L-Imnarja 2016: Tradizzjonijiet Maltin mal-medda taż-żmien

  • Ġun 27, 2016 00:49
  • Miktub minn Daniel Bartolo

    Il-festa tal-Imnarja hija waħda mill-aktar festi importanti fil-kalendarju kulturali Malti. Il-festa tad-29 ta’ Ġunju, li fiha niċċeleb­raw lill-Appostli San Pietru u San Pawl tmur lura ħafna fiż-żmien, aktarx qabel il-wasla tal-Kavallieri fl-1530. Ir-Rumani kienu jiċċelebraw festa pagana msejħa “Luminaria”, li tagħha, il-lessema “Imnarja” hija korruzzjoni. Fil-lejl tad-29 ta’ Ġunju, kie­nu jinħarqu għadd ta’ fjakkoli u ħġejjeġ.

    Għall-bdiewa ta’ dari, l-Imnarja kienet festa kbira li taħbat proprju wara l-ħsad. Bla dubju, illum hija l-akbar festa agrarja f’Malta li fiha niċċelebraw il-bżulija u l-ħidma sfiqa tal-bdiewa u r-raħħala Maltin.

    Fl-antik, il-bandu kien jinqara nhar it-twelid ta’ San Ġwann, festa li taħbat fl-24 ta’ Ġunju u l-qari kien isir fl-Imdina u r-Rabat. Illum, il-festi tal-Imnarja jitħabbru permezz tal-bandu fi tmiem il-ġimgħa ta’ qabel it-28 ta’ Ġunju. Il-bandu jinqara l-Belt Valletta, imbagħad l-Imdina u wara, ir-Rabat.

    Fl-Imdina ssir purċissjoni bil-parteċipazzjoni ta’ grupp ta’ scouts u membri tas-Soċjetà Agrarja. Jinġarru wkoll il-paljijiet li jkunu se jingħataw lir-rebbieħa tat-tiġ­rijiet ta’ nhar l-Imnarja. Kif il-purċissjoni toħroġ mill-Imdina, jingħaqdu magħ­ha parteċipanti mill-pubbliku li jġibu magħhom żwiemel għerien miżmumin fuq il-brilja. Il-purċissjoni tie­qaf quddiem in-niċċa storika ta’ San Pawl li tinsab fis-Saqqajja, u hawn jitbier­ku l-paljijiet.

    Lejlet il-festa ta’ San Piet­ru u San Pawl, jiġifieri fit-28 ta’ Ġunju, waranofsinhar tint­rama l-wirja agrarja taħt it-tinda tal-Buskett, wirja tradizzjonali li ilha ssir mill-1854. Filgħaxija jkun hemm għana mal-kitarri, ikel u nbid sa kmieni filgħodu. L-istuffat tal-fenek u l-fenek moqli fit-tewm huma żewġ platti sinonimi mal-festa tal-Imnarja. Fl-antik, in-nies li jinġabru l-Buskett f’lejlet l-Imnarja kienu jorqdu taħt is-siġar biex l-għada jisbħu hemm.

    Mas-sbieħ tad-29 ta’ Ġun­ju, fil-Buskett jibdew jaslu r-raħħala li jtellgħu il-bhejjem tagħhom għall-wirja, u wara li dawn ikunu sabu posthom terġa’ tinfetaħ il-wirja għall-pubbliku. Issir ukoll kompetizzjoni tal-ħlib tal-mogħoż. Għall-ħabta ta’ nof­si­nhar jitqassmu l-premijiet u l-paljijiet lill-parte­ċi­panti. Wara nofsinhar jintlaħaq il-qofol tal-festa bit-tiġrijiet tal-bhejjem: ħmir, bgħula u żwiemel, tradizzjoni li ilha ġejja minn żmien il-Kaval­lieri. Dawn isiru fi Triq it-Tiġrija, taħt is-Saqqajja. Fi żmien il-Kavallieri kienu jsiru tiġrijiet tas-subien, tal-iskjavi, tal-irġiel u tal-ħmir. Kienu jsiru wkoll tiġrijiet tal-bgħula, dwieb u żwie­mel. Il-Gran Mastru kien jara t-tiġrijiet u jqassam il-paljijiet mil-Loġġa tal-Palji­jiet, dik il-binja f’forma ta’ ħnejja li hemm f’nofs it-telgħa tas-Saqqajja. It-tiġ­rijiet kienu jsiru fuq id-dahar u mingħajr sarġ. Illum isiru tiġrijiet bis-srieken ukoll. Il-festa tintemm bl-għoti tal-premjijiet tat-tiġ­rijiet.

    Hekk tajna titwila lejn il-festa tal-Imnarja, festa b’għe­ruq reliġjużi li żvi­luppat minn storja u tradizzjoni għal kif niċċelebrawha llum. Inħeġġeġ lil kull mingħandu għal qalbu l-qasam agrikolu biex dakinhar jitla’ l-Buskett. Lid-dilettanti nħeġġiġhom ukoll biex itell­għu l-prodotti tagħhom għall-wirja ħalli nkomplu nsaħħu tradizzjoni li ilha tagħna u magħna għal bosta snin.

    Il-programm jibda għada t-Tlieta, 28 ta’ Ġunju mill-5.00 p.m. sas-1.00 a.m. b’Gymkhana għat-tfal, e-enactment bil-karettuni minn fuq is-Saqqajja sal-Buskett bil-parteċċipazzjoni ta’ diversi atturi, esebizzjoni dwar il-kaċċa u l-insib – tradizzjonali organizata mill-FNKN fir-razzett tal-Bagħal/ta’ frott u ħaxix/ta’ għodod u karettuni antiki/ta’ artiġjana, marċi, għana, żfin u mużika folkloristika, żona għat-tfal bl-logħob tradizzjonali Malti, kompetizzjoni tal-ġmiel tal-fniek u tat-tjur. Ikun hemm fiera u kif ukoll divers stands b’ikel u xorb.

    Pitgħada l-Erbgħa, 29 ta’ Ġun­ju, mis-6.00 a.m. sas-2.00 p.m. se jkun hemm diversi esebizzjonijiet fosthom dwar il-kaċċa u l-insib tradizzjonali organizata mill-FNKN fir-razzett tal-Bagħal, mill-falkuniera, esebizzjoni ta’ fniek u tjur, ta’ frott u ħaxix, ta’ għodod u karettuni antiki u tal-artiġjanat. Ikun hemm kompetizzjoni tal-ġmiel tal-mogħoż, nagħaġ, baqar, żwiemel, klieb tal-kaċċa u klieb tal-fenek u kompetizzjoni tal-ħlib tan-nagħaġ u l-mogħoż, li tali ħlib isir bil-mod tradizzjonali. Dimostrazjonijiet ta’ kif issir l-irkotta b’mod tradizzjonali u kif tr-raħal iniġġes in-nagħġa bil-mod tradizzjonali. Issir il-qubbajd, diskussjonijiet var­ji fir-Razzett tal-Għorof, ftuħ tal-winery, għana u mużika folkloristika. Wieħed jista’ jsib ukoll żona għat-tfal bl-logħob tradizzjonali Malti. Ikun hemm diversi stands ta’ ikel u xorb ukoll.

    Mistennija wkoll issir il-preżentazzjoni tal-premijiet mill-Eċċ. Tagħha l-President ta’ Malta, s-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca fil-preżenza tal-Onor. Roderick Galdes, Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.

    Mnarja 2016 qed tiġi organizzata mit-Taqsima Festi Rurali, is-Segretarjat Parlamentari għal Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Animali bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti u s-Soċjetà Agrarja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0