DIRETT: Mill-bagalja tal-Ministru

  • Nov 28, 2012 17:30:54
  • Miktub minn
"

    Uhud mill-punti u kwotazzjonijiet importanti mill-Baġit 2012:

    21.30 Konklużjoni

    “Mr. Speaker,

    Il-ħajja tagħna hija sensiela ta’ għażliet waħda wara l-oħra. Meta nagħżlu ħaġa, inkunu qed inwarrbu ħafna oħrajn. Li huwa ċert huwa li ma nistgħux nagħżlu kollox.

    Dan huwa baġit li qed isir f’ċirkostanzi fejn kull wieħed u waħda minna nafu fejn jinsab pajjiżna b’riżultat ta’ l-għażliet li għamilna fl-erba’ snin li għaddew. U f’ċirkostanzi fejn naraw madwarna t-taqlib ekonomiku kbir b’riżultat ta’ l-għażliet li saru minn pajjiżi oħra fis-snin li għaddew.

    Dan huwa baġit li b’aktar mod ċar jikkuntrasta, iqabbel, ir-riżultati miksuba minn għażliet responsabbli ma’ dak riżultat ta’ għażliet popolari.

    Li tkun popolari faċli. Ma tridx wisq għerf. Imma li tkun responsabbli fl-għażliet diffiċli biss jista’ jassigura futur sod ghal pajjiżna.

    F’dan il-baġit il-Gvern qed jerġa’ iressaq l-għażliet tiegħu.

    Qed nagħżlu li nħarsu u nkattru x-xogħol.

    Qed nagħżlu li ninvestu fl-edukazzjoni ta’ uliedna u tal-poplu tagħna.

    Qed nagħżlu li nsaħħu is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali tagħna.

    Nixtiequ nagħmlu iżjed. Iżda b’responsabiltà, qed nagħżlu li ma ngħabbux lil pajjiżna aktar milli jiflaħ. Wara kollox, il-familji tagħna jkunu jridu jħallsu l-prezz tal-għażliet ħżiena jekk inkunu irresponsabbli.

    Madanakollu f’dan il-baġit żidna l-inċentivi biex noħolqu ix-xogħol, komplejna nnaqqsu l-piż tat-taxxi, tajna appoġġ akbar lill-familji u l-pensjonanti tagħna, filwaqt li għarafna nsostnu l-edukazzjoni, is-saħħa, u l-ambjent ta’ pajjiżna.

    Il-Prim Ministru talabni biex nagħlaq dan id-dikors tal-aħħar baġit ta’ din il-leġiżlatura billi nirringrazzja lill-familji kollha tagħna li bil-ħidma tagħhom pajjiżna miexi ‘l quddiem minkejja l-maltemp kbir ta’ madwarna. Talabni wkoll biex f’isem il-Gvern nitlobkom tagħdru n-nuqqasijiet tagħna.

    F’dan kollu aħna fittixna u qed infittxu li nagħmlu l-għażliet responsabbli li jħarsu verament il-ġid tal-familji tagħna u ta’ uliedna.

    Il-maltemp għadu għaddej fl-aqwa tiegħu. Imma pajjiżna baqa’ miexi ‘l quddiem bl-għażliet li għamilna flimkien.

    L-għażliet tal-poplu Malti llum, anke meta dawn ikunu diffiċli, huma l-aqwa garanzija għal futur fis-sod għal pajjiżna u l-familji Maltin u Għawdxin kollha.”

    21.22 Il-Qasam tal-Ġustizzja

    “Mr. Speaker,

    F’din il-leġiżlatura twettqu bosta inizjattivi fil-qasam tal-ġustizzja li kull ma jmur qed ikompli jibbenefika minn riformi u minn miżuri ġodda maħdumin fl-interess ta’ soċjetà bbażata fuq pedament legali sod.

    Is-sistema tar-recording f’kull awla tal-Qorti qalbet għal sistema diġitali.

    Qed isir programm komputerizzat ta’ interkonnettività bejn il-Qrati, l-Aġenzija tal-Avukat Ġenerali u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Daħlet fis-seħħ ukoll sistema komputerizzata fl-għażla tal-ġurati, sistema li permezz tagħha l-proċedura ġiet imħaffa, aktar trasparenti, u li għenet biex it-taħrikiet lill-ġurati jiġu ġenerati b’mezzi elettroniċi.

    Twaqqfet l-Asset Management Unit li hija primarjament responsabbli mill-iffriżar ta’ assi ta’ persuni akkużati bil-ħasil tal-flus.

    Iċ-ċedoli ta’ depożitu kollha fil-kamp kriminali ddaħħlu fis-sistema komputerizzata għal monitoraġġ aħjar ta’ flejjes ta’ terzi miżmuma mill-Qorti u kontroll aħjar tal-iżbank tagħhom.

    Żdied in-numru ta’ ġudikanti u ta’ assistenti ġudizzjarji. L-impenn tagħna hu li matul is-sena li ġejja nkomplu nżidu l-assistenti ġudizzjarji biex tingħata l-aqwa għajnuna lill-ġudikanti biex imexxu l-każijiet b’effiċjenza.

    Il-Gvern qiegħed jistudja wkoll il-possibilità li studenti tal-Liġi, fl-aħħar sena tal-kors tagħhom, jagħmlu taħriġ prattiku mal-membri tal-Ġudikatura. Din l-iskema tkun qiegħda mhux biss tagħti esperjenza hands on lill-istudent iżda toffri assistenza meħtieġa wkoll lill-Ġudikant waqt li fl-istess ħin tnaqqsas il-volum tax-xogħol minn fuq l-Assistent Ġudizzjarju li jkun jista’ jiddedika aktar ħin għar-riċerka u żamma ta’ seduti max-xhieda.

    Is-sena li ġejja se naraw it-twettiq ta’ inizjattivi li diġà beda x-xogħol fuqhom bħall-introduzzjoni tal-faċilità li l-atti jkunu jistgħu jiġu ppreżentati wkoll elettronikament, sistema fejn kull proċess ta’ kawża ġdida jinżamm b’mod elettroniku, u jiddaħħal fis-seħħ proċess ta’ depenalizzazzjoni ta’ diversi kontravenzjonijiet u reati żgħar.

    Fl-ewwel nofs tas-sena li ġejja jitlesta wkoll il-bini li se jospita l-ġudikanti u l-istaff tagħhom. B’hekk se jinħoloq aktar spazju fil-binja prinċipali tal-Qorti u jkunu jistgħu jinħolqu awli ġodda. Se jiġi finalizzat ukoll il-proċess biex ikollna binja ġdida għall-Qorti tal-Familja, filwaqt li fejn illum hemm il-Qorti tal-Familja jintuża għal Qorti speċjalizzata għal każijiet tad-droga.”

    21.17 Ugwaljanza u Inklużjoni Soċjali

    “Mr. Speaker,

    Dan il-Gvern ħadem biex is-soċjetà Maltija tkun dejjem aktar inklussiva u protetta minn każijiet ta’ diskriminazzjoni. Se nibnu fuq is-suċċess tal-proġett Embark for Life, bi programm ġdid, li għalih qed nivvutaw 150,000 ewro. Dan il-proġett għandu jkompli joffri sapport liż-żgħażagħ li jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni soċjali.

    Dan il-Gvern jemmen ukoll bis-sħiħ li l-vjolenza, b’mod partikolari dik domestika, hija kundannabbli fil-forom kollha tagħha. Għaldaqstant, se titkompla kampanja ta’ edukazzjoni fuq is-suġġett u se tingħata aktar għajnuna lill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika biex din tkun tista’ taqdi aħjar il-funzjonijiet tagħha, inkluż dawk ta’ riċerka u statistika. Qed nipproponu wkoll li jkun hemm Sexual Assault Response Team jaħdem mill-isptar Mater Dei biex dawk affettwati jsibu l-appoġġ meħtieġ.”

    Il-Qasam tad-Djar

    “Mr. Speaker,

    Fil-qasam tad-djar, ħrigna aktar minn 20 skema, b’investiment ta’ aktar minn seba’ miljun ewro, u allokajna aktar minn 500 post tal-Gvern.

    L-Awtorità tad-Djar wettqet diversi proġetti ta’ tisbiħ fil-madwar tal-oqsma tad-djar tal-Gvern. Se nkomplu b’dawk l-iskemi fl-2013.

    Bdejna proċess ta’ reviżjoni fuq l-iskemi kollha bil-għan li dawn ikunu aktar inklussivi għall-ħtiġijiet u diffikultajiet tal-applikanti tagħna. Qed tingħata attenzjoni speċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli. L-iskema Nirranġa d-Dar Tiegħi tgħin lill-anzjani tagħna jibqgħu fil-komunità. Kien hemm 166 applikazzjoni għal din l-iskema.”

    Skema Kiri

    “Matul din is-sena ħriġna skema ġdida li stiednet lis-sidien ta’ appartamenti privati biex jikru l-post tagħhom għal 10 snin u b’hekk ikun eleġibbli biss għal 5 fil-mija taxxa fuq id-dħul mill-kirja. S’issa, l-Awtorità kriet madwar 165 post u l-bqija jinsabu fil-proċess ta’ evalwazzjoni. Huwa maħsub li l-Awtorità terġa’ toħroġ din l-iskema għal lokalitajiet, l-aktar fejn hemm it-talba mil-klijenti tagħha.”

    Minn konvenji għal kuntratt finali

    “Komplejna bil-ħidma biex persuni li, għal diversi snin kellhom id-dar tagħhom fuq konvenju, jkunu jistgħu jagħmlu l-kuntratt finali. Kien hemm 170 familja li, wara diversi snin, saru finalment sidien tad-dar tagħhom.”

    Skemi Ninvesti fid-dar tiegħi, Skema Darek Facli, finishing ta’ appartmenti u garages u skema ta’ bejgħ.

    “Ħriġna l-iskema Ninvesti fid-Dar Tiegħi għal dik il-proprjetà li, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, kienet ittieħdet mill-Gvern għal skopijiet ta’ bini soċjali. Wara li l-Gvern tal-ġurnata kien xtara din l-art mill-werrieta tas-sidien bir-rati kummerċjali tal-ġurnata, stedinna lir-residenti biex, jekk iridu, jixtru l-appartament tagħhom b’rata sussidjata.

    Matul din is-sena, frixna din l-opportunità għal 1,500 residenti oħra f’binjiet tal-Gvern biex huma wkoll isiru sidien ta’ darhom. Dan qed isir għaliex meta wieħed huwa sid ta’ daru, hemm anqas problemi soċjali u aktar sens ta’ responsabbiltà. Barra li l-prezzijiet tal-bejgħ kienu sussidjati, kien hemm termini ta’ ħlas fuq perjodu ta’ 12-il sena mingħajr interessi.”

    First time buyers

    “Matul din is-sena l-Awtorità ħarġet skema oħra li tgħin lil dawk li jixtiequ jixtru mill-privat. L-Awtorità qed tgħin lill-ewwel 300 applikant li jikwalifikaw b’2.5 fil-mija fuq l-interessi mill-loans mal-banek għall-ewwel tmien snin. Fil-kaz li l-applikanti li jibbenefikaw huma ġejjin mid-djar tat-tfal jew shelters, qed jingħataw 10 snin. B’din l-inizjattiva, l-applikanti se jibbenefikaw sa 14,000 ewro f’sussidju fuq il-loan tagħhom. Din l-iskema se terġa’ tinfetaħ għas-sena d-dieħla.”

    21.16 Il-Kura tas-Saħħa Mentali

    “Mr. Speaker,

    Il-Gvern ma xxaħħaħx ma’ min hu l-aktar vulnerabbli. Fl-aħħar snin investejna biex tikber u tinfirex il-kura fil-komunità għal min ibati minn problemi ta’ saħħa mentali. Illum għandna madwar 160 professjonist jaħdmu f’40 lokalità ma’ pazjenti bħal dawn. Ftahna ħames day centres ġodda biex dawn il-persuni jintegraw aktar fil-komunitajiet jkollhom bżonn anqas li jidħlu fl-isptar Monte Carmeli.

    Barra minnhekk, l-iskema Supportive Housing takkomoda fi flats lil dawk il-persuni li ma jkollhomx fejn joqgħodu.

    Immodernizzajna ċ-ċentru għar-rijabilitazzjoni ta' nies b'diżabiltà intelletwali fl-Isptar Monte Carmeli.

    Twaqqaf il-Crisis Intervention Team bl-iskop li tingħata għajnuna f’każi ta’ attentati ta’ suwiċidju. Matul din is-sena dan it-tim għamel 1,146 intervent.

    Fis-sena li ġejja, se tiġi fis-seħħ il-liġi ġdida li tirregola dan il-qasam li għandha twassal għal aktar involviment tal-persuni konċernati fis-servizzi li jkunu jeħtieġu.”

    21.12 Volontarjat

    “Il-Volontarjat minn dejjem ifforma parti importanti fil-ħidma kontra l-eskluzjoni soċjali f’pajjizna. Il-firxa ta’ sevizzi li jistgħu jiġu offruti permezz tal-volontarjat hija kbira u għalhekk huwa settur li l-Gvern dejjem tah l-importanza li tixraqlu. Fil-fatt in-nefqa għal dan l-iskop matul dawn l-aħħar snin baqgħet tiela’. Għas-sena d-dieħla, qed nivvutaw erba’ miljun ewro, żieda ta’ 1.1 miljun ewro fuq l-2012.

    Iż-żgħażagħ tagħna jaħdmu b'mod sħiħ u regolari fil-qasam voluntarju, kemm lokali u barrani. Minn hawn irrid nuri r-rikonoxximent tal-poplu tagħna lejn dan il-kontribut siewi li qed jagħtu, u ta' dan nirringrazzjawhom. Din is-solidarjetà napprezzawha u għalhekk se nappoġġjawha bil-fatti.

    Mis-sena d-dieħla, se nibdew nagħtu stipendju lil dawk iż-żgħażagħ li jkollhom sa 25 sena, jew li sa tliet snin wara li jigradwaw mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja tagħna, jgħaddu sena jaħdmu b'mod voluntarju barra l-pajjiż.

    Il-Gvern jemmen li m'għandux biss jinkoraġġihom, iżda jsostnihom finanzjarjament ukoll. Kull persuna tista' tibbenifika minn din l-iskema darba biss. Għal dan il-għan, qed nivvutaw 600,000 ewro.

    Qed jiġi propost ukoll li jingħataw krediti ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali lil dawk iż-żgħażagħ li jagħmlu volontarjat f’pajjiżna jew barra minn Malta. Dawn il-krediti jingħataw biss għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin u, wara li dawn iż-żgħażagħ ikunu daħlu lura fil-ħajja tax-xogħol, għal aktar minn ħames snin.

    Is-settur tal-Volontarjat, apparti l-fatt li huwa ħolqa essenzjali fil-katina soċjali, huwa wkoll b'mod indirett kontribur ekonomiku. Dan huwa rikonoxxut mill-Gvern u għalhekk qed nipproponu li, dawk l-organizzazzjonijiet li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji tal-2007 u leġislazzjoni relatata, jiġu eżentati mit-taxxa fuq id-dħul.

