Fl-interess ta' pajjiżna

  • Jan 14, 2014 22:30
  • Miktub minn

    Il-kritika tal-Oppożizzjoni għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment kienet mimlija inkonsistenzi. F’ħinijiet l-Oppożizzjoni kienet qiegħda tgħid li trid tinnegozzja u tasal f’kompromess (biex ma nsemmux li min ħdanha kien hemm min ried iħaddem l-iskema), filwaqt li f’oħrajn saħqet li ma taqbilx mal-iskema fil-prinċipju u għalhekk qajla kien hemm lok fejn wieħed jiftiehem. Dan sakemm il-gvern ma jirtirax l-iskema kollha.

    Peró kien hemm messaġġ wieħed li kien konsistenti tul id-diskussjonijiet kollha. Messaġġ li ma tlissinx b’mod ċar u tond iżda li kien jinftiehem tajjeb ħafna. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista trid li l-frott ta’ skema bħal din ma jinqatax tul din il-leġislatura u jekk għandha ssir l-iskema tal-inqas ir-riżultati tagħhom ma jibdewx jidhru tul dawn il-ħames snin. Għalhekk l-emfasi fuq ir-rabta ta' ħames snin ma' pajjiżna.

    Li l-gvern seta’ mexa aħjar fit-tfassil tal-iskema u l-mod kif ikkomunikaha ammettieh hu stess. Iżda, għal kull sinjal ta’ rieda tajba minn naħa tal-gvern l-Oppożizzjoni wieġbet b’għebusija tar-ras.

    Għax biex ngħidu kollox il-gvern kien iffaċjat bl-opportuniżmu tal-oppożizzjoni sa mill-mument li kien qiegħed jiddiskuti magħha l-iskema. Tagħrif kunfidenzjali spiċċa mxerred bil-għan li l-gvern jinqabad fuq sieq waħda u sa ċertu punt il-pjan irnexxa.

    Il-gvern kien kostrett li jiżvela d-dettalji tal-iskema u dan seta’ sar mingħajr ma laħaq għamel l-irfinar li kien hemm bżonn. Ir-reazzjoni kienet waħda li kien hemm aspetti li setgħu saru aħjar u l-Prim Ministru Joseph Muscat fehem it-tħassib ġenwin li seta’ kien hemm fost il-poplu Malti u ndirizzah.

    Bl-għajnuna tar-regolatur - l-MFSA irrappreżentata mill-Professur Joe Bannister - il-gvern irreveda l-iskema bil-għan li tkun waħda iktar trasparenti u li tħalli iktar flus f’pajjiżna.

    Bl-iskema riveduta individwu jrid jagħmel kontribuzzjoni ta’ 650,000 ewro u jrid jinvesti fi propjetà li l-valur minimu tagħha jkun ta’ 350,000 ewro jew kirja ta’ 16,000 ewro fis-sena. Saħansitra huwa mitlub rabta kuntrattwali li din il-propjetà tinżamm għal minimu ta’ ħames snin.

    L-istess individwu jrid jinvesti 150,000 ewro oħra f’bonds u stocks sanzjonati mill-Gvern.

    Il-livell ta’ skrutinju huwa wieħed li kien imsaħħaħ ukoll tant li l-Professur Bannister qal li ladarba dan se jkun fuq il-livelli tal-MFSA ma jistax ma jkunx kuntent bih. Fuq kollox se jkun hemm limitu ta’ 1,800 applikazzjoni.

    Dan kollu jfisser li jistgħu jiddaħlu mal-biljun ewro f’fondi lejn pajjiżna.

    Quddiem dan kollu bir-raġun li lbieraħ il-Malta Hotels and Resturants Association (MHRA), qalet li filwaqt li d-diskussjonijiet fuq livell Ewropew iridu jkunu nnotati, din hija kwistjoni nazzjonali u l-gvern għandu jibqa’ miexi bl-IIP fl-interess ta’ Malta.

    Fuq l-istess linja tkellmet il-GWU jiem ilu filwaqt li imsieħba soċjali oħra tkellmu dwar id-dettalji tal-iskema. Ħadd ma ddikjara ruħu kontra l-prinċipju. Fil-fatt William Portelli, mis-CMTU, iddikjara wara laqgħat mal-Prim Ministru li ħadd mill-imsieħba ma’ qal li l-programm m’għandux isir.

    Quddiem dan kollu wieħed jawgura li wara dibattitu ta’ għada fil-Parlament Ewropew, instigat primarjament mill-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazjonalista u l-grupp tagħhom, Malta tibqa’ miexja ‘l quddiem.

    Wara kollox din mhix l-ewwel riżoluzzjoni li tpoġġi pressjoni fuq Malta. Bħal ma sar f’każi oħra il-gvern Malti jrid jifhem li din hi kompetenza tiegħu u għalhekk għandu jibqa’ miexi l’quddiem.

    Dan mhux b’suppervja. Iżda, bil-ħsieb ċar li l-interess ta’ pajjiżna għandu jiżboq kull interess ieħor.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook