Lejla ta’ xjenza, divertiment u sorpriżi fil-belt Valletta

  • Set 03, 2015 10:30
  • Miktub minn
"

    Ir-raba’ edizzjoni tax-Xjenza fil-Belt – Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej mistennija li toffri sorpriżi, riċerki interessanti, esperimenti spettakolari, wirjiet, taħdidiet, films u arti. Il-festival annwali tax-xjenza u l-arti ser isir fil-belt Valletta l-Ġimgħa 25 ta’ Settembru 2015 mis-6.00pm sa nofs il-lejl. It-toroq tal-belt ser jieħdu l-ħajja bil-lejl hekk kif il-pubbliku ser ikun jista’ jesplora attivitajiet innovattivi li jinkludu minn drones sa rockets tal-ispazju, estrazzjonijiet tad-DNA għal dissezzjoni, testijiet tas-snien u tas-saħħa, u għexieren ta’ esperimenti u logħob għat-tfal.

    Il-Ko-ordinatur tal-Proġett il-Professur Alex Felice qal: “Ix-Xjenza fil-Belt hu festival ideali biex wieħed jesperjenza kwalunkwe ħaġa minn esperimenti divertenti u ta’ tagħlim mill-attivita’ l-Fiera tax-Xjenza jew jesplora l-attivitajiet tar-riċerka li għaddejjin bħalissa f’Malta. Għal dawk dilettanti tal-ispażju ser ikun hemm replika tal-missjoni spazjali Rossetta fuq il-kometa 67P, filwaqt li għal dawk konxji dwar is-saħħa jistgħu jagħmlu check-up dentali mingħajr ħlas fil-mobile dental clinic il-ġdid jew check-ups mediċi oħra. L-interazzjoni bejn ix-xogħlijiet xjentifiċi u l-arti ser toffri dimensjoni oħra f’dal-festival bil-għan li jikkomunika x-xjenza.”

    Il-Kap Eżekuttiv tal-Fond tar-Riċerka tal-Università Wilfred Kenely qal: “Ix-Xjenza fil-Belt għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-proġetti ta’ riċerka xjentifika mill-Università ta’ Malta. Il-festival, li d-dħul għalih hu b’xejn, hu impenn kollettiv bejn riċerkaturi, akkademiċi, studenti u artisti biex ilkoll iwasslu lejla memorabbli ta’ divertiment u tagħlim f’għadd ta’ oqsma, irrispettivament mill-età ta’ min jattendi.”

    Il-Maniġer tal-Proġett Dr Edward Duca qal li x-Xjenza fil-Belt jilħaq firxa wiesa’ ta’ udjenzi fosthom tfal, żgħażagħ u adulti. L-attivitajiet ewlenin isiru fid-daħla l-ġdida tal-Belt, tul it-Triq ir-Repubblika sa’ Pjazza San Ġorġ. Ser ikun hemm ukoll attivitajiet oħra fil-postijiet ewlenin tal-Belt.

    Il-Fiera tax-Xjenza f’Bieb il-Belt ser tkun mimlija b’esperimenti spettakolari, wirjiet, mużika, teatru u xows artistiċi. Dawn ser jinkludu karozzi tat-tlielaq, Quakes and Shakes, laboratorji tat-triq imtella’ mill-Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST), u l-Institute of Applied Science Student Organisation (IASSO),, wirja interattiva mill-National Student Travel Foundation (NSTF),, proġetti taħt l-ilma, bżieżaq kbar u Fonzu l-fenek mill- Malta Council for Science and Technology (MCST),, tagħrif dwar ix-xogħol li qed twettaq l-UE f’dan il-qasam, Eko printer tal-Coca Cola, Xjenza fl-ilma u tim forensiku ta’ CSI.

    Iċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier ta' San Ġakbu (Spazju Kreattiv), ser ikun qed jospita attivitajiet divertenti relatati max-xjenza għat-tfal u żgħażagħ fit-Teatru u l-Atrium, filwaqt li fiċ-Ċinema ser ikun hemm taħdidiet dwar ix-Xjenza u l-Kultura tal-Anzjanita’. Il-Café Inspirations ser jospita serje ta’ taħdidiet kull siegħa mtellgħin minn Malta Café Scientifique. Il-kamra tal-istudio ser ikollha Science of Electronic Music fejn wieħed jista’ jdoqq siltiet tal-mużika.