    Qed nivvutaw ukoll 70,000 ewro bil-għan li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat imexxi b'mod dirett, u jassisti, lill-istess organizzazzjonijiet fit-twettieq ta' proġetti ta’ taħriġ fl-oqsma diversi tagħhom.”

    21.10 Il-Qasam tad-Djar

    “Mr. Speaker,

    Fil-qasam tad-djar, ħrigna aktar minn 20 skema, b’investiment ta’ aktar minn seba’ miljun ewro, u allokajna aktar minn 500 post tal-Gvern.

    L-Awtorità tad-Djar wettqet diversi proġetti ta’ tisbiħ fil-madwar tal-oqsma tad-djar tal-Gvern. Se nkomplu b’dawk l-iskemi fl-2013.

    Bdejna proċess ta’ reviżjoni fuq l-iskemi kollha bil-għan li dawn ikunu aktar inklussivi għall-ħtiġijiet u diffikultajiet tal-applikanti tagħna. Qed tingħata attenzjoni speċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli. L-iskema Nirranġa d-Dar Tiegħi tgħin lill-anzjani tagħna jibqgħu fil-komunità. Kien hemm 166 applikazzjoni għal din l-iskema.”

    Skema Kiri

    “Matul din is-sena ħriġna skema ġdida li stiednet lis-sidien ta’ appartamenti privati biex jikru l-post tagħhom għal 10 snin u b’hekk ikun eleġibbli biss għal 5 fil-mija taxxa fuq id-dħul mill-kirja. S’issa, l-Awtorità kriet madwar 165 post u l-bqija jinsabu fil-proċess ta’ evalwazzjoni. Huwa maħsub li l-Awtorità terġa’ toħroġ din l-iskema għal lokalitajiet, l-aktar fejn hemm it-talba mil-klijenti tagħha.”

    Minn konvenji għal kuntratt finali

    “Komplejna bil-ħidma biex persuni li, għal diversi snin kellhom id-dar tagħhom fuq konvenju, jkunu jistgħu jagħmlu l-kuntratt finali. Kien hemm 170 familja li, wara diversi snin, saru finalment sidien tad-dar tagħhom.”

    Skemi Ninvesti fid-dar tiegħi, Skema Darek Facli, finishing ta’ appartmenti u garages u skema ta’ bejgħ.

    “Ħriġna l-iskema Ninvesti fid-Dar Tiegħi għal dik il-proprjetà li, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, kienet ittieħdet mill-Gvern għal skopijiet ta’ bini soċjali. Wara li l-Gvern tal-ġurnata kien xtara din l-art mill-werrieta tas-sidien bir-rati kummerċjali tal-ġurnata, stedinna lir-residenti biex, jekk iridu, jixtru l-appartament tagħhom b’rata sussidjata.

    Matul din is-sena, frixna din l-opportunità għal 1,500 residenti oħra f’binjiet tal-Gvern biex huma wkoll isiru sidien ta’ darhom. Dan qed isir għaliex meta wieħed huwa sid ta’ daru, hemm anqas problemi soċjali u aktar sens ta’ responsabbiltà. Barra li l-prezzijiet tal-bejgħ kienu sussidjati, kien hemm termini ta’ ħlas fuq perjodu ta’ 12-il sena mingħajr interessi.”

    First time buyers

    “Matul din is-sena l-Awtorità ħarġet skema oħra li tgħin lil dawk li jixtiequ jixtru mill-privat. L-Awtorità qed tgħin lill-ewwel 300 applikant li jikwalifikaw b’2.5 fil-mija fuq l-interessi mill-loans mal-banek għall-ewwel tmien snin. Fil-kaz li l-applikanti li jibbenefikaw huma ġejjin mid-djar tat-tfal jew shelters, qed jingħataw 10 snin. B’din l-inizjattiva, l-applikanti se jibbenefikaw sa 14,000 ewro f’sussidju fuq il-loan tagħhom. Din l-iskema se terġa’ tinfetaħ għas-sena d-dieħla.”

    20.53 Persuni b’Diżabilità

    “Il-bażi li tippermetti li persuni b’diżabilità jintegraw ruħhom fis-soċjetà sserraħ fuq tliet pilastri: l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-għajxien sapportjat.

    F’dak li hi l-edukazzjoni tal-persuni b’diżabilità, saru avvanzi kbar. Illum, ir-rata ta’ tfal li mhux qed jattendu l-main stream education niżel għall-0.15 fil-mija. Dan hu frott l-investiment qawwi li l-Gvern għamel f’dan is-settur.

    L-istess avvanzi saru fil-qasam tax-xogħol fejn, madwar 1,300 persuna b’diżabilità daħlu fid-dinja tax-xogħol, twaqqfet il-Koperattiva Me2, u tnediet l-iskema fejn Kunsilli Lokali qed iħaddmu magħhom mat-80 persuna b’diżabilità. Se nestendu din l-iskema għal għaqdiet volontarji u entitajiet governattivi oħra biex noħolqu madwar 150 impjieg ieħor għal persuni b’diżabilità fil-komunità, 50 minnhom f’Għawdex.

    Konxju mill-ġid li jista’ joħroġ għal persuni b’diżabilità bit-twaqqif tal-koperattiva Me2, il-Gvern se jsostni din il-koperattiva bl-ingaġġ ta’ aktar riżorsi umani professjonali. Bl-għan li nibnu fuq is-suċċess tagħha, se nkomplu għaddejjin bil-pjan li ndaħħlu l-kunċett ta’ koperattiva soċjali fil-liġijiet tagħna. Dawn it-tip ta’ koperattivi se jkunu aġevolati fil-procurement pubbliku.

    Il-Gvern hu wkoll kommess li jinċentiva l-għajxien sapportjat tal-persuni b’diżabilità. Ftaħna ċ-Ċentru Sonia Tanti. Tnieda Software Maltese Speech Engine. Ftaħna dar għall-minuri b’diżabilità f’Birżebbuġa. Qed naħdmu ma’ għaqdiet volontarji biex jingħata kenn u wens lill-persuni b’diżabilità.

    Il-Gvern huwa kommess li jkompli jestendi s-Servizzi ta’ Matul il-Jum lill-persuni b’diżabilità bbażati fil-komunità. Kommess ukoll li jħaddan aktar mudelli ġodda fis-Sevizzi ta’ Matul il-Jum, ibbażati f’ċentri li jiffukaw aktar fuq għajxien indipendenti sapportjat. Din l-inizjattiva tkun megħjuna permezz tal-bini ta’ Ċentri ġodda u moderni li jilħqu l-aspettattivi u l-bżonnijiet kollha tal-persuni b’diżabilità.

    B’mod parallel, f’dan il-Baġit qed nipproponu li s-servizzi ta’ sapport li jingħataw fil-komunità jkunu dejjem iżjed mibnija madwar il-persuna u l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet speċifiċi tagħha.

    Fil-preżent, persuni li jkunu għalqu l-65 sena ma jkunux jistgħu japplikaw għal benefiċċji fuq vetturi. Minn issa ‘l quddiem, se nwessgħu l-ħsieb tagħna biex, dawk il-persuni li diġà kellhom xi applikazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilità qabel ma jagħlqu l-65, jibbenefikaw minn oħra, anke wara din l-età. Aktar minn hekk, dawk il-persuni li jkunu għalqu l-65 sena, u li qatt ma kienu reġistrati mal-KNPD, iżda li jipprovdu ċertifikazzjoni medika li turi li kellhom dik il-kundizzjoni minn qabel il-65 sena, ikunu eliġibbli wkoll. Qed isir ukoll studju biex, jekk hu possibbli, jitwessgħu l-kundizzjonijiet eliġibbli.”

    Tnaqqis ta’ Taxxa għal Persuni b’Diżabilità

    “Mr. Speaker,

    Il-Gvern naqqas it-taxxa għal miżati mħallsa minn persuni li jkunu residenti fi djar tal-anzjani privati. Issa, qed nestendu dan it-tnaqqis għal persuni b'diżabilità li jħallsu miżati għal residenza fi djar jew ċentri ta' respite jew għall-servizzi ta’ sapport fil-komunità. It-tnaqqis jingħata lill-ġenituri jew qraba li jħallsu dawn il-miżati. It-tnaqqis huwa sa massimu ta' 2,500 ewro.

    Il-Gvern huwa kommess li kull sena jkompli jżid is-servizzi residenzjali għall-persuni b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jibgħu jgħixu mal-familji tagħhom. Fis-sena li ġejja, il-Gvern se jiftaħ residenza għall-persuni b’diżabilità ġewwa Għawdex bi sħab ma’ għaqdiet volontarji, u qed jalloka nofs miljun ewro għal dan.”

    20.52 Il-Ħarsien tat-Tfal

    “Mr. Speaker,

    Dan il-Gvern jemmen bi sħiħ li t-tfal huma l-ġejjieni ta’ pajjiżna, liema ġejjieni jibda mil-lum. Huwa ta’ importanza fundamentali li dawn jikbru f’qafas stabbli fejn ikollhom dak kollu li jeħtieġu. Bħalissa hawn madwar 500 każ ta’ tfal li ma jistgħux jgħixu mal-familji tagħhom: minn dawn għandna madwar 350 li jinsabu taħt Ordni ta’ Ħarsien.

    Għal dan il-għan, se nkomplu bil-ħidma fuq strateġija nazzjonali fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal li qed jgħixu barra mid-dar naturali tagħhom. Minbarra li nsostnu s-servizzi li qed jaħdmu f’dan il-qasam, inħarsu ’l quddiem u nipprovdu alternattivi biex il-pajjiż ilaħħaq mad-domanda soċjali ta’ trobbija alternattiva għal dawn it-tfal. Huwa għalhekk li f’dan il-Baġit qed nipproponu li s-servizzi u s-sapport kollu li jingħata lill-tfal taħt Ordni ta’ Ħarsien għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tat-tfal kollha li huma f’Out-of-Home Care, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom.

    Irridu naslu fi ftehim ukoll ma’ numru ta’ strutturi li jilqgħu fihom il-minuri. Għandu jkun hemm spazju biżżejjed biex f’każi ta’ emerġenza, dawn ikollhom postijiet riżevati biex jilqgħu lil dawn it-tfal, isir l-assessjar professjonali tagħhom, u tkun identifikata akkomodazzjoni aktar permanenti għalihom. Din l-inizjattiva mistennija tiswa 280,000 ewro.

    Il-Gvern qed jipproponi wkoll li jwaqqaf dar residenzjali biex jindirizza b’mod attiv il-problema eżistenti fejn, aħwa li jkunu qed jitrabbew flimkien f’xi istituzzjoni, jkollhom jinfirdu f’istituzzjonijiet differenti li jagħtu residenza lill-bniet jew lis-subien. Din l-inizjattiva mistennija tiswa 300,000 ewro. Tinħass ukoll il-ħtieġa li tinsab soluzzjoni effettiva għal dawk it-tfal li jgħaddu minn perjodi diffiċli li jaffettwawlhom l-imġieba tagħhom. Għaldaqstant, qed nipproponu li l-Gvern jasal ukoll fi ftehim ma’ entitajiet eżistenti biex tiġi mwaqqfa Faċilità Terapewtika li toffri aktar sigurtà lil dawn it-tfal. Dan bi spiża ta’ 400,000 ewro.

    Dan flimkien ma’ Programm apposta għal dawn it-tfal sabiex b’hekk mhux biss jiġi evitat li jgħaddu minn trawma iżda jingħataw ukoll għajnuna.”

    “Mr. Speaker,

    Il-Gvern huwa konxju wkoll tal-problema ta’ dawk iż-żgħażagħ li joħorġu minn djar li joffru kura residenzjali u li ma jsibux lil min jilqagħhom. Għaldaqstant, se nesploraw l-possibbiltà li jsir programm ta’ sapport għal dawn iż-żgħażagħ biex, barra li jingħataw residenza temporanja, jew permanenti, ikollhom ukoll kull għajnuna meħtieġa f’din il-fażi tranżitorja.

    Biex iwettaq dan kollu, is-servizzi soċjali personalizzati pubbliċi jridu jaħdmu qrib il-familji li jeħtiġuhom. Dan biex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jwasslu l-appoġġ u l-għajnuna kollha meħtieġa direttament fil-komunitajiet. Għalhekk, ftaħna erba’ Aċċessi fil-Qawra, l-Imsida, il-Birgu u l-Belt Valletta. Is-sena d-dieħla se niftħu żewġ Aċċessi oħra, wieħed f’Għawdex u l-ieħor f’Birkirkara.

    Il-Gvern huwa kommess ukoll li jtejjeb il-provedimenti legali li jirregolaw l-addozzjoni, b’mod partikolari biex open adoptions f’pajjiżna jinfetħu wkoll għal tfal taħt il-11-il sena.”

    20.50 Il-Qasam Soċjali

    “Mr. Speaker,

    Dan huwa Gvern li jemmen fil-ġustizzja soċjali.

    Gvern li jemmen fil-ħtieġa li t-tkabbir tal-ekonomija għandu jimxi id f’id mal-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna. Anzi dan it-tkabbir jippermetti li nkomplu nsaħħu x-xibka ta’ għajnuniet soċjali.

    Għalhekk, qed naħdmu biex inkomplu nsaħħu l-qasam soċjali. Irridu li dan joffri dejjem iżjed opportunitajiet lil dawk l-aktar vulnerabbli. Ħadna ħsieb lil min għandu l-aktar bżonn. Lill-familji u lit-tfal, lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità.

    Għamilna dan għax kattarna l-investiment, ħloqna l-ġid, u saħħaħna l-ekonomija ta’ pajjizna. Pajjiżi oħra sabu ruħhom f’defiċit finanzjarju u, biex jippruvaw isolvuh, ħolqu defiċit soċjali.

    Għas-sena d-dieħla, in-nefqa tal-Gvern fuq benefiċċji soċjali se titla’ ‘l fuq minn 787 miljun ewro, żieda ta’ 13.7 miljun ewro. Dan minbarra fondi oħra lil entitajiet u aġenziji li jaħdmu f’dan il-qasam.

    Qed nerġgħu nżidu r-rati kollha tal-benefiċċji soċjali bl-ammont tal-COLA, biex ħadd ma jitlef benefiċċju minħabba ż-żieda. Din il-miżura tolqot lil madwar 112,000 persuna.

    Matul din il-leġiżlatura daħħalna l-miżura fejn persuni b’diżabilità li jiżżewġu ma jkollhomx id-dħul tal-konjuġi tagħhom kunsidrat għall-fini tat-test tal-mezzi biex jikkwalifikaw għall-Pensjoni tad-Diżabilità.

    Iddaħħal tibdil fil-Pensjoni tad-Diżabilità biex dawk li joħduha jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu u jaqilgħu sal-paga minima nazzjonali bla ma jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom.

    Żidna l-benefiċċju taċ-Child-in-Care li jkopri tfal li jgħixu f’kura residenzjali jew fil-fostering għal €70 fil-ġimgħa.

    Ħarriġna aktar minn 4,000 persuna fl-oqsma tal-ugwaljanza u l-anti-diskriminazzjoni.

