Dalwaqt jerġa’ magħna l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2015

  • Ott 06, 2015 10:35
  • Miktub minn 1

    Dalwaqt jerġa’ magħna l-aktar avveniment importanti tas-sena f’Malta għas-suq tal-kotba: meta l-pubblikaturi u l-awturi kollha lokali jiltaqgħu taħt saqaf wieħed. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ser iseħħ mill-4 sat-8 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Konferenzi, Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta.

    F’dawn il-ħamest ijiem, il-pubbliku ġenerali ser ikun jista’ jżur il-bini maestuż ta’ Dar il-Mediterran fejn ser ikun hemm il-pubblikaturi kollha Maltin flimkien ma’ pubblikaturi barranin li ser jesebixxu u jbigħu l-aħħar xogħlijiet tagħhom. Bħas-soltu ser ikun hemm ukoll id-distributuri u l-ħwienet tal-kotba lokali, imma magħhom ser ikun hemm ukoll ħanut tal-kotba minn Pariġi bl-għajnuna tal-Ambaxxata Franċiża u anke l-Assoċjazzjoni tal-Pubblikaturi Sqallin bl-għajnuna tal-Istitut Kulturali Taljan.

    Għal sena oħra l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ser ikun avveniment b’ħafna attivitajiet kulturali u edukattivi għal kull persuna: miż-żgħar sal-kbar. Awturi u pubblikaturi Maltin ser jippreżentaw l-aħħar kotba tagħhom f’sensiela ta’ attivitajiet bħala parti mill-programm kulturali u edukattiv tal-Festival. Għal din is-sena, il-programm ser jinkludi attivitajiet li jiċċelebraw ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, fosthom lil Godfrey Wettinger li s-sena l-oħra ġie rikonoxxut bil-premju “Kisba tul il-Ħajja”.

    Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar ukoll li l-mistednin distinti ta’ din is-sena ser ikunu Marie Darrieussecq, kittieba Franċiża; Maram al-Masri, kittieba Sirjana li tgħix Pariġi; il-poeta Rumen Dan Sociu u l-pubblikatur tiegħu Bogdan Stanescu; u l-pubblikatur Ingliż tal-antoloġija Maltija “This Fair Land”, Clive Boutle. Dawn il-mistednin ser ikunu magħna matul il-Festival u ser jieħdu sehem f’attivitajiet għall-pubbliku.

    Fil-ħinijiet ta’ filgħodu, l-iskejjel kemm pubbliċi u privati huma mistednin jattendu l-Festival għall-Premju Terramaxka: il-Premju ta’ Kotba għat-Tfal u l-Adolexxenti. It-tfal kollha tal-iskejjel ser jingħataw biljetti ta’ €3 li jistgħu jużaw fil-ħin li jattendu mal-iskola tagħhom mingħand kull esebitur tal-Festival. Din l-inizjattiva qed issir biex jiġi assigurat li l-istudenti kollha li jattendu mal-iskola jmorru lura d-dar bi ktieb f’idejhom.

    Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi bi ħġaru għal dan l-avveniment tant importanti għall-iżvilupp kulturali u edukattiv ta’ pajjiżna. M’hemmx xirja isbaħ minn xirja ta’ kotba. Bħalma qal il-kittieb popolari Neil Gaiman: “Ktieb huwa ħolma li żżomm f’idek.” U l-Festival ta’ din is-sena ser jerġa’ għal darba oħra jiftaħ il-bibien tat-tagħlim, il-ħolm u l-fantasija.

    Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. L-isponsor uffiċjali tal-Festival huwa l-APS Bank.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0