Laqgħa speċjali tal-Ġnus Magħquda dwar l-ajruplan li ġġarraf… l-Ingilterra titlob investigazzjoni

  • Lul 18, 2014 14:55
  • Miktub minn
"

    Wara dak li ġara lbieraħ, fejn ajruplan tal-Malaysian Airlines iġġarraf fuq l-Ukrajna, l-Ingilterra poġġiet riżoluzzjoni quddiem il-Ġnus Magħquda hekk kif qiegħda titlob li ssir investigazzjoni dwar dak li wassal biex jiġġarraf.

    Din il-proposta mistennija tiġi diskussa f’laqgħa speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li se jiltaqa’ llum wara nofsinhar fi New York.

    Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ingliż, Philip Hammond qal fi stqarrija li jemmen li għandu jkun hemm investigazzjoni mmexxija mill-Ġnus Magħquda biex jiġu stabbiliti l-fatti.

    L-Istati Uniti, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u s-Segretarju Ġenerali tan-Nato lkoll qablu mas-sejħa li saret mill-Ingliżi u dan kien ukoll ikkonfermat mill-kelliem tal-White House, Josh Earnest li qal li hu vitali li ebda evidenza ma tiġi mbagħbsa bl-ebda mod.

    Fl-istess waqt, l-Organizzazzjoni dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), ħejjiet żewġ vidjo konferenzi mar-ribeli favur ir-Russja bi sforz biex ikollha nies internazzjonali fil-post fejn seħħ it-tiġrif malajr kemm jista’ jkun. Fil-fatt, qalet li dawn ir-ribelli qablu li jipproteġu s-sit, jipprovdu aċċess sigur lit-timijiet tas-salvataġġ, investigaturi nazzjonali u internazzjonali u li jikkoperaw mal-awtoritajiet Ukreni biex iwieġbu domandi prattiċi.

    Skont il-linja tal-ajru Malaysian Airlines mietu 154 Olandiż, disa’ Ingliżi, erba’ Ġermaniżi u erba’ Belġjani fl-inċident. Magħhom mietu wkoll 43 Mależjan, 27 Awstraljan, 12-il Indoneżjan, tliet Filippini u Kanadiż. 41 persuna oħra mejta għadhom iridu jiġu identifikati.

    Il-linja tal-ajru qalet li l-ajruplan kienet issirlu manutenzjoni regolari u stqarret li ma għamel ebda sejħa qabel ma ġġarraf. Barra minn hekk, żiedet tgħid li r-rotta li tinsab 10,000 metru fuq il-Lvant tal-Ukrajna kienet iddikjarata sigura mill-awtorità internazzjonali tal-avjazzjoni, l-ICAO.

    Min-naħa tiegħu, il-President Ukren Poroshenko qal dalgħodu li l-gwerra marret lil hinn mit-territorju tal-Ukrajna. Sostna li l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mhijiex biss il-problema tagħhom, iżda wkoll ta’ theddida għas-sigurtà Ewropea u dik globali. Qal ukoll li biex din l-aggressjoni tingħeleb hemm bżonn sforz bejn kulħadd.

    Il-President Ukren ilmenta li r-ribelli qegħdin jipprovaw jgħattu l-affarijiet, filwaqt li kkwota rapporti li l-ġellieda favur ir-Russja għandhom jibagħtu l-kaxxi s-suwed tal-ajruplan lejn Moska.

    Min-naħa tal-Ukrajna qed jingħad li hemm provi li kienu s-separatisti li waqqgħu l-ajruplan hekk kif użaw missili tat-tip Buk. Fil-fatt, ilbieraħ is-servizz tas-sigurtà Ukren, l-SBU tella’ fuq You Tube biċċiet minn allegati konverżazzjonijiet li saru bejn ir-ribelli favur ir-Russja u l-uffiċjali militari Russi fejn jindikaw li r-ribelli sparaw fuq l-ajruplan għax bi żball ħasbuh ajruplan militari Ukren.

    Il-Mexxej Russu, Vladimir Putin ilbieraħ żamm minuta silenzju għall-vittmi qabel ma’ beda laqgħa tal-Gvern. Madankollu, hu tefa’ l-ħtija ta’ dak li ġara fuq l-Ukrajna hekk kif qal li din it-traġedja ma kinitx isseħħa kieku kien hemm il-paċi f’dan il-pajjiż. Sostna wkoll li l-Gvern tat-terittorju fejn seħħet it-traġedja hu responsabbli minnha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    2