    Tajna għajnuna finanzjarja lil aktar minn 300 persuna b’diżabilità sabiex jagħmlu l-abitazzjoni tagħhom aktar aċċessibli. Investejna aktar minn 12-il miljun ewro f’għaqdiet volontarji.

    Iġġiliedna b’mod sistematiku u assidwu l-abbuż mill-benefiċċji soċjali, fejn il-Gvern s’issa diġà franka ftit aktar minn 16-il miljun ewro. Dawn qed imorru għand min verament għandu bżonn u jistħoqlu.

    Irridu nkomplu nibnu fuq dan kollu bil-għan li nkompli nwieżnu il-qafas soċjali biex jonqos aktar ir-riskju ta’ faqar, u flimkien nilħqu l-milja ta’ soċjetà inklussiva.”

    Benefiċċju tal-Enerġija

    “Mr. Speaker,

    Il-Gvern minn dejjem apprezza kif il-prezzijiet tal-enerġija jolqtu lill-familji tagħna. Dan l-apprezzament sarrfu fil-prattika billi daħħal il-benefiċċju tal-enerġija biex jgħin lill-familji vulnerabbli. Mill-2007 sal-lum il-Gvern ħareġ 22.6 miljun ewro permezz tal-benefiċċju tal-enerġija.

    Mis-sena d-dieħla se ntejbu l-għotja li tingħata għall-gass billi din inżiduha minn €30 għal €40. Din hija stmata li tiswa madwar 300,000 ewro u minnha mistennija jibbenifikaw madwar 26,000 familja.”

    Ir-Riforma fil-Pensjonijiet

    “Mr. Speaker,

    F’dan il-Baġit qed nipproponu li titkompla r-riforma fil-pensjonijiet.

    Minn Jannar li ġej, se jingħataw krediti ta’ kontribuzzjonijiet lil dawk il-ġenituri mwielda bejn l-1 ta’ Jannar 1952 u l-31 ta’ Diċembru 1961 li waqfu mix-xogħol biex irabbu lit-tfal tagħhom. Peress li dawn il-ġenituri se jesperjenzaw żieda fil-bażi tas-snin ta’ kontribuzzjonijiet għal persuni minn 30 sena sa 35 sena, inħasset il-ħtieġa li dawn ukoll jibbenefikaw proporzjonalment għal dak li bbenefikaw għalih ġenituri mwielda mill-1 ta’ Jannar tal-1962.

    Għaldaqstant, ġenituri mwielda bejn l-1 ta’ Jannar 1952 u l-31 ta’ Diċembru 1961 se jingħataw sena kontribuzzjonijiet akkreditati għal kull wild, jew f’każ ta’ tarbija b’diżabilità, sentejn kontribuzzjoni akkreditata. Dan kemm-il darba l-ġenitur ikun waqaf mix-xogħol biex jieħu ħsieb it-tfal, u sussegwentament irritorna għax-xogħol bħalma hu l-każ ta’ ġenituri mwielda wara l-1 ta’ Jannar 1962.”

    Riforma fis-Sistema tal-Pensjoni mhux Kontributorja għal Persuni b’Diżabilità

    “Qed jiġi propost li jiżdiedu l-forom ta’ diżabilità li għalihom tingħata l-pensjoni mhux kontributorja. Mill-1 ta’ Jannar li ġej ukoll, se jiddaħħal mekkaniżmu wieħed li jiddetermina jekk il-persuna tikkwalifikax għall-Karta Speċjali tad-Diżabilità, tiġix reġistrata taħt ir-reġistru tal-ETC għal persuni b’diżabilità, jew għal Pensjoni għal Diżabilità taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.

    B’hekk, b’sistema waħda, il-persuna b’diżabilità jkollha anqas skariġġ, u s-sistemi u servizzi għal persuni b’diżabilità jitfasslu b’mod li din tkun tista’ tgħix ħajja aktar indipendenti.

    Qed jiġi propost ukoll li l-miżura favur persuni b’diżabilità li jiżżewġu, tiġi estiża minn Jannar li ġej għal dawk il-persuni li żżewġu qabel is-6 ta’ Jannar 2007. B’din il-miżura, żewġ persuni b’diżabilità miżżewġin qabel Jannar 2007 se jkunu ntitolati għall-pensjoni lil kull persuna, bħal żewġ persuni b’diżabilita li żżewġu wara Jannar 2007.”

    20.45 Is-Servizzi tas-Saħħa

    “Is-Saħħa għalina tibqa’ prijorità bil-fatti. Għas-sena d-dieħla qed inżidu n-nefqa fis-saħħa b’38 miljun, għal total ta’ 465 miljun ewro.

    Il-qagħda finanzjarja mwegħra ta’ bosta pajjiżi u Gvernijiet Ewropej fissret li dawn ma kellhomx għażla oħra ħlief li jqaċċtu l-investiment fuq is-saħħa. Ir-responsabbiltà tal-Gvern li jħares il-postijiet tax-xogħol u li jiżgura tkabbir ekonomiku, ippermettielna nkomplu ninvestu f’saħħtek b’aktar servizzi u bit-tisħiħ tas-servizzi preżenti. Qed nagħtu l-opportunità għal edukazzjoni b’xejn liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin fil-qasam tas-saħħa. Dan għax irridu l-aqwa professjonisti fil-qasam mediku. Issa, il-maġġoranza tat-tobba Maltin komplew l-istudji tagħhom ta’ speċjalizzazzjoni f’pajjiżna stess, f’kull settur kliniku, anke dak għat-tobba tal-familja. Dan fl-istess ħin li żidna l-opportunitajiet ta’ studju speċjalizzat f’ċentri ta’ eċċellenza barra pajjiżna.

    Komplejna nsaħħu l-kwalità ta’ servizzi fil-qasam tal-Kura Primarja permezz ta’ xogħol estensiv fiċ-Ċentri tas-Saħħa tar-Rabat u tal-Mosta.”

    “Mr. Speaker,

    Biex inkomplu nnaqqsu l-waiting lists għall-operazzjonijiet, investejna fi ftehim mal-privat għal operazzjonijiet u għal proċeduri, bħal MRIs, operazzjonijiet fl-irkoppa, u kataretti.

    Żidna radikalment in-numru ta’ kundizzjonijiet kroniċi li għalihom eluf ta’ persuni issa jistgħu jieħdu mediċini b’xejn. Dan wassal għal aktar minn 100,000 persuna li qed jingħataw mediċini b’xejn, u għal aktar minn 1,300 mediċina li tingħata b’xejn.

    L-introduzzjoni tal-Pharmacy-of-your-Choice tejbet ħafna s-servizz fl-għoti tal-mediċini b'xejn lill-pazjenti. Investejna ħafna f'dan is-servizz, u llum għandna madwar 80,000 klijent li qegħdin igawdu minnha. Fis-sentejn li ġejjin se nkomplu nifirxu s-servizz fil-lokalitjiet li għad baqa’. Il-ftehim mal-Kamra tal-Ispiżjara u mal-GRTU dwar dan is-servizz issa se jiġġedded għall-ħames snin li ġejjin. Hawnhekk irrid nirringrazzja lill-ispiżjara u lil kull min hu nvolut fil-POYC għall-kontribut kbir li taw sabiex, ilkoll flimkien, għamilna suċċess minn dan il-proġett.”

    “Mr. Speaker,

    Ħarisna wkoll lejn sitwazzjonijet fejn persuni Maltin u Għawdxin ikollhom bżonn kura speċjalizzata lil hinn minn xtutna minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Għalhekk, saħħaħna l-ftehim mar-Renju Unit u li, permezz tiegħu, matul dawn l-aħħar erba’ snin aktar minn 1,400 persuna ntbgħatu għall-kura hemmhekk. Iffirmajna ftehim simili mal-Italja biex l-ewwel pazjenti Maltin sarilhom lung transplant hemmhekk.”

    Il-Kura tal-Kanċer

    “Din is-sena il-Gvern nieda programm nazzjonali ta’ screening għall-kanċer – il-Colorectal Screening. Bi ħsiebna nkomplu nibnu fuq is-suċċess miksub mill-breast screening programme li wassal biex persuni ġew salvati mill-konsegwenzi serji tal-marda tal-kanċer tas-sider.

    Investejna wkoll f’apparat teknoloġiku ġdid li jippermetti l-għoti tar-raġġi terapewtiċi b’mod ferm aktar preċiż. Dan b’investiment ta’ tliet miljun ewro u li, permezz tiegħu, qed nagħtu kura aħjar lill-pazjenti tagħna. Eventwalment dan se jintuża wkoll fiċ-Ċentru l-ġdid tal-Onkoloġija, proġett importanti li dan il-Gvern qed jinvesti fih madwar 60 miljun.

    Introduċejna l-Vaccine kontra l-virus assoċjat mal-kanċer tal-għonq tal-utru. Nisa żgħażagħ illum għandhom l-opportunità li jitlaqqmu kontra dan il-virus, b’xejn, fl-eta addattata.

    Investejna wkoll fit-taħriġ li, permezz tiegħu, il-professjonisti li joffru kura lill-pazjenti bil-kanċer, jitħarrġu aktar fuq livelli differenti f’kull aspett, inkluż kif wieħed jikkomunika b’mod effettiv mal-pazjenti u l-familji vittmi ta’ din il-marda.

    Bis-saħħa tal-investiment sostanzjali fil-Politika Nazzjonali dwar il-Kanċer, f’dik dwar l-Obeżità, dwar is-Saħħa Sesswali, u dwar dawk li jissejħu non-communicable diseases, bħalma huwa l-mard tal-qalb u taċ-ċirkolazzjoni, pajjiżna llum għandu waħda mill-aktar sistemi tas-saħħa qawwija fir-reġjun ewropew.”

    Prokreazzjoni Assistita

    “Issa li lħaqna ftehim f’din il-Kamra dwar liġi li tirregola l-prattika tal-prokreazzjoni assistita, il-Gvern se jestendi s-servizzi tiegħu fl-obstetjatrija u, b'mod immedijat, se jibda r-roll-out biex jingħata s-servizz b'xejn tal-IVF lil dawk il-koppji eliġibbli għas-servizz. Dan huwa servizz li ilna tant nixtiequ nibdew noffru, u li ma stajniex fin-nuqqas ta’ qafas regolatorju tal-operat tas-servizz.”

    Żieda fis-Sisa fuq is-Sigaretti

    “Bħal ma jiġri kważi kull sena, biex dejjem ninkoraġġixxu t-tnaqqis fil-konsum għal raġunijiet ta’ saħħa, se tiżdied it-taxxa b’6 fil-mija fuq is-sigaretti u 8 fil-mija fuq it-tabakk.”

    20.43 Sport

    “Mr. Speaker,

    Matul din il-leġislatura kabbarna l-impenn biex indaħħlu kultura sportiva fost il-poplu tagħna. Assistejna bil-kbir lill-għaqdiet sportivi lokali biex dawn ikomplu jinvestu fil-faċilitajiet u d-dixxiplini sportivi tagħhom.

    Saħħaħna l-qasam sportiv u nedejna l-iSport Promotion Unit biex illum aktar minn 31,000 tifel u tifla jieħdu sehem fi programm sportiv. Madwar 8,450 student fl-iskejjel primarji wkoll qed jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ ħiliet bażiċi fl-isport.

    Kabbarna l-programmi sportivi u frixna ċ-ċentri minn fejn jiġu provduti dawn il-programmi. Dan minbarra li nedejna programmi sportivi ġodda għan-nisa, l-anzjani u persuni b’diżabilità. F’dawn il-programmi ħadu sehem aktar minn 14,000 persuna.

    Investejna bil-kbir fil-faċiliatjiet sportivi. Ftaħna l-Kumpless Sportiv f’Ħal Kirkop b’investiment ta’ 3.5 miljun ewro. Sar xogħol ta’ modernizzar fil-Kumplessi f’tal-Qroqq u l-Kottonera. Is-sena d-dieħla se jibda l-bini ta’ kumpless sportiv fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq. Bnejna numru ta’ faċilitajet sportivi oħra fl-iskejjel biex issa aktar minn 34 għaqda sportiva qed jużaw dawn l-istess faċilitajiet.

    Ftaħna faċilitajiet ta’ High Ropes f’Ta’ Qali u Għajn Tuffieħa, ftaħna outdoor fitness centres f’Ta’ Qali, il-Mellieħa u Ħaż-Żabbar, u se niftħu ħames ċentri oħra ġewwa Ħ’Attard, Ħal Qormi, is-Swieqi, is-Siġġiewi, u Baħar iċ-Ċagħaq. Qed ngħaddu miljuni ta’ ewro kull sena f’assistenza lill-għaqdiet sportivi permezz ta’ 26 skema. 115-il għaqda sportiva ngħatatilhom 129 art pubblika, b’valur ta’ kważi 47 miljun ewro.

    Tajjeb insemmi wkoll li, flimkien mal-Malta Football Association, investejna fi 33 pitch tal-football bit-turf sintetiku, u se nagħmlu 19-il ground ieħor fix-xhur li ġejjin. Fosthom insemmi dawk tal-Mosta, il-Mellieħa, is-Siġġiewi, u issa anke tan-Naxxar u Santa Venera. Dan b’investiment totali ta’ disa’ miljun ewro, li 500,000 minnhom se jmorru fi grounds f’Għawdex.”

    Il-Familji u l-Qasam Soċjali

    “Mr. Speaker,

    Il-familja tibqa’ l-pilastru fundamentali li fuqha ssostni ruħha s-soċjetà Maltija. Il-Gvern japprezza l-isfidi kbar li jsibu quddiemhom il-familji tagħna, b’mod partikolari ġenituri żgħażagħ. Aħna rridu ngħinuhom jegħlbu dawn l-isfidi. Irridu nħarsu li l-ħaddiema tagħna jsibu bilanċ akbar bejn il-ħajja familjari u dik tax-xogħol.

    Il-baġits li ressaqna f’din il-leġislatura ħasbu biex insaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna. Għajnuniet li jinċentivaw rwol aktar attiv għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità u persuna oħra bi bżonnijiet speċjali. Investejna aktar f’kura ta’ kwalità ogħla għat-tfal u adoxxenti.

    Dan il-Baġit se jkompli jwieżen lil min hu fil-bżonn. Se nkomplu ninvestu fl-aqwa servizzi tas-saħħa. Se nkomplu ngħinu lill-anzjani, lit-tfal, persuni b’diżabilità u lill-persuni bi bżonnijiet speċjali.”

    20.30 L-Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata

    “Mr. Speaker,

    Fost is-suċċessi li lħaqna fil-qasam ogħla u avvanzat, naraw kif ir-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ ta’ 17-il sena telgħet għal 82 fil-mija fl-2011, minn 43 fil-mija fl-1999. Dan kien possibbli grazzi għall-investiment li sar fl-aħħar snin biex saħħaħna l-istituzzjonijiet post-sekondarji b’apparat modernizzat u b’faċilitajiet oħra. Dan filwaqt li żidna n-numru ta’ korsijiet f’livelli u setturi differenti. Jekk nieħdu l-Università ta’ Malta, l-MCAST u l-ITS, naraw li fl-aħħar erba’ snin, igradwaw 20,000 student. Pajjiżna jinsab fil-quċċata tal-klassifika tal-gradwati li jirnexxielhom isibu impjieg fi żmien tliet snin minn meta gradwaw. B’rata ta’ 93 fil-mija, Malta tinsab bil-bosta ‘l fuq mill-medja Ewropea ta’ 76.4 fil-mija.