    Fit-Teatru Rjal, il-viżitaturi jaraw CineXjenza, li jikkonsisti f’serje ta’ films qosra dwar il-manipulazzjoni tal-memorja. Il-filmati jibdew fis-7pm u wara ser ikun hemm diskussjoni dwar is-suġġett. F’Palazzo Ferreria, faċċata tat-Teatru Rjal, ser ikun hemm serje ta’ taħdidiet xjentifiċi.

    Għall-ewwel darba, il-Parliament il-ġdid ser ikun qed jesibixxi wirja tal-proġetti ta’ riċerka li għaddejjin bħalissa fl-Università ta’ Malta.

    F’Triq l-Ordinanza, il-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT), ser ikun qed juri proġetti ta’ riċerka fil-qasam tas-saħħa, fosthom il-mobile dental clinic, magni tad-dijalisi għall-mard fil-kliewi, kif ukoll il-progress li qed isir fir-riċerka tal-kanċer tas-sider.

    Triq ir-Repubblika ser tkun ikkaratterizzata bil-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ organizzazzjonijiet tal-istudenti fosthom is-Science Students’ Society S-Cubed, University Engineering Students Association (UESA),, Malta Association of Dental Students (MADS),, l-Institute for Electrical and Electronic Engineers (IEEE),, ICT Student Association (ICTSA),, Malta Medical Student Association (MMSA),, Malta Health Students’ Association (MHSA),, Malta Pharmaceutical Students’ Association (MPSA),, u l-BetaPsi Psychology Students’ Association. Filwaqt li quddiem il-Qorti ser ikun hemm xow ta’ esperimenti, taħdidiet u stand-up comedy.

    Pjazza San Ġorġ ser tinbidel f’Rosetta Satellite Space Mission. Is-sena l-oħra, din is-satellita daret ma’ kometa. Biex tkun mfakkra din l-okkażjoni, il-festival ser ikun qed itella’ fil-pjazza replika tas-satellita, drone, rocket blast-off ta’ 20 metru , 3D printed rovers (minn Thought 3D), u arti li tixbaħ il-wiċċ tal-kometa fejn wieħed jista’ jimxi fuqha. Il-mużika u t-taħdidiet ser ikunu dwar ix-xjenza spazjali. Attività li żġur wieħed ma għandux jitlef.

    Is-sessjonijiet ta’ din is-sena ta’ ‘speed-dating’ ma’ xjenzati Maltin ser isiru fil-Kazin tal-Banda King’s Own, filwaqt li l-iżviluppaturi tal-logħob indie ser jistiednu lill-parteċipanti biex jilgħabu l-logħob tagħhom f’Ritz Arcade, City Lights. Il-BirdLife Malta ser tippreżenta esperimenti u taħdidiet, filwaqt li dawk li jixtiequ jesploraw il-perjodu Neolitiku jistgħu jżuru il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.

    Ser ikun hemm ukoll artisti tat-triq, żeffiena u jugglers fi Triq ir-Repubblika bi spettakli bin-nar u movimenti robotiċi.

    Organizzazzjonijiet oħra li qed jipparteċipaw jinkludu lill-Istitut tax-Xjenzi tal-Ispazju u Astronomija (ISSA),, il-Fakultà tax-Xjenza taċ-Ċelebrazzjonijiet Ċentinarji, il-Kamra Maltija tal-Ispiżjara, STEAM, Azzjoni għall-Kanċer tas-Sider, Europa Donna, Alive Charity Foundation, UoM Racing, Electronic Music Malta, TAKEOFF Business Incubator, il-Librerija tal-Università ta’ Malta, Play Fuel Manchester, il-Laboratorju Forensiku tal-Pulizija ta’ Malta, Heritage Malta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

    Ix-Xjenza fil-Belt tifforma parti minn ċelebrazzjoni Ewropea msejjħa European Researchers’ Night u ffinanzjata mill-fond Marie Skłodowska-Curie Actions mill-Programm tal-Unjoni Ewropea, Horizon 2020, flimkien ma’ għadd ta’ sponsors korporattivi. Il-festival hu rikonoxxut bħala tali mill-organizzazzjoni Ewropa għall-Festivals u Festivals għall-Ewropa (EFFE),.

    Il-festival għandu l-appoġġ tar-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, is-Segretarju Parliamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sports, Karl Borg Events, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, MCAST, MCST, Studio 7, MEUSAC, PBS, Levo Laboratories, il-Kunsill Lokali ta’ Valletta, Notte Bianca, il-Kunsill Malti tal-Arti, u General Soft Drinks b’Coca Cola.

    Il-programm sħiħ jinsab fuq il-websajt tax-Xjenza fil-Belt: www.scienceinthecity.org.mt jew inkella fuq Facebook: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta għal aktar aġġornamenti.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0