegazzjonijiet li ma ġabx ruħu sew ma’ bintu, ir-raġel qal li kien ilu ma jara lil bintu għal dawn l-aħħar 21 sena u għalhekk meta ġiet Malta ferħu b’xulxin. Minkejja dan, spjega li kienet bintu li talbitu joħdilha ritratt ta’ sidirha filwaqt li kienet liebsa l-bikini biex tkun tista’ tibgħathom lis-sieħeb tagħha. Irrakkonta wkoll li r-relazzjoni ma’ bintu bdiet tajjeb iżda mbagħad sfaxxat, tant li l-mara tiegħu kellha ċċempel lill-Pulizija biex bintu titlaq mid-dar tagħhom.

    Dwar ir-relazzjoni li kellu ma’ martu, dan ir-raġel qal lill-Qorti li kellu suspetti li martu kienet qiegħda f’relazzjoni ma’ xi ħaddieħor. Qal li hu xorta waħda pprova jirranġa l-affarijiet billi stedina biex imorru jieklu għall-anniversarju iżda din filli kienet sejra, filli f’daqqa waħda biddlet fehemtha u wasslet għal incident fejn wieħed mit-tfal tagħha attakkah u kellu jagħmel rapport mal-Pulizija.

    Waqt li semgħet dan kollu, il-Qorti ddeċidiet li ma kienx hemm biżżejjed provi u filwaqt li l-verżjoni li tat il-mara kienet ikkonfermata minn dak li qalu t-tfal, dak li qal ir-raġel ma kienx qed jiġi pprovat minn xi ħadd ieħor. Barra minn hekk, sar magħruf li l-mara kienet qiegħda tagħmel l-isforzi tagħha u għalhekk iddeċidiet li tapprova s-separazzjoni tal-koppja u tat il-ħtija lir-raġel.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    7