    Matul dawn is-snin rajna wkoll żieda sostanzjali fl-istipendji biex, filwaqt li fl-2008 kellna 15,000 student jieħu l-istipendju b’investiment ta’ 19-il miljun ewro, issa n-numru ta’ studenti ntitolati għall-istipendju tela’ għal 19,000, b’nefqa ta’ 23 miljun ewro.

    Biex inkomplu nsaħħu is-sistema tal-istipendji għal dawk l-istudenti li għandhom bżonn aktar għajnuna finanżjarja, se nżidu l-istipendju supplimentari. Huwa stmat li madwar 1,400 student fil-livell post sekondarju u terzjarju se jgawdu minn żieda ta’ 300 ewro f’sena akkademika. Għal dan il-għan qed nallokaw 400,000 ewro.

    Bdejna wkoll ix-xogħol biex studenti b’diżabilità ġewwa l-Università ta’ Malta jsirilhom assessment personalizzat li juri l-ħtiġijiet tagħhom, u biex ma jkollhom l-ebda xkiel fl-istudju terżjarju tagħhom. B’dan il-mod kull student b’diżabilità se jingħata pakkett finanzjarju li jwieġeb għall-ħtiġijiet edukattivi tiegħu jew tagħha. Din il-miżura għandha tinfirex ukoll fuq studenti b’diżabilità fil-livell post sekondarju u terżjarju.

    Bdejna l-kostruzzjoni tal-Campus il-ġdid tal-MCAST, b’investiment ta’ 130 miljun ewro. L-ewwel binja se tkun lesta fl-ewwel xhur tal-2013. Barra minn dan, bdew it-tħejjijiet għall-bini ta’ campus ġdid tal-ITS ġewwa Pembroke.

    F’dawn l-aħħar snin sar ukoll investiment qawwi fl-Università ta’ Malta li laħħaq kważi l-40 miljun ewro, u li ssarraf f’bini ta’ fakultajiet ġodda, bħal dik tal-ICT, u faċilitajiet fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-enerġija mekkanika, il-bioloġija, u l-kimika.

    Bejn l-2006 u l-2012, ingħataw ’il fuq minn 2,000 borża ta’ studju f’livell ta’ undergraduate, masters u dottorat. Dan minbarra li ngħataw boroż ta’ studju fl-arti u, minn din is-sena, fl-isports ukoll, b’investiment ta’ 19-il miljun ewro. Qed nagħtu wkoll opportunitajiet ta’ studju u taħriġ permezz ta’ boroż ta’ studju fl-oqsma tal-finanzi u t-teknoloġija. Issa se nkomplu nżidu l-Boroż ta’ Studju u se nniedu skema ġdida marbuta mal-ilsna barranin biex l-istudenti jkunu mħarrġa fil-qasam tat-traduzzjoni u interpretazzjoni ta’ lingwi, partikolarment fl-Għarbi, iċ-Ċiniż, u l-iSpanjol.

    L-iskema Get Qualified s’issa għenet aktar minn 2,000 student permezz ta’ tax credits li jammontaw għal 7.6 miljun ewro. Din l-iskema għandha l-għan li tgħin lil studenti u individwi sabiex jiksbu l-kwalifiki meħtieġa, u biex l-industrija lokali ssib ħaddiema mħarrġa, u b’hekk tkompli tikber. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jħaddem din l-iskema, u li jkompli jħeġġeġ aktar studenti jipparteċipaw fiha.

    Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja jaħdem ukoll biex joffri korsijiet f’suġġetti varji u f’livelli differenti. Sal-2008, il-parteċipazzjoni fil-korsijiet offruti f’dan is-settur kienet ta’ 7,258 persuna. Sa din is-sena, din il-parteċipazzjoni aktar milli rduppjat biex issa qbiżna is-16,000 persuna li qed jattendu xi kors tal-adulti jew fl-iskejjel tal-Mużika, l-Arti u d-Drama. Dan id-Direttorat waħdu llum qed jipprovdi tagħlim tul il-ħajja lil 4.2 fil-mija tal-popolazzjoni adulta f’Malta u Għawdex.

    Matul dawn is-snin rajna wkoll żieda sostanzjali fl-istipendji biex, filwaqt li fl-2008 kellna 15,000 student jieħu l-istipendju b’investiment ta’ 19-il miljun ewro, issa n-numru ta’ studenti ntitolati għall-istipendju tela’ għal 19,000, b’nefqa ta’ 23 miljun ewro.

    Biex inkomplu nsaħħu is-sistema tal-istipendji għal dawk l-istudenti li għandhom bżonn aktar għajnuna finanżjarja, se nżidu l-istipendju supplimentari. Huwa stmat li madwar 1,400 student fil-livell post sekondarju u terzjarju se jgawdu minn żieda ta’ 300 ewro f’sena akkademika. Għal dan il-għan qed nallokaw 400,000 ewro.

    Bdejna wkoll ix-xogħol biex studenti b’diżabilità ġewwa l-Università ta’ Malta jsirilhom assessment personalizzat li juri l-ħtiġijiet tagħhom, u biex ma jkollhom l-ebda xkiel fl-istudju terżjarju tagħhom. B’dan il-mod kull student b’diżabilità se jingħata pakkett finanzjarju li jwieġeb għall-ħtiġijiet edukattivi tiegħu jew tagħha. Din il-miżura għandha tinfirex ukoll fuq studenti b’diżabilità fil-livell post sekondarju u terżjarju.

    Bdejna l-kostruzzjoni tal-Campus il-ġdid tal-MCAST, b’investiment ta’ 130 miljun ewro. L-ewwel binja se tkun lesta fl-ewwel xhur tal-2013. Barra minn dan, bdew it-tħejjijiet għall-bini ta’ campus ġdid tal-ITS ġewwa Pembroke.

    F’dawn l-aħħar snin sar ukoll investiment qawwi fl-Università ta’ Malta li laħħaq kważi l-40 miljun ewro, u li ssarraf f’bini ta’ fakultajiet ġodda, bħal dik tal-ICT, u faċilitajiet fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-enerġija mekkanika, il-bioloġija, u l-kimika.

    Bejn l-2006 u l-2012, ingħataw ’il fuq minn 2,000 borża ta’ studju f’livell ta’ undergraduate, masters u dottorat. Dan minbarra li ngħataw boroż ta’ studju fl-arti u, minn din is-sena, fl-isports ukoll, b’investiment ta’ 19-il miljun ewro. Qed nagħtu wkoll opportunitajiet ta’ studju u taħriġ permezz ta’ boroż ta’ studju fl-oqsma tal-finanzi u t-teknoloġija. Issa se nkomplu nżidu l-Boroż ta’ Studju u se nniedu skema ġdida marbuta mal-ilsna barranin biex l-istudenti jkunu mħarrġa fil-qasam tat-traduzzjoni u interpretazzjoni ta’ lingwi, partikolarment fl-Għarbi, iċ-Ċiniż, u l-iSpanjol.

    L-iskema Get Qualified s’issa għenet aktar minn 2,000 student permezz ta’ tax credits li jammontaw għal 7.6 miljun ewro. Din l-iskema għandha l-għan li tgħin lil studenti u individwi sabiex jiksbu l-kwalifiki meħtieġa, u biex l-industrija lokali ssib ħaddiema mħarrġa, u b’hekk tkompli tikber. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jħaddem din l-iskema, u li jkompli jħeġġeġ aktar studenti jipparteċipaw fiha.

    Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja jaħdem ukoll biex joffri korsijiet f’suġġetti varji u f’livelli differenti. Sal-2008, il-parteċipazzjoni fil-korsijiet offruti f’dan is-settur kienet ta’ 7,258 persuna. Sa din is-sena, din il-parteċipazzjoni aktar milli rduppjat biex issa qbiżna is-16,000 persuna li qed jattendu xi kors tal-adulti jew fl-iskejjel tal-Mużika, l-Arti u d-Drama. Dan id-Direttorat waħdu llum qed jipprovdi tagħlim tul il-ħajja lil 4.2 fil-mija tal-popolazzjoni adulta f’Malta u Għawdex.”

    20.23 Livell Primarju u Sekondarju

    “Fil-qasam tal-edukazzjoni obligatorja, matul din il-leġislatura sar investiment sostanzjali biex it-tfal jirnexxu lkoll. Kull ġurnata tal-iskola, dan il-Gvern qiegħed jinvesti medja ta’ 1.5 miljun ewro fuq l-edukazzjoni, li tfisser aktar minn 6,000 ewro fis-sena fuq kull tifel u tifla. F’dawn l-aħħar snin, introduċejna bosta servizzi li qed iħallu l-frott mixtieq. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill- edukaturi u professjonisti kollha tal-ħidma bla heda tagħhom. Permezz ta’ tisħiħ fl-istrutturi li joffru gwida u sapport, is-sistema edukattiva qed tkun ta’ appoġġ kemm għat-tfal kif ukoll għall-familji li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet.

    Mill-2008 ‘l hawn kien hemm żieda ta’ 40 fil-mija fin-numru ta’ learning support assistants fl-iskejjel Pubbliċi f’kull livell minn kindergarten ‘il fuq. L-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti kellhom żieda ta’ 14 fil-mija fin-numru ta’ learning support assistants. Dawn ukoll qed jitħallsu minn fondi pubbliċi.

    F’din il-leġislatura rċevejna ċertifikat ieħor ta’ suċċess fil-qasam tal-edukazzjoni inklussiva fejn Malta tinsab fl-ewwel post fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea bl-inqas persentaġġ ta’ studenti li qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fi skejjel segregati barra l-mainstream. Dan meta r-rata ta’ pajjiżna hija ta’ 0.3 fil-mija, meta komparata ma’ medja ta’ 2.3 fil-mija fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

    Barra minnhekk, investejna bis-sħiħ f’riżorsi moderni u teknoloġikament mill-aktar avvanzati fl-iskejjel tagħna bl-għan li l-istudenti kollha jingħataw esperjenza ta’ tagħlim li tkun tassew tal-aqwa kwalitá. Matul l-aħħar snin investejna aktar minn 20 miljun ewro biex issa l-iskejjel huma mgħammra b’interactive whiteboards. Introduċejna l-pjattaforma tal-elearning li, permezz tagħha, l-iskejjel se jkunu qed joffru ambjent aktar interessanti u interattiv ta’ tagħlim.

    Filwaqt li pajjiżi ġirien tagħna għaddejjin bi protesti kontinwi minħabba l-miżuri ta’ awsterità fil-qasam edukattiv, dan il-Gvern kompla jinvesti biex isaħħaħ is-servizzi u l-infrastruttura tal-iskejjel. Fil-fatt, kemm ilha li twaqqfet il-Fondazzjoni tal-Iskejjel t’Għada, sar investiment ta’ 130 miljun ewro f’bini ta’ skejjel ġodda, immodernizzar ta’ skejjel eżistenti, u programmi ta’ manutenzjoni u tisbiħ. F’din il-leġislatura ftaħna ħames skejjel ġodda fil-Verdala, Pembroke, il-Mosta, ir-Rabat Għawdex, u l-Ħandaq – skola ġdida kull sena.

    Il-pjan għas-snin li ġejjin hu li nkomplu nibnu skejjel sekondarji ġodda f’Ħal Kirkop, Raħal Ġdid, Santa Venera, u Pembroke. Fl-iskejjel ta’ Raħal Ġdid u tal-Ħamrun se jinbnew ukoll żewġ Ċentri tar-Riżorsi fejn studenti b’diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-iskola sekondarja u jingħataw servizzi speċjalizzati skont il-bżonnijiet edukattivi li jkollhom.

    Il-Gvern għaddej b'ħimda biex jiżviluppa s-sit ta' madwar 20,600 metru kwadru ta’ dak li kien il-grawnd tal-futbol ta’ Pace Grasso ġewwa Raħal Ġdid. Dan se jinkludi parkeġġ għall-700 vettura, skola sekondarja għas-subien, ċentru ta' riżorsi għall-persuni b'diżabilità, u ċentru tas-saħħa.

    Matul din il-leġislatura konna xhieda wkoll ta’ bosta riformi fil-qasam edukattiv. Il-konsultazzjoni li saret dwar il-Kurrikulu Nazzjonali mal-edukaturi u l-professjonisti li se jkunu pijunieri fl-implimentazzjoni tagħha kienet waħda pożittiva. Permezz tal-feedback li ngħata issa se jkollna qafas ħolistiku li se jservi bħala gwida li toħroġ il-potenzjal ta’ kull student, filwaqt li tagħti spazju għall-kreattivita tal-għalliema.”

    20.22 Ċentri tal-Ħarsien tat-Tfal u Ċentri Wara l-Ħin tal-Iskola

    “F’din il-leġislatura offrejna bosta miżuri fiskali u miżuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Barra minnhekk, sena wara sena, ftaħna numru ta’ ċentri għall-ħarsien tat-tfal madwar Malta, kif ukoll ċentru ta’ wara l-ħin tal-iskola bil-għan li l-ġenituri jkunu jistgħu iħallu lil uliedhom f’post sikur u edukattiv fil-waqt li huma jkunu x-xogħol. Din is-sena qegħdin inħabbru li se nkunu qed niftħu tlett ċentri oħra ta’ ħarsien tat-tfal fiż-Żurrieq, il-Gżira u San Ġwann u sal-ewwel xhur tas-sena d-dieħla se jkollna 30 ċentru ieħor għat-tfal bejn 3 u 16-il sena għal wara l-ħin tal-iskola.”

    20.21 Edukazzjoni

    Investiment Kontinwu fl-Edukazzjoni ta’ Uliedna

    “Mr. Speaker,

    Dan il-Gvern dejjem ħadem biex jipprovdi liż-żgħażagħ bl-għodda neċessarja biex dawn ikunu jistgħu jimirħu fl-ekonomija attiva tagħna, u biex igawdu mill-opportunitajiet eċċitanti li qed jinħolqu. Din l-għodda tieħu l-forma tal-edukazzjoni li tibqa’ s-sisien tas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.

    Grazzi għat-tisħiħ tal-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna, waqt li pajjiżi oħra żiedu l-miżati u investew anqas fl-edukazzjoni, il-Gvern kompla jżid sena wara l-oħra l-budget għall-edukazzjoni u l-investiment fl-infrastruttura neċessarja għal dan il-qasam. Irridu li l-istudenti tagħna jkollhom l-aqwa għodda possibbli biex igawdu mis-suċċess li qed niksbu fil-qasam tax-xogħol. Dan qed nagħmluh b’investiment f’kull livell edukattiv.”

