Kor Malti jagħti kunċerti f'Pariġi

  • Set 15, 2015 10:21
  • Miktub minn

    Il-kor St Paul Choral Society (SPCS), għadu kemm ġie lura Malta wara żjara f’Pariġi fejn kanta fi tlieta mill-iżjed knejjes prestiġjużi ta’ din il-belt: il-Madeleine, Saint-Sulpice u l-Katidral ta’ Notre Dame.

    Dan kien it-tielet tour ta’ dan il-kor barra minn Malta wara s-suċċessi f’Londra fl-2011 u fl-Awstrija fl-2013. L-SPCS hu wieħed mill-aqwa korijiet f’Malta, li spiss jagħti kunċerti fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Katidral tal-Ingliżi, il-Katidral tal-Imdina u ħafna knejjes oħra.

    Fil-Madeleine, il-kor kellu programm twil fejn kanta xogħlijiet ta’ Palestrina, Handel, Rachmaninoff u Duruflé, imma wkoll kanta siltiet ta’ kompożituri Maltin bħal Francesco Azopardi, Carmelo Scerri, Hugo Agius Muscat, kif ukoll l-English Mass ta’ Joseph Vella li ntlaqgħet tajjeb ħafna. Tkantaw ukoll bċejjeċ ta’ kompożituri Franċiżi bħal Gabriel Fauré u Camille Saint-Saëns. Fil-parti tan-nofs indaqqu xogħlijiet fuq l-orgni minn Elisabeth Conrad u Hugo Agius Muscat. Kien hemm preżenti l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Franza, l-Eċċellenza Tiegħu Vincent Camilleri u pubbliku numeruż li laqa’ l-kor b’ċapċip.

    F’Saint-Sulpice, indaqq programm simili imma din id-darba kien fih ukoll biċċiet ta’ Thompson u Elgar. Hawn il-kor kanta l-ewwel parti a cappella quddiem l-artal, fejn intlaqa’ tajjeb. Imbagħad indaqqu xogħlijiet bl-orgni ta' Luigi Grech, Alexandre Guilmant u Charles-Marie Widor minn Elisabeth Conrad u Hugo Agius Muscat. Il-kunċert kompla fil-Kor il-kbir li jinsab wara l-Altar Maġġur, akkompanjat mill-orgni. Grupp kbir ħonoq dil-parti tal-knisja biex jisma ‘l Kor u laqghu tajjeb ħafna il-bicciet li tkantaw.

    L-aħħar impenn tal-kor kien waqt il-quddiesa tas-Sibt filgħaxija fil-Katidral ta’ Notre Dame fejn tkantaw biċċiet li kienu kollha ta’ kompożituri Maltin, fosthom Virgo Prudentissima ta' Francesco Azopardi; Kyrie, Sanctus u Agnus Dei mill- “English” Mass ta' Joseph Vella; u T’Accogliam, Pane Celeste ta' Carmelo Pace. Dawk li marru jisimgħu l-quddiesa fil-Katidral, li kien mimli daqs bajda, dehru li apprezzaw ħafna l-mużika li tkantat.

    Il-kor tmexxa mid-direttur Dr Hugo Agius Muscat, u kien akkumpanjat fuq l-orgni minn Dr Elisabeth Conrad.

    Is-St Paul Choral Society huwa wieħed mil-aktar korijiet stabiliti f’Malta u għandu repertorju vast mis-seklu 16 sal-lum. Il-membri tal-kor huma kollha voluntarji li jiltaqgħu regolarment biex jippratikaw u anke jkantaw f’avvenimenti speċjali kif ukoll f’kunċerti li jsiru bi skop filantropiku.

    Ippreżentaw numru kbir ta’ kunċerti f’Malta fejn ibbenefikaw il-Malta Community Chest Fund, ir-Razzett tal-Ħbiberija, id-Dar tal-Providenza, l-International Spina Bifida Association, il-Malta Hospice Movement, l-Eden Foundation u l-Oliver H Mangion Trust. Il-kor ukoll kellu wkoll diversi sessjonijiet ta’ prattika ma’ kantanti professjonali bhal Gillian Zammit, Rosabelle Bianchi, Virginia Kerr, Kateriana Fenech u Claire Massa.

    Il-kor twaqqaf f’Mejju 1998 minn Dr Hugo Agius Muscat li għadu jmexxih sal-lum. Kanta l-ewwel darba fil-Festa tal-Qaddisin kollha fil-Katidral tal-Ingliżi, il-Belt u minn hemm baqa' jagħti kunċerti li sal-lum jaqbżu l-mitejn.

    Fit-2 ta’ Ottubru li ġej, fis-7.30pm, il-kor ser jagħti kunċert fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, b’risq ir-Richmond Foundation, filwaqt li l-Ħadd u t-Tnejn 20 u 21 ta’ Diċembru l-kor ser jipparteċipa fiċ-ċerimonja tradizzjonali ta’ Festival of Lessons and Carols, fil-Katidral tal-Ingliżi l-Belt u l-Knisja tat-Trinità f'Tas-Sliema.

    Ritratt: Raymond Mizzi

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1