Suwiċidju jwassal għal ġlieda bejn żewġ familji

  • Mar 14, 2016 00:13
  • Miktub minn iNews

    Imħallef sema' storja traġika fejn il-ġenituri ta’ mara li żewġha wettaq suwiċidju fetħu kawża kontriha u kontra l-familja tiegħu għal dak li għamlu miegħu tul ir-relazzjoni.

    L-imħallef laqa’ t-talba tal-ġenituri tal-mara u ordna lilha, lill-ġenituri ta’ żewġha u lit-tliet ħutu biex jagħtuhom kumpens ta’ €9,531.

    Fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili rriżulta li fl-1998 it-tifla tal-koppja li fetħet il-kawża bdiet toħroġ ma’ iben il-koppja l-oħra.

    Wara disa’ xhur il-ġenituri daħħluh id-dar biex jgħix magħhom u fl-2002 il-koppja żżewġet u marret toqgħod f’appartament li jagħmel mad-dar tal-ġenituri tagħha. 

    Huwa ma kienx iħallas għall-kera u l-konsum tad-dawl minħabba li d-dar u l-appartament kellhom meter wieħed, anke jekk il-ġenituri tagħha wrewh l-intenzjoni li jħallashom lura ta’ dak li kienu qed jagħmlu miegħu.

    Ftit wara t-tieġ il-koppja kellha argument u huwa mar joqgħod għal xi jiem għand ħuh sakemm irritorna fl-appartament, imma reġa’ telaq u mar jgħix fid-dar tal-ġenituri sakemm fl-2003 neħħa ħajtu b’idejh meta kellu biss 27 sena.

    Il-mewt tiegħu wasslet għal diżgwid bejn iż-żewġ familji għax martu, il-ġenituri tiegħu u t-tliet aħwa tiegħu riedu li l-wirt jinqasam, mentri l-ġenituri tagħha ppretendew li jieħdu l-wirt kollu huma għal dak li għamlu miegħu.

    Kien dan id-diżgwid li wassal għal din il-kawża, fejn quddiem l-Imħallef Joseph Micallef missier il-mara qal li dak li għamlu miegħu għamluh fost oħrajn għax ma kienx milqugħ minn familtu tant li allega li kien jispiċċa jorqod barra fil-karozza tiegħu.

    Huwa qal li kien hemm żmien fejn ir-raġel ta’ bintu ma kellux xogħol u huwa kien imur idur miegħu biex jgħinu jsib impjieg waqt li semma kif huwa kemm dam f’darhom ma ħallas xejn.

    Il-missier semma wkoll kif lir-raġel ta’ bintu tah anke karozza u meta ħabat biha l-ftit flus li daħħal minn fuqha tahomlu wkoll. Wara biegħlu karozza oħra u għalkemm suppost kellu jħallsu bin-nifs, ma wasalx.

    Min-naħa tiegħu, missier iż-żagħżugħ wieġeb li ibnu kien beda jaħdem ta’ 16-il sena u sostna li anke huwa kien għenu billi xtralu karozza fejn wara li ħabat biha ibnu ma reġax saqha u ħallieha fir-remissa.

    Il-ġenituri taż-żagħżugħ ma kienux kuntenti bir-relazzjoni bejn binhom u dik li saret martu u lanqas ħadu gost meta beda jorqod għandhom qabel iżżewġu.

    Fl-istess waqt huma argumentaw li dak li l-ġenituri tal-mara għamlu ma’ binhom kien minħabba l-għerusija u mbagħad iż-żwieġ.

    L-Imħallef Micallef beda biex irrimarka li huwa ried iżomm quddiem għajnejh il-qafas li fih seħħew il-ġrajjiet, liema qafas “juri laqgħa bejn żewġ familji li kellha tmiem traġiku u li kebbes imrar qawwi minħabba l-weġgħat li dak it-tmiem ħalla warajh”.

    Huwa sostna li f’dan il-każ waqt li l-ġenituri taż-żagħżugħ, ħutu u martu kienu tal-fehma li kellhom jaqsmu l-wirt bejniethom, il-ġenituri tagħha dehrilhom li kellu jgħaddi kollu għalihom.

    L-Imħallef Micallef irrimarka li mix-xhieda li sema' u wasal għall-fehma li l-ħsieb kien li l-ġenituri tal-mara jingħataw kumpens tax-xogħol u s-servizzi li taw liż-żagħżugħ u dan il-ħsieb urewh liż-żagħżugħ.

    “Jidher li dan il-ħsieb twassal liż-żagħżugħ li ħassu obbligat lejn l-atturi u li ma ħallilux għażla ħlief li jiżżewweġ lil binthom. Kien għażla li mbagħad, fi ftit xhur, ġagħlitu jħossu maqbud f’morsa li wasslitu biex, f’medda ta’ sitt xhur, telaq darbtejn mid-dar taż-żwieġ u mar joqgħod għal ftit żmien ma’ ħuħ u mal-ġenituri tiegħu”.

    L-Imħallef Micallef ikkonkluda li mill-provi joħroġ li ż-żagħżugħ kien meqjus bħala “wieħed minn ta’ ġewwa” b’kulma dan iġib miegħu nkluż akkomodazzjon u ikel.

    “Kienet għajnuna li titlob impenn, fuq medda ta’ żmien, li jmur lil hin mis-solidarjetà li kienu juru qraba oħrajn u li kieku saret minn barranin imqabbdin apposta kienet tinvolvi nefqiet u ħlasijiet mhux żgħar. Mill-provi mressqa ħareġ ukoll li ta dawn is-servizzi kollha ma ħallas xejn”.

    Kien għalhekk li waqt li laqa‘ t-talba li l-ġenituri tal-mara kellhom jieħdu kumpens, l-Imħallef Micallef ikkonkluda li kumpens xieraq kellu jkun dak ta’ €6 kuljum għaż-żmien li laqgħu lir-raġel għandhom qabel iż-żwieġ u €3 kuljum wara dakinhar.

    Huwa wasal għalhekk għas-somma ta’ €9,531 u ordna lill-ġenituri taż-żagħżugħ, lit-tliet ħutu u lil martu biex iħallsuhom l-imsemmi kumpens.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0