    20.20 Turiżmu

    “Mr. Speaker,

    Matul din is-sena komplejna bil-ħidma intensiva fir-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta. Din qed tiffoka fuq diversi setturi bħall-cruiseliners, id-diving, u t-turiżmu sostenibbli, u qed issarraf f’numru akbar ta’ turisti li qed jagħżlu lil Għawdex għall-btala tagħhom. Għalhekk, qed nerġgħu nallokaw il-fondi f’dan il-Baġit biex nassiguraw li dan l-effett jibqa’ jinħass. Is-suq tal-cruiseliners qed ikun inkoraġġanti, tant li matul din is-sena lqajna 16-il vapur f’Għawdex. L-interess f’dan is-settur għas-snin li ġejjin jidher li huwa wieħed inkoraġġanti. Sadanittant, kompliet il-ħidma fit-turiżmu sostenibbli, dak rurali, sportiv, u t-turiżmu għall-familji.

    Fil-ġranet li ġejjin se nniedu skema, b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f'Għawdex, li tinċentiva t-turiżmu domestiku lejn Għawdex bejn ix-xhur ta' Novembru u Frar ta’ kull sena. Kull min imur għal btala, u jgħaddi mill-anqas lejl wieħed f'akkomodazzjoni turistika liċenzjata, se jħallas l-istess prezz tal-vapur bħal resident Għawdxi. Qed nivvutaw 200,000 ewro għal din l-iskema.”

    20.16 Eko Għawdex

    “Matul dawn l-aħħar tliet snin, il-Gvern wettaq numru kbir ta’ proġetti marbuta ma’ Eko Għawdex. Taddfu numru ta’ żoni fil-widien fejn jinġabar l-ilma tax-xita bl-iskop li tikber il-ħażna tal-ilma tax-xita f’Għawdex. Inbnew u ġew restawrati ġibjuni għall-ħażna tal-ilma tax-xita. Infetah ġnien pubbliku ġdid f’Marsalforn. Ftaħna Ċentru ġdid ta’ Riċerka u Innovazzjoni fl-Agrikoltura u l-Ambjent flimkien mal-Università ta’ Malta fil-Farm Sperimentali tal-Gvern fix-Xewkija. Ħawwilna eluf ta’ siġar.

    Wettaqna r-riforma fit-trasport pubbliku li għenet biex tjieb ħafna l-aċċess għal kull lokalità madwar il-gżira.

    Nidejna kampanja li, permezz tagħha, familji Għawdxin irċevew informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma fid-dar, l-enerġija alternattiva, u s-separazzjoni tal-iskart.

    20.15 Ħarsien tal-Annimali

    “Mr. Speaker

    Fil-qasam tal-annimali f’din il-leġiżlatura wettaqna ħidma kbira. Ftaħna Ċentru San Franġisk għal-ħarsien tal-annimali b’sevizz ta’ 24 siegħa kuljum, servizz ta’ ambulanza tal-annimali 24 siegħa kuljum, introducejna l-microchipping tal-klieb kollha, u ftaħna l-ewwel dog park f’pajjiżna.

    Is-sena li ġejja se niftħu dog park ieħor fil-Family Park ta’ Wied il-Għajn, u flimkien mal-NGOs, se nagħmlu neutering campaign tal-klieb u l-qtates li jiġġerrew fit-toroq tagħna.

    Se ninvestu wkoll 250,000 ewro f’għajnuniet għas-santwarji tal-annimali.”

    Għawdex

    “Il-Gvern kompla jinvesti f’Għawdex bil-għan li jisfrutta l-potenzjal ta’ Għawdex bħala gżira ekoloġika, u biex jiżgura li kull familja tgawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Minkejja is-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali, irnexxilna ninċentivaw lill-operaturi u individwi biex żammejna l-qasam tax-xogħol f’Għawdex stabbli.

    Ix-xogħol huwa sfida partikolari għal Għawdex u se nibqgħu nagħmlu ħilitna biex negħlbu din l-isfida.

    L-iskema Microinvest għinet 200 kumpanija, ħafna minnhom negozji żgħar. Dawn investew madwar żewġ miljun ewro bejniethom. L-Employment Aid Programme waslet biex, aktar minn 150 intrapriża li flimkien jimpjegaw 450 ħaddiem, ibbenefikaw minn sussidju għall-ewwel 52 ġimgħa ta’ xogħol. Dan wassal biex bejn l-2010 u l-2011 kien hemm żieda ta’ 285 persuna jaħdmu f’Għawdex.”

    20.10 Immaniġġjar tal-iskart

    “Mr. Speaker,

    F’dak li hu mmaniġġjar tal-iskart, fl-aħħar ħames snin wettaqna riformi kbar. Bi pjaċir infakkar li fil-ġranet li ġejjin kull min joqgħod f’żona ta’ 1.5 km mill-impjant ta’ Sant’Antnin se jibda jirċievi cheque b’ammont skont id-daqs tal-familja li jissarraf meta jitħallas il-kont tad-dawl. Dan se jsir taħt l-iskema Good Neighbourhood Scheme, u b’hekk il-ġirien tal-impjant ta’ Sant’Antnin igawdu huma wkoll mill-enerġija nadifa li l-impjant qiegħed jiġġenera. Irrid ngħid li l-Inspire diġà qed igawdu billi l- arja sħuna ġenerata fil-proċess ta’ kompost tiġi użata biex issaħħan il-pixxina tagħhom.”

    Konservazzjoni tal-ilma

    “Il-Gvern qed ifassal pjan biex kull dar tibbenefika minn apparat li jgħin fil-konsevazzjoni tal-ilma li jintuża minn kull familja. Dan b’apparat żgħir li jeħel mal-vit tal-ilma u li permezz tiegħu jonqos il-ħela tal-ilma. Din l-inizjattiva diġà tnediet f’Għawdex u issa se nestenduha anke f’Malta.

    Barra minnhekk, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ se tagħti taħriġ biex tiġi varata skema li żżid l-konsevazzjoni tal- ilma fid-djar tagħna. Din l-iskema taħseb biex residenzi skedati fiż-żona urbana japplikaw biex jirranġaw il-bir jew jagħmlu sistema ta’ plumbing għal ilma second class. Qed nallokaw 150,000 ewro għal din l-iskema, fejn kull applikant li jiġi aċċettat jingħata 50 fil-mija tal-ispejjeż, sa massimu ta’ 1,000 ewro.”

    20.00 Proprjetà residenzjali

    “F’dan il-Baġit se nniedu skema għal dawk li jixtiequ jirrestawraw proprjetà residenzjali ġewwa l-ibliet u l-irħula tagħna. Għal dawn il-proprjetajiet, li jridu jkunu skedati fi Gradi 1 u 2, jew jinsabu f’UCA, se tingħata rifużjoni ta’ 25 fil-mija fuq l-ispejjeż ta’ restawr sa massimu ta’ 5,000 ewro. Fil-każ ta’ proprjetajiet li qegħdin il-Belt, ir-rata ta’ rifużjoni se tkun ta’ 30 fil-mija.

    Se nniedu skema wkoll għal għaqdiet mhux governattivi rikonoxxuti, li jinvestu fir-restawr tal-proprjetajiet tagħhom, jew li jkunu qed jagħmlu użu minn proprjetà li tkun għaddiet fil-kustodja tagħhom mill-Gvern. Il-proprjetajiet iridu jkunu wkoll skedati fi Gradi 1 u 2 jew jinsabu f’UCA. F’dan il-każ tingħata rifużjoni ta’ 25 fil-mija fuq l-ispejjeż ta’ restawr sa massimu ta’ 2,500 ewro.

    Individwi u kumpaniji li jixtru proprjetà f’żoni barra UCAs għal skop ta’ restawr u żvilupp, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill- MEPA, se jibbenefikaw minn rata mnaqqsa ta’ 2 fil-mija fuq ħlas ta’ boll fuq id-dokumenti. Se jingħataw ukoll kreditu ta’ taxxa ta’ 20 fil-mija, sa massimu ta’ 200,000 ewro, fuq in-nefqa li tikkwalifika għal dan ir-restawr u żvilupp.

    Trasport

    “F’dan il-Baġit, qed innaqqsu r-rata fit-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq karozzi ta' tip Euro standard 5 sa massimu ta' 30 fil-mija.

    Se nibqgħu kommessi wkoll b’inizjattivi li jkomplu jtejbu l- kwalità tal-arja tagħna. Wieħed mis-sorsi prinċipali huma d-dħaħen mill-karozzi. L-iskema tal-iskrappjar ta’ karozzi privati ntlaqgħet b’suċċess mill-pubbliku, tant li għal sentejn konsekuttivi l-iskema ttieħdet kważi kollha. Għalhekk, il-Gvern se jagħti għotja ta’ 500 ewro lil kull min jixtri karozza jew vettura kummerċjali ġdida tat-tip N1, waqt li jiskrappja vettura qadima tal-istess kategorija fil-faċilitajiet ta’ skrappjar li għandhom permess ambjentali mill-MEPA. Għal din l-iskema qed nivvutaw 500,000 ewro.

    It-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq karozzi ta' tip Euro standard 4 qed tiżdied b'medja ta' 10 fil-mija. Fl-istess ħin, it-taxxa minima ta’ reġistrazzjoni għal karozzi impurtati minn barra l-Unjonni Ewropea, għandhom ħames snin u li, għandhom emissjonijiet ta’ 130g/km ta’ karbonju ta’ dijossidju se tinżel għal 1,000 ewro.

    Qed innaqqsu wkoll ir-rata ta' taxxa għal vetturi kummerċjali tal- kategorija N1 bi 12.5 fil-mija. Din il-miżura se tagħti inċentiv akbar lill-kumpaniji u lil dawk li jaħdmu għal rashom biex jixtru vetturi kummerċjali aktar moderni.

    It-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq muturi li jkollhom magna sa 250cc se titneħħa. Għal muturi b’magna akbar qed innaqqsu t-taxxa ta' reġistrazzjoni b'25 fil-mija.

    Fil-kaz ta' vetturi Classic, Vintage u Veteran qed inneħħu t-taxxa ta' reġistrazzjoni għal dawk li għandhom 50 sena jew aktar. Barra minnhekk, l-età minima biex vettura tiġi klassifikata bħala Classic se tinżel minn 35 għal 30 sena. Qegħdin ukoll inneħħu l- liċenzji fuq dawn il-vetturi. Din qed tiġi mibdula f’miżata amministrattiva ta’ €8 fuq kull vettura.

    It-tibdil fir-rati tat-taxxa ta' reġistrazzjoni se jidħlu fis-seħħ mid- 29 ta' Novembru 2012.

    Huwa fatt magħruf li karozzi li jaħdmu b' autogas iniġġżu anqas. Diġà hemm numru ta’ vetturi li nqallbu biex qed jaħdmu bl- autogas. Biex ninċentivaw lil min jeqleb il-karozza tiegħu għall- autogas se nniedu skema li tagħti rifużjoni ta' 200 ewro. L-iskema se tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2013 u tibqa' fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru tal-istess sena, jew sakemm jibbenefikaw 1,000 persuna. Għal din l-iskema qed nivvutaw 200,000 ewro. Din l- iskema se titħaddem mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi.

    Għal dawk il-karozzi li jinqalbu għall-autogas u li jkunu ġew reġistrati mill-1 ta' Jannar 2009 'l hawn, il-livell tal-karbonju tad- dijossidju reġistrat se jitnaqqas b'10 fil-mija. Dan jiġi rifless fil- liċenzji li jitħallsu għal dawn il-karozzi. Dan it-tibdil jidħol fis- seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.

    Is-sena l-oħra ħabbarna skema fejn min għandu liċenzji b’lura jista’ jirregolarizza ruħu ma’ Transport Malta. S’issa madwar 3,500 persuna diġà daħlu f’din l-iskema. Din l-iskema se nestenduha sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    19.55 Investiment biex intejbu idDehra ta’ Pajjiżna

    “Matul din il-leġislatura kellna investiment infrastrutturali massiv f’dan il-pajjż, finanzjat sostanzjalment mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

    Il-proġetti li għaddejjin fil-Belt Valletta se jagħtu lura d-dinjità mistħoqqa lill-Belt kapitali tagħna. Għamilna il-proġett fid-daħla tal-Belt biex stajna neħilsu l-Palazz tal-Gran Mastri mill-Kamra tal-Parlament u l-Uffiċini. B’hekk din il-ġawhra f’nofs il-Belt titgawda aktar minn kulħadd. Ergajna bnejna il-lift tal-Barrakka li se jgħaqqad il-port maċ-ċentru tal-Belt Valletta. Ressaqna l-pjanti biex il-Pixkerija tinbidel f’boutique hotel, u biex l-isptar Boffa jinbidel f’lukanda mill-isbaħ.

    Is-sena d-dieħla se jitlesta r-restawr fuq il-faċċati ta’ Kastilja u l-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, filwaqt li se jingħata bidu għar-restawr tal-faċċata tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

    Qed nirrestawraw ukoll il-Forti ta’ Sant Iermu biex dan jinbidel f’ċentru ta’ storja, kultura u tagħlim. Bnejna mill-ġdid il-Pont tal-Breakwater li diġà qed jitgawda mill-familji Maltin. Qed nibnu parkeġġ fil-Furjana biex nagħtu lura l-ispazji meħuda fil-Belt u b’hekk ikun hawn aktar aċċessibbiltà

    Komplejna bil-proġetti marittimi. Lestejna l-moll tal-Isla, wasal biex jitlesta l-breakwater ta’ Marsaxlokk, u saru xogħolijiet fuq dak tal-Belt. It-terminal taċ-Ċirkewwa se jkun qed jaħdem f’Diċembru.

    Bħalissa għaddej ukoll ix-xogħol fuq l-akbar proġett li qatt sar f’pajjiżna: dak biex itaffi l-għargħar. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ 56 miljun ewro u hu ntiż biex jittaffew l-għargħar permezz ta’ sistema ta’ mini taħt l-art li jilqgħu l-ilma tax-xita. Iżda, dan se jgħinna wkoll biex inżidu l-potenzjal tal-ħażna b’700,000 metru kubu ta’ ilma mal-210,000 li għandna sa llum.”

    “Mr. Speaker,

    Dawn il-proġetti qed joħolqu aktar xogħol għall-ħaddiema tagħna.

    Din il-leġiżlatura tibqa’ imfakkra wkoll għal kemm raddejna lura lin-nies spazji ġodda li qabel ma setgħux igawduhom, bħal Pjazza San Ġorġ fil-Belt, l-Adventure Park f’Ta’ Qali, il-Water Park f’Buġibba, Pjazza Sant’Anna f’Tas-Sliema, u tant oħrajn. Is-sena d-dieħla se jinbeda xogħol fuq Water Park f’Għawdex u ieħor fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn.

    Se jitlestew ic-Ċentru Ċiviku fis-Swieqi u l-Ġnien Pubbliku f’San Ġwann. Is-sena d-dieħla wkoll se jinbeda x-xogħol fuq underground carpark u ġnien pubbliku fix-Xatt ta’ tas-Sliema u l-Pjazza l-kbira ta’ Raħal Ġdid.

    Il-Gvern, għal darb’oħra, qed iżid il-fondi għall-Kunsilli Lokali b’miljun ewro għal total ta’ 32.4 miljun. Dan għax jemmen fil-ġid li jagħmlu fil-komunitajiet ta' pajjiżna.

