Mil-lenti ta' Johan Siggesson... fotografu ta' fama internazzjonali residenti f'pajjiżna

  • Set 23, 2016 07:45
  • Miktub minn Kimberley Portelli
"

    Il-fotografija hija waħda mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li bl-użu tar-ritratti wieħed ikun jista’ jwassal messaġġ kif ukoll li jżomm rikordju tal-mument għal dejjem. Filwaqt li llum il-ġurnata wieħed jista’ jitrawwem b’mod aktar faċli fil-fotografija bl-għajnuna tal-internet, Johan Siggesson, fotografu Żvediż ta’ annimali selvatiċi, qalilna li xi tip ta’ talent irid ikollok għal dan ix-xogħol. Madankollu t-talent waħdu mhux biżżejjed.

    Johan Siggesson ilu jgħix f’Malta għal dawn l-aħħar 14-il sena u jaqla’ l-għixien tiegħu permezz billi jiġbed fotografija ta’ annimali fl-ambjent naturali tagħhom.

    Siggesson spjega kif minn ċkunitu kienet tinteressah il-fotografija madankollu kien biss fl-2012 li ddeċieda li jibda jaqla’ l-għixien tiegħu permezz tal-passjoni li minn dejjem kienet fih. Dan hekk kif il-mara tiegħu bagħtitu fuq ‘Safari’ f’Maasai Mara fil-Kenja wara li tagħtu kamera ‘DSLR’ bħala rigal bil-quddiem għall-Milied. Kien matul din il-mawra li kien ġibed xi ritratti fejn iddeċieda li jdaħħal xi ritratti li ħa f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Filwaqt li din kienet l-ewwel darba li kien ħa sehem, hu mar tajjeb ħafna u minn hemm induna li din il-passjoni taf tkun il-karriera li għandu jaqbad.

    Meta mistoqsi dwar xi kwalitajiet għandu bżonn persuna biex ikun fotografu li jieħu ritratti ta’ annimali selvatiċi, Siggesson qal li ovvjament xi ftit talent irid ikun hemm, bħall-għajn għall-fotografija. Madankollu enfasizza li t-talent mhux kollox. Hu qal li wieħed irid jipprattika u jieħu eluf ta’ ritratti biex javvanza fil-livell ta’ fejn jiddeċiedi li jsib karriera f’dan il-qasam fejn minbarra l-prattika importanti li tkun paċenzjuż sakemm tinkiseb l-esperjenza.

    Johan Siggesson qalilna kif wieħed mill-aktar ritratti li ħa u li kien ta’ suċċess kien ta’ għasfur tat-tip ‘Puffin’ li rnexxielu jieħdu wara ġimgħa xogħol fl-Iskozja. Hu qal kif il-paċenjza hi ferm important f’mumenti bħal dan, fejn filwaqt li hu forsi rnexxielu jieħu dak ir-ritratt uniku f’ġimgħa, hemm fotografi li jdumu saħansitra xhur sakemm jirnexxielhom jaqbdu l-mument opportun permezz tal-kamera.

    Saħaq kif l-akbar diffikultà f’dan is-settur li kellu jiffaċċja kienu l-ispejjeż li wieħed ikollu, kemm jekk fuq apparat tal-fotografija, u min-naħa tiegħu, il-vjaġġi li jkollu jagħmel biex jieħu r-ritratti li jkollu bżonn. Siggesson qal kif jekk wieħed jimmira li jaħdem lokalment, l-ispejjeż jafu jkunu ferm inqas iżda ovvjament Malta mhuwiex il-post l-aktar addattat għal din it-tip ta’ fotografija. Apparti l-ispejjeż, Siggesson qal kif problema oħra li sab flimkien ma’ fotografi oħra hu kif bosta nies mhux lesti li jħallsu għar-ritratti, li hi xi ħaġa li taf tiddemoralizza lil bosta fil-qasam tal-fotografija.

    “Illum il-ġurnata kważi kulħadd jirnexxielu jiġbed ritratt diċenti hekk kif hu ferm aktar faċli biex takwista kamera tat-tip DSLR u għalhekk bilfors trid tagħmel xi ħaġa speċjali biex jirnexxilek tgħix fuq il-bejgħ tar-ritratti. Fotografi li ilhom f’dan is-settur għal madwar 30 sena kienu jgħixu fuq il-bejgħ tar-ritratti biss, fejn illum il-ġurnata hi ferm aktar diffiċli, kważi impossibbli, biex wieħed jagħmel hekk. Issa trid titrawwem aktar u toffri aktar servizzi. L-akbar sfida hi biex din l-esperjenza tagħmilha ta’ benefiċċju għalik.”

    L-ispirazzjoni jsibha mingħand bosta fotografi, iżda fost dawk kollha li hu jsegwi, fil-quċċata tal-klassifika tiegħu semma lill-fotografu Staffan Widstrand. Siggesson qal li Steffan Widstrand hu fotografu b’differenza hekk kif juża r-ritratti tiegħu bi proċess fotografiku fil-parametri tal-fotoġurnaliżmu, sabiex iservi bħala leħen għall-konservazzjoni.

    Dwar x’inhu l-parir tiegħu għal dawk li qed joħolmu biex jimxu fuq l-istess passi tiegħu, Siggesson qal li importanti li wieħed ikun jaf ir-realtà ta’ din il-linja hekk kif mhux faċli li tqum u tgħid li din se tkun il-karriera li se tkun qed tibbaża ħajtek fuqha.

    “Trid tkun lest li taħdem. Ħafna jaħsbu li kulma tagħmel hu li tiġri barra tiġbed ir-ritratti meta dan mhux il-każ. Bħal kull tip ta’ negozju jirrikjedi ħafna ħin fuq ġewwa … bħal xogħol ta’ kummerċjalizzazzjoni u xogħol ieħor tal-uffiċċju. Sfortunatament fil-verità tinduna li tqatta’ ftit ħin biss wara l-kamera.”

    Apparti minn hekk, Siggesson qalilna li filwaqt li din it-tip ta’ fotografja jaf tirrikjedi kameras professjonali kif ukoll lentijiet kbar, wieħed m’għandux jaqta’ qalbu għax ma jkollux dan l-apparat. Hu qal li wieħed għandu dejjem jistinka u jaħdem b’dak li għandu, anke jekk saħansitra bil-kamera tal-mowbajl.

    Għal kull min jixtieq isegwi x-xogħol ta' Johan Siggesson jista' jidħol fuq is-sit tiegħu: http://www.johansiggesson.com/

    Filmat: Andrea Sacco Baldacchino

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0