    Sas-sena d-dieħla wkoll, se nkunu lestejna r-restawr fuq sitt kilometri ta’ swar minn total ta’ sitt kilometri b’investiment ta’ 36 miljun ewro. B’dan il-proġett, mhux biss qed nagħtu valur akbar lill-partimonju storiku ta’ pajjiżna, iżda qed noħolqu anke spazji komdi għall-familji li qabel ma kellhomx aċċess għalihom. Matul l-2013 se titlesta r-riabilitazzjoni tal-Fosos tal-Mdina u tal-Birgu li se jerġgħu jingħataw lin-nies bħala ġnien pubbliku għar-rikreazzjoni tagħhom.

    Is-sena d-dieħla se nibdew ukoll ir-restawr fuq partijiet mis-swar tal-Isla u l-bini mill-ġdid tal-partijiet li waqgħu tal-Palazz Vilhena fl-iMdina, filwaqt li titlesta r-riabilitazzjoni tas-Salini. Dan b’investiment ta’ 7 miljun ewro.”

    19.50 Infrastruttura, Proġetti u Ambjent

    “Mr. Speaker,

    Il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin hija wkoll direttament marbuta mal-livell ta’ infrastruttura u ambjent li għandna f’pajjiżna. L-investiment f’ambjent aħjar u f’enerġija aktar nadifa jfisser kwalità tas-saħħa aħjar għal kulħadd.”

    Enerġija

    “Investejna f’estensjoni għall-power station ta’ Delimara. Se tkun qed tilħaq l-aqwa standards ambjentali Ewropej. Dan huwa investiment kbir favur kwalità ta’ arja aħjar. B’din l-estensjoni u bl-interconnector ma’ Sqallija, tkun tista’ tingħalaq darba għal dejjem il-power station tal-Marsa. Dan qed nagħmluh għaliex il-familji Maltin u Għawdxin jixraqilhom l-aħjar ambjent għal saħħithom.

    Kif ħabbart is-sena li għaddiet, il-Gvern għaddej f’negozjati mal-Unjoni Ewropea biex fil-Programm 2014-2020 ikun hemm finanzjament sostanzjali biex inkunu nistgħu ningħaqdu mal-pipeline tal-gass ewropew. Il-Gvern qed jinnegozja mal-Unjoni Ewropea fuq il-finanzjament ta’ dan il-proġett, li mingħajr tali Fondi jkunu għola u mhux orħos. Dan il-proġett se jippermettilna wkoll li ninvestu f’sistema li twassal il-gass fid-djar tagħna.

    Dan qed nagħmluh għaliex se nibqgħu kommessi li ma ngħollux it-tariffi tad-dawl u ilma, anke jekk il-prezz taż-żejt jinsab f’livelli għoljin u l-Enemalta qed taffaċċja diffikultajiet biex tagħmel tajjeb għad-differenzi minn dawk li fuqhom maħdumin it-tariffi. Kien għalhekk li ħadna deċiżjoni din is-sena li l-Gvern jerfa’ l-piż tal-eko riduzzjoni u anke tal-feed in tariffs, u b'hekk fil-Baġit għall-2013 qed nallokaw is-somma ta’ 25 miljun ewro biex jagħmlu tajjeb għal dan.

    Il-Gvern qed jaħdem ukoll biex permezz ta’ aktar enerġija nadifa ngawdu minn arja aktar nadifa u livell ta’ saħħa aħjar.

    F’dak li jirrigwardja l-enerġija mix-xemx, qed naraw li se nilħqu l-miri għas-sena 2012. Permezz tal-iskemi li daħħalna mill-2006 ‘l hawn, aktar minn 6,200 familja nvestew f’sistema ta’ panelli fotovoltajiċi. Fl-istess perjodu kien hemm ukoll 8,300 familja li nstallaw solar water heater jew aperturi double glazing.

    Matul is-sena d-dieħla se tibda tiġi ġenerata l-enerġija minn 67,000 metru kwadru ta’ panelli fotovoltajiċi minn fuq is-soqfa ta’ binjiet pubbliċi wara sejħa pubblika li kienet diġà nbdiet fl-2009. Se toħroġ sejħa pubblika wkoll għal 40,000 metru kwadru ieħor ta’ soqfa ta’ binijiet pubbliċi biex dawn ukoll jinksew b’panelli fotovoltajiċi.

    Barra minnhekk, se jiġu introdotti s-segwenti feed in tariffs għal PVs li mhux qed jiġu mgħejjuna minn xi forma ta' għotja finanzjarja fuq il-kapital kif ġej:

    · installazzjonijiet ta' anqas minn 1MW fuq soqfa: 18ċ/kWh għal 20 sena;

    · installazzjonijiet ta' anqas minn 1MW fuq l-art: 17ċ/kWh għal 20 sena;

    · installazzjonijiet ta' aktar minn 1MW fuq soqfa: 17ċ/kWh għal 20 sena; u

    · installazzjonijiet ta' aktar minn 1MW fuq l-art: 16ċ/kWh għal 20 sena.

    L-Applikazzjonijiet se jintlaqaw mill-Awtorità għar-Riżorsi fl-ewwel sitt xhur tal-2013.

    Irrid niċċara li dawk li għandhom diġà installazzjonijiet taħt xi skema preċedenti, mhu se jinbidlilhom xejn mill-arranġamenti preżenti, filwaqt li l-Gvern qed iħares biex joħroġ skema oħra ta' pannelli għad-djar.

    Il-Gvern qed jiffinalizza wkoll skema li permezz tagħha familji li ma jistgħux iwaħħlu pannelli fotovoltajiċi fuq il-bejt tagħhom, jinvestu f’sistema akbar lil ‘hinn mir-residenza tagħhom. Dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-enerġija nadifa ġenerata skont l-investiment li jagħmlu f’din is-sistema komuni.

    Se nestendu l-iskema li tagħti lura 40 fil-mija tan-nefqa lin-nies sa massimu ta’ 400 ewro fuq ix-xiri ta’ solar water heaters, u dik li tagħti rifużjoni ta’ 15.25 fil-mija sa massimu ta’ 1,000 ewro fuq l-installazzjoni ta’ aperturi double glazing u mezzi oħra ta’ insulation u effiċjenza fl-użu ta’ enerġija.

    Biex il-Gvern ikun jista’ jiffinanzja parzjalment dawn id-diversi skemi favur l-enerġija nadifa, se tiżdied ir-rata ta’ sisa fuq il-konsum ta’ fjuwils b’2ċ għal kull litru, u fuq is-siment b’€5 għal kull tunnellata.”

    19.47 Inkomplu Niġġieldu l-Evażjoni

    “Huwa importanti ħafna li kulħadd iħallas dak li huwa dovut minnu f’taxxa. Il-flus li ndaħħlu mit-taxxi jintefqu fl-edukazzjoni, f’għajnuna lill-familji tagħna, u f’investimenti biex noħolqu x-xogħol fil-pajjiż. F’din il-leġiżlatura emendajna l-liġijiet tad-Dwana, tal-Income Tax, u tal-VAT biex saħħaħna l-liġijiet tal-pajjiż. Ħarraxna l-ġlieda kontra l-abbuż u l-evażjoni tat-taxxa. Se nkomplu niġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u l-abbuż għaliex hekk titlob il-ġustizzja soċjali. Hekk hemm bżonn biex pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem.”

    19.45 Innaqqsu il-Piż tat-Taxxa biex Inkomplu Ninċentivaw ix-Xogħol

    “Mr. Speaker,

    Dan il-Gvern, konsistentement, naqqas il-piż tat-taxxa minn fuq id-dħul, għax jemmen li t-taxxa fuq ix-xogħol toħnoq l-impriża u lil min irid jaħdem f'pajjiżna.

    F'din il-leġislatura biss, naqqasna l-income tax għal kulħadd, u biha, wara r-riforma li għamilna fuq tlett snin, ħallejna 152 miljun ewro fis-sena fil-bwiet tal-Maltin.

    Introduċejna il-Komputazzjoni Ġenitur, li biha naqqasna t-taxxa lill-familji li jaħdmu bit-tfal. Din il-miżura laqtet b'mod pożittiv madwar 55,000 ġenitur u li, bejniethom, gawdew mal-10 miljun ewro oħra.

    Naqqasna 17-il taxxa f'din il-leġislatura, u f'dan il-Baġit se nwettqu miżuri oħra importanti.

    Tajna l-iskema ta' tnaqqis ta' taxxa għan-negozji ż-żgħar, sa 25,000 ewro b’l-iskema MicroInvest, u li f’dan il-Baġit qed nestendu.

    Tajna sena bla taxxa lill-ommijiet li qegħdin jew li jerġgħu lura lejn fid-dinja tax-xogħol għal kull wild, tnaqqis ta' taxxa fil-miżati għall-iskejjel privati, għal kura tal-anzjani, child care, sport u kultura. Neħħejna l-liċenzja tat-televiżjoni, d-departure tax, u t-taxxa fuq il-credit card, fost l-oħrajn.

    Minħabba l-kriżi ekonomika, il-Gvern kien għażel li jintroduċi miżuri oħra ta' tnaqqis ta' taxxa li ma kinux imwegħda fil-Programm Elettorali, bħall-iskema tal-MicroInvest u l-komputazzjoni ġenitur. Dan għaliex il-Gvern ried jagħti inċentiv akbar lil min kien se jinvesti u jħaddem in-nies, filwaqt li napoġġjaw aktar lill-familji bit-tfal.

    Iżda miżura importanti li l-Gvern kien ippropona għal din il-leġiżlatura kienet dik li nnaqsu r-rata massima tat-taxxa tad-dħul minn 35 fil-mija għal 25 fil-mija, sa dħul massimu ta’ 60,000 ewro.

    Il-Gvern, f'dan il-Baġit se jkun qed jibda iwettaq ukoll din il-wegħda elettorali mat-tnaqqis kollu fit-taxxa li diġà wettaqna fl-aħħar erba’ snin. Iżda, dan b'mod li jassigura li l-miri finanzjarji tal-Gvern mhux biss ma jiġux preġudikati, iżda li l-impatt pożittiv li għandha din il-miżura tgħin f'attività ekonomika akbar. Dan billi tali miżura mhux biss tolqot id-dħul ta' persuni li huma bil-paga, iżda tolqot ukoll lin-negozji żgħar ta' pajjiżna li se jħallsu anqas taxxa.

    Għaldaqstant, fit-tlett snin li ġejjin, il-Gvern se jwessa’ t-tax bands tal-komputazzjoni Singoli, Konġunti, u Ġentitur, biex id-dħul, sa massimu ta' 60,000 ewro jiġi ntaxxat kif ġej:

    · Sena Bażi 2013 tinżel għal-32 fil-mija

    · Sena Bażi 2014 terġa’ tinżel għal 29 fil-mija

    · Sena Bażi 2015 tinżel għar-rata ta' 25 fil-mija.”

    Children’s Allowance

    “Madanakollu, għaliex il-Gvern jemmen li għandu jagħti appoġġ dirett lill-familji bit-tfal li ma jgawdux minn din il-miżura, għal darb’oħra, se nerġgħu ngħollu ċ-children’s allowance minima minn 350 għal 450 ewro għal kull wild. Minn din il-miżura se jgawdu ‘l fuq minn 29,000 tifel u tifla u 20,400 familja. Se nżidu wkoll ir-rata taċ-children’s allowance għal dawk il-familji li jgħixu bil-paga minima biex nassiguraw li dawn il-familji jieħdu l-ogħla rata ta’ dan il-benefiċċju, dik ta’ 1155.90 ewro fis-sena għal kull wild – żieda ta’ 177 ewro fis-sena għal kull wild fuq dak li qed jieħdu llum. Dan għax rridu nassiguraw li tingħata l-għajnuna kollha possibbli lill-familji bit-tfal li jiddependu fuq il-paga minima. Minn din il-miżura huwa stmat li se jibbenifikaw mal-1,680 tifel u tifla u 1,110 familji.”

    19.42 Nisa u d-Dinja tax-Xogħol

    “Is-Sur Fenech saħaq li pajjiżna għaddej minn trasformazzjoni ekonomika u soċjali importanti, hekk kif aktar koppji qed jagħżlu li jaħdmu t-tnejn. Il-Gvern, tul din il-leġislatura, nieda sensiela ta’ inizjattivi mmirati biex jgħin lill-familji Maltin isibu bilanċ aħjar bejn il-ħtiġijiet tal-familja u x-xogħol.

    Illum il-Gvern għandu 10 childcare centre madwar Malta u Għawdex. “Bħalissa qed jinbnew erba’ oħra: fin-Naxxar, San Ġwann, il-Gżira u fiż-Żurrieq. Dan minbarra li l-Gvern jissussidja tliet ċentri oħra fl-iskejjel tiegħu u li huma mmexxija mill-privat, iċ-Ċentri l-oħra fl-MCAST, fl-Università, u l-ETC. Qed jinbnew numru ta’ childcare centres oħra f’żoni industrijali.

    Ġenituri li jibgħatu ‘l uliedhom f’child care centre jnaqqsu sa 1,300 ewro mid-dħul taxxabbli tagħhom. Kważi 2,400 ġenitur qed igawdu minn dan it-tnaqqis.

    Dan minbarra li dawk in-nisa li jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol wara nuqqas ta’ ħames snin jew li jkollhom tarbija, qed jibbenefikaw minn sena bla taxxa. Medja ta’ 2,800 omm fis-sena qed jidħlu lura għax-xogħol u jiffrankaw sena taxxa.

    Wara li din is-sena żidna l-maternity leave minn 14 għal 16-il ġimgħa, is-sena d-dieħla din se tiżdied għal 18-il ġimgha.”

    19.40 Inkomplu nixprunaw lill-Ħaddiema Tagħna fid-Dinja tax-Xogħol

    “Mr. Speaker,

    Dan il-Gvern dejjem ħadem biex joħloq l-opportunitajiet tax-xogħol għall-ħaddiema tagħna. Il-ħaddiem Malti huwa bieżel u jrid jaħdem. Irid aktar xogħol b’pagi tajbin, li jagħti dinjità u li jrendi biex il-familja tiegħu tkun tista’ tgħix ħajja xierqa u li jistħoqqilha.

    Investejna wkoll fil-persuni nfushom, fl-istudenti u fil-ħaddiema, biex dawn ikollhom l-edukazzjoni u l-ħiliet neċessarji biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u b’hekk jaqsmu mill-ġid li qed jinħoloq fil-pajjiż. Qatt ma kellna daqshekk żgħażagħ li qed ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom, u li qed ikomplu jitħarrġu wara t-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja.

    Iżda l-Gvern mhux kuntent b’daqshekk, Mr. Speaker. Il-Gvern irid li kulħadd isib postu fid-dinja tax-xogħol skont l-inklinazzjonijiet u l-ħiliet tieghu. Fuq kollox, il-Gvern irid ikompli jgħin lid-diversi gruppi ta’ persuni fis-soċjetà tagħna li, għal xi raġuni jew oħra, ikollhom bżonn l-għajnuna biex jintegraw ruħhom aħjar jew ikomplu jtejbu l-prospetti tagħhom fid-dinja tax-xogħol. Għal dan il-għan, anke permezz ta’ dan il-Baġit, qed nipproponu numru ta’ inizjattivi ġodda.

    Irridu li ż-żgħażagħ kollha jgawdu mill-opportunitajiet li qed jinħolqu.

    Għalhekk:

    · Għalkemm għandna fost lanqas rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, se nniedu skema Active li se tiffoka fuq dawk iż-żgħażagħ kollha li huma qegħda u li qed jirreġistraw għax-xogħol. Wara li ż-żgħażagħ jingħataw t-taħriġ meħtieġ, dawn se jingħataw esperjenza ta’ xogħol ta’ 20 siegħa f’settur indikat fil-profil tal-istess żgħażagħ. Dawn iż-żgħażagħ se jingħataw ukoll benefiċċju pro-rata;

    · Se nniedu skema oħra li se tkun immirata għal dawk iż-żgħażagħ li qed jirreġistraw, u għal oħrajn. Din għandha sservi ta’ inċentiv biex iż-żgħażagħ jidħlu fi proġett imprenditorjali. L-applikant se jkollu għażla biex jiftaħ impjieg għal rasu jew jingħaqad f’koperattiva. Kull parteċipant se jingħata taħriġ bażiku u mentoring, kemm waqt il-proċess kif ukoll wara. Għaldaqstant din l-iskema se tkun qed toffri, taħriġ, start-up grant, u servizzi ta’ mentoring. Dawk li jħaddmu magħhom sa tliet persuni se jingħataw tnaqqis fil-bolla; u

    · Se ntejbu l-iskema li tiffoka fuq programm innovattiv tal-apprendistat, u li se tagħti inċentivi finanzjarji lil min iħaddem u lill-istudenti. Filwaqt li se nestendu l-iskema tal-apprendistat, u se niftħuha għal aktar setturi, il-Gvern se jkun qed iħallas il-bolla minnflok min jimpjega. Dan minbarra li se nżidu l-istipendju tal-apprendisti minn €86 għal €95 u, għal ċerti setturi fejn il-Gvern flimkien mal-industrija jħoss li jkun hemm bżonn ta’ aktar investiment, se nżidu l-istipendju b’€20 oħra minn fuq iż-żieda mħabbra.

    Għal dawn it-tliet programmi se ninvestu 1.5 miljun ewro.

    “Il-programm Youth.Inc, li huwa mmirat għal żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena li, meta jkunu fis-sistema edukattiva jew f'post tax-xogħol, jerġgħu jingħataw ċans ieħor b'taħriġ speċjalizzat. Dan il-Programm se ikun estiż sa l-eta ta' 24 sena biex jilħaq aktar żgħażagħ. Dan il-Programm joħloq sistema edukattiva li toffri taħriġ bażiku u esperjenza fuq il-post tax-xogħol. Barra minn hekk, se nsaħħu t-tim professjonali u se nżidu livell ieħor biex żgħażagħ li jaslu fit-tielet livell jingħataw aktar esperjenza prattika ta’ xogħol. Dan ifisser ukoll li studenti li jaslu sat-tieni livell f’istituzzjoni oħra se jkunu jistgħu jkomplu l-istudju tagħhom fit-tielet livell ta’ dan il-Programm. Dan b’investiment ta’ 600,000 ewro fuq is-sena ta’ qabel.

    Il-Programm Job Bridge se jagħti taħriġ speċjalizzat għal persuni b’diżabilità bil-għan li dawn il-persuni jibnu l-kompetenzi u l-ħiliet neċessarji biex jadattaw għas-suq tax-xogħol. Dan il-Programm se jkollu professjonisti mħarrġa biex jgħinu lil persuni b’diżabilità fil-mixja tagħhom mit-transizzjoni tal-iskola għas-settur tax-xogħol. Il-post identifikat f’Pembroke se jkun mgħammar b’apparat modernizzat li se jiffaċilità dan it-tagħlim. Fuq medda ta’ sentejn dan il-proġett se jfisser investiment ta’ ‘l fuq minn nofs miljun ewro.”

    19:38 Titneħħa t-taxxa tal-boll fuq it-trasferiment ta' proprjetà fuq il-wirt u donazzjonijiet minn ġenituri għall-ulied

    Minħabba l-kundizzjonijiet fis-suq tal-proprjetà, partikolarment il-fatt li l-prezzijiet ta' ċertu proprjetajiet issa stabbilizzaw irwieħhom, il-Gvern iħoss li l-għażla preżenti ta' seba’ snin jekk wieħed iħallas fuq il-qligħ mil-bejgħ jew 12 fil-mija final witholding tax mal-bejgħ, għandha tiġi estiża għal 12-il sena mis-sena ta' stima 2013.

    Se nagħmlu ukoll riforma amministrativa importanti dwar is-sistema tal-valutazzjoni tal-periti li l-Gvern iħoss li wasal iż-żmien li tiġi aġġornata:

    1. Fil-każ ta' koppji jew persuni li qed jixtru d-dar residenzjali tagħhom, u qed jieħdu self mill-bank, se jkunu jistgħu jannettu l-valutazzjoni tal-perit imqabbad mill- bank bħala konferma tal-prezz tas-suq;
    2. F'każ ta' proprjetajiet li, l-valur tagħhom jaqbeż il-250,000 ewro, se nibdew proċess bi prova fejn, qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt, fl-istadju li jsir il-konvenju, ix-xerrej u l-bejjiegħ ikunu jistgħu jitolbu lid-Dipartment jibgħat il-perit tiegħu qabel biex joħroġ l-istima tal-prezz li fuqu ikun irid jitħallas il-boll. Din il-valutazzjoni se tibqa’ valida biss sitt xhur mid-data li tinħareġ

    Mill-1 ta' Jannar 2013, qed titneħħa it-taxxa tal-boll fuq it- trasferiment ta' proprjetà fuq il-wirt u donazzjonijiet minn ġenituri għall-ulied tagħhom. Il-limitu ta’ 10 snin fuq tfal bi bżonnijiet speċjali qed jitneħħa wkoll.

    Se ngħollu ukoll is-ceiling li fuqu l-first time buyers inħallsu 3.5 fil-mija fuq il-boll minn 116,468.67 ewro għal 150,000 ewro.”

    19:31 Inċentivi għal aktar boutique hotels

    “Il-Malta Enterprise se tirrevedi l-Incentive Guidelines biex lukandi liċenzjati jkunu jistgħu jibbenefikaw minn investment aid ta’ 15 fil-mija ta’ l-sipiża kapitali tagħhom f’forma ta’ tax credits. Għaldaqstant, għal kull 100 ewro investiment se jkunu jistgħu jnaqqsu €15 mill-kont tat-taxxa, u ma hemm l-ebda capping fuq dan l-amont. Dan għandu jagħti appoġġ dirett lil-lukandi f’pajjiżna fl-isforz li nagħmlu din l-industrija aktar sostenibbli fit- tul. Dan il-beneffiċċju se jkun japplika mis-sena bażi 2013.

    Barra minnhekk, ser iniedi skema ta’ inċentivi biex jiżdied l-għadd ta’ boutique hotels fil-Belt Valletta, l-Imdina u t-Tlett Ibliet. L-inċentivi li qed jiġu proposti jinkludu tnaqqis ta’ taxxa fuq investimenti relatati ma’ spejjeż għax-xiri u l-iżvilupp ta' siti bħal dawn, kif ukoll tnaqqis fil-miżati relatati ma’ permessi, b'mod partikolari tal-MEPA u tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

    Il-Gvern se jibda l-implimentazzjoni sħiħa ta’ l-Istrateġija dwar il-Kreattività, b’enfasi fuq it-titjib u t-tisħiħ tal-governanza kulturali. Din għandha twassal għall-implimentazzjoni ta’ taqsima sħiħa fil-qalba tal-politika kulturali nazzjonali, b’rabta mal-prijoritajiet identifikati fil-Viżjoni tal-Gvern li jitrasforma lil Malta f’ċentru ta’ eċċellenza kreattiva. It-tisħiħ tal-qafas governattiv li jamministra ’l fuq minn 17-il miljun ewro f’fondi pubbliċi lejn entitajiet jew skemi ta’ investiment fis-settur huwa essenzjali biex nibnu settur kulturali u kreattiv sostenibbli u relevanti fil-kuntest tar-realtajiet soċjali, ekonomiċi u kulturali tal-lum.”

    19:27 Jgħin l-akkomodazzjonijiet ta’ tlett stilel

    “Fil-Baġit għal din is-sena se jkunu allokati nofs miljun ewro għar-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta.

    Il-Gvern kommess li jieħu numru ta’ inizjattivi biex jgħin l-akkomodazzjonijiet ta’ tlett stilel jadattaw għall-iżviluppi fis-suq. Ninsabu determinati wkoll biex intejbu s-servizz turistiku mill-akkomodazzjoni ta’ erba’ stilel. Irridu ninkoraġġixxi aktar ristoranti li joffru ikel Malti u li jippromwovu l-prodotti tal-ikel Malti. Se nkunu wkoll qed nappoġġjaw inizjattivi li jirrinovaw bini li qed jaqa’ u li qiegħed fl-irħula u fl-ibliet għall-użu turistiku.”

    19:23 Is-Settur tat-Turiżmu

    “Is-settur tat-turiżmu huwa pilastru ewlenin tal-ekonomija tagħna. Il-Gvern, b'dan il-Baġit, se jkompli jżid l-investiment tiegħu f'dan is-settur, u qed jgħolli għal darb’oħra l-allokazzjoni għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għal-37 miljun ewro. Irrid infakkar, Mr. Speaker, li f'din il-leġislatura, il-Gvern żied l-allokazzjoni annwali bi 12.5 miljun ewro fuq dik allokata fl-2008 meta kienet ta' 24.5 miljun ewro.

    Is-suċċess li rreġistra pajjiżna f’dan is-settur fl-aħħar ħames snin ma ġiex b’kumbinazzjoni.

    Fl-aħħar ħames snin, pajjiżna kellu rekord fit-turizmu sena wara l-oħra. Żdiedu n-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna bi 13 fil-mija. Żdiedu l-ammont ta’ ljieli li dawn iqattgħu fostna. Żdied ukoll l-infieq tat-turisti f’pajjiżna.

    Issa rridu nikkonsolidaw u ntejbu dawn ir-riżultati. F’April li għadda ħrigna pjan strateġiku u viżjonarju għas-settur bil-għan li nikkonsolidaw u ntejbu ir-riżultati miksuba.

    Iż-żieda qawwija li kellna fis-settur turistiku kienet possibbli għaliex indirizzajna t-tliet pilastri li fuqhom bnejna l-industrja: l-aċċessibbiltà, il-promozzjoni ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika, u l-prodott turistiku.

    L-2011 kienet ukoll waħda rekord għan-numru ta’ passiġġieri li żaru pajjiżna abbord cruise liners. Għall-ewwel darba beda jsir home porting minn Malta u ntlaħaq ftehim sabiex dan ikompli fis-sajf tal-2012 u l-2013. Il-Gvern qed jaħdem biex inkomplu nattiraw aktar turisti lejn pajjiżna fix-xhur tax-xitwa. Se nkomplu nħarsu lejn swieq partikolari u ġodda għal Malta, fosthom fit-turiżmu soċjali, sportiv u dak rurali. Irridu nippreżentaw ukoll lil Malta bħala city break destination.

    Din is-sena nedejna wkoll Diving Master Plan b’inizjattivi għat-tisħiħ tas-settur tal-għaddasa, li huwa niċċa importanti għal pajjiżna.

    Se nkomplu ninvestu biex inkabbru s-suq tal-konferenzi, u biex nattiraw aktar studenti li jitgħallmu l-Ingliż.

    Fuq kollox, se nkomplu ninvestu fil-ħaddiema tagħna li jaħdmu f’dan is-settur. Il-Programm ADVANCE huwa stmat li se jkun ħarreġ madwar 1,400 persuna li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu b’investiment ta’ 3.1 miljun ewro.”

    19:20 Is-Settur tas-Servizzi Finanzjarji

    “Is-servizzi finanzjarji huma kontributur importanti għat-tkabbir tal-ġid f’pajjiżna u ħolqien ta’ impjiegi tajbin. Huwa stmat li f’pajjiżna, dan is-settur iħaddem aktar minn 12,000 persuna, direttament jew ma’ kumpaniji li b’xi mod jaħdmu f’kuntatt ma’ dan is-setttur. Wieħed mill-elementi li jibqa’ jagħmel minn Malta ġurisdizzjoni attraenti fil-qasam finanzjarju huwa li dejjem nirrispondu għall-bidliet fis-swieq internazzjonali b’mod kważi immedjat. Iżda ma nistgħux niefqu hawn.

    Kien għalhekk li fil-ġimgħat li għaddew waqqaft Think Tank bl-għan li jirrakkomanda l-passi li jmiss biex nibnu fuq dawn ir-riżultati. B’kollox, tressqu aktar minn 150 rakkomandazzjoni, li jaqgħu taħt żewġ pilastri strateġiċi:

    1. Li nistabbilixxu suq internazzjonali għall-pensjonijiet u skemi ta’ rtirar f’Malta; u

    2. Li nsaħħu r-rwol ta’ FinanceMalta bħala l-għodda li tibqa’ tixpruna l-proċess ta’ espansjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji fil-futur.

    Fl-Att li jimplimenta l-Baġit, se nkun qed inressaq numru ta’ bidliet leġislattivi li jimplimentaw uħud mir-rakkomandazzjonijiet li saru minn dan it-Think Tank, biex niżguraw li s-settur finanzjajru jibqa’ irrispondi għall-ħtiġijiet tas-suq filwaqt li nibqgħu nassiguraw qafas regolatorju b’saħħtu li jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’dan il-qasam.”

    19:17 Negozji Żgħar u medji

    “L-intraprizi żgħar u medji għandhom rwol ewlieni fl-ekonomija Maltija. L-esperjenza uriet li huma pilastru ewlieni ekonomiku li kapaċi joħloq ix-xogħol u jirrendi. Fil-perjodu tal-kriżi, kienu sors strumentali ta’ ħolqien ta’ ġid u tkabbir ekonomiku. Is-sehem tal-intrapriżi żgħar u medji biex pajjiżna jiffaċċja u jegħleb il-maltemp ekonomiku kien wieħed strateġiku u kruċjali.

    Il-Gvern qed jgħin lil dan is-settur b'żewġ modi: inċentivi finanzjarji u fiskali biex nagħtu appoġġ lil min irid jibda jew jespandi, u billi noħoloqu l-ambjent li jgħin lil min irid joħloq attività ekonomika.

    L-istess għall-iskema Jeremie MicroCredit li hija success kbir. Sal-lum diġà bbenefikaw aktar minn 440 li gawdew bejniethom self b’rati vantaġġjużi ta’ 38 miljun ewro, u li investew ‘il fuq minn 60 miljun ewro. Il-Gvern għaddej f'diskussjoni mal-European Investment Fund biex din l-iskema tiġi estiża.

    Il-MicroGuarantee Scheme daħlet ukoll fis-seħħ aktar kmieni din is-sena. Matul din is-sena komplejna ntejbu l-inċentivi, is-servizzi, u l-infrastruttura għall-intrapriżi Maltin u Għawdxin.

    Se tiġi mnedija skema għall-promozzjoni ta' infrastrutturi ta’ clusters u netwerks. L-għajnuna se tkopri l-ewwel spejjeż għat-twaqqif tal-grupp, bħal kiri ta' bini u l-iżvilupp ta' e-tools. Din l-iskema għandha tgħin lin-negozji lokali jieħdu l-opportunitajiet tas-suq ħieles Ewropew.

    Il-Gvern se jara kif jiffaċilita l-użu tal-factoring bħala mezz ieħor ta’ likwidità għall-intrapriżi. Il-Gvern se jiżviluppa l-qafas regolatorju tal-factoring biex jassigura li dan ikun mezz ieħor ta’ għajnuna għan-negozji.

    Mergers u diviżjonijiet tal-kumpaniji huma neċessarji biex ikollna faċilità li negozju jiġi ristrutturat. Cross-border mergers fl-Unjoni Ewropea diġà huma eżenti mit-taxxa. Din kellna wkoll f’Malta, iżda ġiet irtirata minħabba l-abbużi li kienu qed isiru. Madanakollu, hija ħtieġa ta' negozji ġenwini li jirristrutturaw u, għaldaqstant, qed indaħħlu numru ta' emendi biex jippermettu dan taħt ċertu kontroll. Irrid nenfasizza li l-awtoritajiet fiskali se jkollhom aktar poter jassiguraw ruħhom li l-iskema proposta qed issir għal raġunijiet ekonomiċi ġenwini, u mhux sempliċiment għal skop ta' tax planning. Id-Dipartment se jkollu l-awtorità li japprova jew jiċħad talba li ssirlu.

    Minbarra x-xogħol siewi li qed nagħmlu permezz tal-Malta Enterprise u strutturi oħra tal-Gvern sabiex ngħinu u nsostnu n-negozji żgħar u medji, se nniedu numru ta’ inizjattivi ġodda biex niżguraw li dan il-qasam ikompli jikber u jikkontribwixxi b’mod sħiħ lejn l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Għalhekk:

    Se niżviluppaw pjan ta’ azzjoni li jindirizza t-trawwim fl-imprenditorija mill-iskejjel primarji sa l-edukazzjoni terzjarja biex jippreparaw ruħhom għal karrieri fin-negożju;

    · Se nagħtu kull għajnuna liż-żgħażagħ biex jidħlu fid-dinja tan-negozju permezz ta’ Youth Entrepreneurship Act;

    · Se nwaqqfu Osservatorju, bi sħubija mal-Università ta’ Malta, biex insaħħu r-riċerka dwar in-negozji tagħna u dawk li jaħdmu għal rashom; u

    · Se nniedu korsijiet qosra u intensivi għal matul tmiem il-ġimgħa għal min hu interessat li jibda negozju ġdid, u li għandhom ftit ħin għad-disposizzjoni tagħha.

    “Mr. Speaker,

    Il-potenzjal ta’ Għawdex bħala reġjun għan-negozju teħtieġ attenzjoni speċifika fuq bażi kontinwa. Barra minn hekk, il-promozzjoni ta' Għawdex għall-investimenti ġodda jeħtieġ li tkun differenti minn dik ta’ Malta, u għandha tirrifletti l-kompetenzi ewlenin u speċifiċi li Għawdex u l-Għawdxin għandhom.

    Il-Gvern jemmen li Għawdex jixraqlu attenzjoni partikolari fl-istrateġija industrijali nazzjonali. Għalhekk, għandha tiġi żviluppata strateġija speċifika mmirata biex tidentifika u tisfrutta l-potenzjal f'Għawdex. Il-politika industrijali għandha tiżviluppa strutturi u mekkaniżmi biex tidentifika u trawwem il-kompetenzi u s-saħħiet ewlenin li Għawdex jista’ joffri bħala post għall-investiment u l-ħolqien tax-xogħol.

    Il-Fondi ERDF għall-Enerġija ntlaqgħu tajjeb u ntużaw b’suċċess mill-industrija. Minbarra li stimulaw investimenti u attività ekonomika ġdida, taw ukoll kontribut lejn il-ġenerazzjoni ta’ aktar enerġija alternattiva f’Malta. Fuq medda ta’ żmien se jnaqqsu l-ispiża assoċjata mal-konsum tad-dawl fl-industriji li bbenifikaw mill-fondi.

    Huwa għalhekk li, wara konsultazzjoni mal-industrijalisti Għawdxin, se nniedu skema għal Għawdex mil-Fondi tal-ERDF. Minbarra li se tgħin lill-industrija, din l-iskema se tikkonribwixxi għall-proġett Eko-Għawdex. Din barra l-iskema tal-High Energy Users f'Għawdex li ħabbart aktar kmieni f'dan id-Diskors.”

    19:10 Ir-Riċerka u l-innovazzjoni

    “Il-Ministru Fenech saħaq li l-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex jimbotta r-riċerka u l-innovazzjoni fil-pajjiż. “Saħħaħ il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Dan il-Kunsill qed jagħti viżjoni strateġika u juri t-triq f’dan il-qasam. Iżda, fuq kollox, dan il-Kunsill qiegħed jaħdem sabiex jiftaħ orizzonti ġodda u jagħti opportunitajiet ġodda lill-ekonomija tagħna. Qed ninvestu f’ċentru mill-aqwa għax-xjenza interattiva f’Bighi biex inkabbru l-għarfien dwar x-xjenza u t-teknoloġija, inħajru u niġbdu aktar żgħażagħ lejn dawn l-oqsma importanti, u nagħtu esperjenza sħiħa lill-familji tagħna.

    Mr. Speaker, f’dan il-Baġit qed nallokaw 1.6 miljun ewro għar-riċerka u innovazzjoni. Il-Gvern se jkun qed jiffinanzja, fit-tliet snin li ġejjin, proġett imsejjaħ ENIAC industrial project Lab4MEMS, li huwa proġett kordinat bejn l-STMicroelectrins ta’ l-Italja u d-Dipartiment tal-Micro and Nanoelectronics fl-Università ta’ Malta. Il-Gvern se jiffinanzja 1.75 miljun ewro għal dan il-proġett, bl-investiment totali ta’ dan il-proġett stmat li jilħaq l-4.6 miljun ewro. Nemmen li dan il-proġett ikompli jsaħħaħ il-preżenza tal-ST f’pajjiżna u li jkompli jagħmel mill-impjant ta’ Malta iċ-ċentru ta’ eċċellenza fit-teknologija tal-MEMS għal ST fuq livell internazzjonali.”

    19:09 Pakkett ta' inċentivi fl-industrija tal-films

    “Fir-rigward tal-industrija tal-Films, il-Gvern se jtejjeb il-pakkett ta’ inċentivi biex inkomplu nattiraw produzzjoni tal-films internazzjonali f’pajjiżna. Wara li din is-sena żidna l-ispejjeż eliġibbli dan ir-rebate fuqhom, il-Gvern se jżid il-persentaġġ tal- istess rebate li tista’ tintalab minn dawn il-produzzjonijiet minn 20 għal 23 fil-mija. F’każ ta’ produzzjoni li tuża lil Malta fil-film bħala pajjiżna jieħu 2 fil-mija aktar.”

    19:07 Se nwaqqfu Hub għall-logħob diġitali

    “Matul is-sena li ġejja, se nkomplu bil-proġetti favur it-tisħiħ tal-industrija ġewwa pajjiżna.

    Il-proġett tal-BioMalta Campus, li qed isir b’investiment ta’ 38 miljun ewro, se joffri l-infrastruttura neċessarja għall-iżvilupp tal-Life Sciences f’pajjiżna. Ix xogħol ta’ twaqqiegħ u tindif tas-sit tlesta. It-tender għax-xogħol ta’ kostruzzjoni ngħata u ħareġ il-permess tal-iżvilupp mill-MEPA. B’hekk, ix-xogħol ta’ kostruzzjoni mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin, wara li jkun iffirmat il-kuntratt. Meta jitlesta, dan il-proġett se jipprovdi spazju u faċilitajiet għar-riċerkaturi u kumpaniji nvoluti fl-oqsma tal-bioteknoloġija u l-life sciences. Dan huwa qasam ġdid ta’ żvilupp għal pajjiżna u rridu naħdmu flimkien biex jagħmel is-suċċess bħal ma għamel il-qasam tas-servizzi finanzjarji.

    Se jkompli wkoll ix-xogħol ta’ titjib fiż-żoni industrjali ta’ Bulebel, Ħal Far, Kordin, il-Mosta u x-Xewkija, b’investiment ta’ 17-il miljun ewro. Minbarra xogħol fit-toroq u ta’ tisbiħ, qed jinbnew ukoll tliet ċentri għall-kura tat-tfal. Meta dawn jitlestew, se jkun hemm ċentru għall-kura tat-tfal f’aktar minn nofs iż-żoni industrijali l-kbar.

    Bħalissa qed jiġu riveduti s-sevizzi ta’ inkubazzjoni provduti lill- istart-ups mill-Malta Enterprise ġewwa Kordin. L-infrastruttura attwali mhijiex biżżejjed biex tospita negozji fl-ICT u d-Digital Content Development. Għaldaqstant, b’investiment ta’ 3.5 miljun ewro, se tigi żviluppata faċilità ta’ plug in/plug out għal kumpaniji ġodda innovattivi f’dawn l-oqsma.

    Illum nixtieq inħabbar li se nwaqqfu Hub għall-Logħob Diġitali. Dan il-Hub, li se jkun wieħed fiżiku u strateġiku, huwa maħsub li jiġbor fi ħdanu l-iżviluppaturi tal-logħob diġitali, studenti f’dan il-qasam, artisti diġitali, u investituri. Hemm il-ħsieb li dan il-Hub jibda jipprovdi faċilitajiet tal-uffiċċju, faċilitajiet għal żviluppaturi tal-logħob diġitali, u servizzi ta’ mentoring minn esperti f’dan il-qasam. Fuq livell strateġiku, l-Hub mistenni li jġib flimkien diversi istituzzjonijiet b’interess f’dan is-settur ġdid, bħall-Malta Enterprise, l-Università ta’ Malta, u oħrajn, biex flimkien jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall- industrija tal-logħob diġitali f’pajjiżna. B’hekk inkunu qed naħdmu biex inkabbru dan is-settur ekonomiku ġdid, u npoġġu lil Malta fuq il-mappa dinjija tal-logħob diġitali.”

    19:06 Id-deputat Nazzjonalista Franco Debono jitlaq mill-Parlament

    Sa 19:04 14-il miljun ewro f'inċentivi għall-industrija

    Biex pajjiżna jibqa’ attraenti għall-investiment, hemm bżonn li nżommu l-istabbiltà finanzjarja. Is-sena li għaddiet ilħaqna l-mira tagħna li nnaqqsu l-iżbilanċ pubbliku għal taħt it-3 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross, bi 2.7 fil-mija.

    Dan il-Baġit qed jivvota s-somma ta' 14-il miljun ewro f'inċentivi għall-industrija.

    B'dan il-Baġit, il-Gvern qed iniedi skema speċifikament għall-industrija u l-lukandi li huma High Energy Users fil-kuntest Għawdxi biex inkomplu nagħmlu l-operazzjonijiet tagħhom aktar sostenibbli.

    Minkejja li ma jidhirx li fil-każ ta' Malta se jkun possibbli li tibqa’ tibbenefika minn Least Developed Status tal-Unjoni Ewropea mill- 2014 sa l-2020, oriġinarjament magħruf bħala Objective 1 status, il-Gvern Malti fin-negozjati tal-Multiannual Financial Framework li qed jagħmel fi ħdan l-Unjoni Ewropea se jkompli jinsisti li jiġu ndirizzati l-iżvantaġġi intrinsiċi ta' gżira stat b'mod effettiv, inklużi dawk li jiffaċċjaw l-industrija u l-operaturi li joperaw minn Malta.

    Sa 18:55: Żieda ta' €4.08 fil-ġimgħa

    Fenech qal li dan huwa baġit b’għażliet responsabbli favur politika ekonomika li tkompli toħloq ix-xogħol u tkattar il-ġid.

    Huwa fakkar li l-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija li bdiet ħames snin ilu għadha ma spiċċatx u għad fadlilna x'nagħmlu.

    Il-Ministru qal li għal din is-sena qed ikun previst tkabbir ta’ 1.2 fil-mija f’termini reali.

    Ir-rata tal-inflazzjoni matul it-12-il xahar sa Settembru uriet tnaqqis għal 2.30 fil-mija. Għaldaqstant, iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, ikkalkulata skont il-mekkaniżmu maqbul mal-imsieħba soċjali, se tkun ta' €4.08 fil-ġimgħa.

    Ir-rata tal-qgħad fl-Unjoni Ewropea laħqet l-10.5 fil-mija f’Ġunju ta’ din is-sena, u dik fiż-Żona Ewro laħqet il-11.4 fil-mija. Dan meta f’Malta laħqet is-6.5 fil-mija.

    Il-fatti juru biċ-ċar li nħolqu aktar minn 20,000 post tax-xogħol ġdid.

    Sa 18:50: Il-Ministru tal-Finanzi qal li dan huwa baġit li jsaħħaħ dak li ksibna u jassigura l-futur ta’ pajjiżna fis-sod.

    “Baġit mibni fuq għażliet responsabbli li bihom inkomplu jiddefendu l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna mill-mewġ tal-maltemp ta’ madwarna u jtejbuha.

    Baġit li jagħraf l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin u l-familji tagħhom, u li jara f’dawn l-aspirazzjonijiet il-futur sod ta’ pajjiżna.

    "Bl-għażliet responsabbli ta' dan il-baġit inkomplu noħolqu xogħol u xogħol aħjar għall-familji tagħna. Inkabbru l- ekonomija. Noħolqu il-ġid, li minnu nkomplu nsostnu l- investiment fl-edukazzjoni ta' uliedna, fis-saħħa tagħna, fil- pensjonijiet, fl-ambjent, waqt li nassiguraw li l-finanzi ta' pajjiżna jibqgħu fis-sod," qal Fenech.

    Il-ministru Fenech qal tkellem fuq il-maltemp li ffaċċjaa f’din il-leġislatura, fosthom il-kollass ekonomiku u madwar l-Ewropa kollha b'mod straordinarju.

    Madankollu qal Fenech li xorta l-gvern żamm l-investiment f’pajjiżna. “Kabbarna l-oqsma tax-xogħol u ħloqna oħrajn ġodda. Żammejna l-qgħad f'livell baxx. Tejjibna l-pagi u l-qligħ. Għollejna l-livell tal-għixien tal-familji tagħna.

    Huwa qal li dan kollu setgħa jsir għax saru għażliet.

    Madankollu qal li dan il-maltemp għadu għaddej u jidher li ser jibqa’ magħna għal xi żmien.

    RITRATTI/FILMATI: RAY ATTARD U CHARLES MARSH

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    1