Il-President li qiegħed jiknes lit-traffikanti tad-droga

  • Jan 08, 2017 12:00
  • Miktub minn iNews

    Jekk tkun traffikant tad-droga fl-Ewropa jew fid-dinja “ċivilizzata” aktarx li jekk tinqabad tiġi arrestat u jekk tinstab ħati teħel il-ħabs. Imma jekk tkun tittraffika d-droga fil-Filippini aktarx li tispiċċa b’tir f’rasek jew f’dahrek.

    Dan grazzi għall-metodu barbaru li qiegħed juża l-President Rodrigo Duterte li wasslu biex jikseb l-appoġġ ta’ bosta nies f’pajjiżu imma daqstant ieħor kundanna minn għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet umani.

    Il-gwerra dikjarata minnu kontrihom s’issa ħasdet il-ħajja ta’ madwar 5,000 persuna li nqabdu jittraffikaw id-droga u wasslet biex madwar 900,000 persuna oħra li għandhom il-vizzju, fosthom traffikanti, iċedu mal-Pulizija.

    Duterte ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’Mejju li għadda bl-ikbar wegħda tiegħu kienet li jekk jiġi elett jeħles minn 100,000 kriminal. Il-kilba tiegħu li jiknes lill-kriminali, b’mod partikolari dawk involuti fit-traffikar tad-droga, ma bdietx issa imma sa mis-Snin 80 meta kien sindku ta’ Davao.

    Fil-fatt riċentament huwa ammetta li meta kien sindku kien saħansitra jdur it-toroq fuq mutur ifittex il-kriminali ħalli jaqla’ ġlieda magħhom u joqtolhom. Huwa kien jagħmel dan biex ikun ta’ “eżempju” għall-pulizija.

    Każ li huwa stess irrakkonta kien dak ta’ tfajla li raha tiġi stuprata minn tliet irġiel. Kif inzerta kien għaddej mill-post u ra din ix-xena huwa niżel u sparalhom. Duterte sostna li lanqas jaf kemm-il tir sparalhom.

    Kienet ovvja għalhekk li malli wera l-intenzjoni li joħroġ għall-Presidenza u ġie elett dak li ġara meta kien sindku kien se jerġa’ jiġri issa. U lil dawk li eleġġewh ,grazzi għall-wegħda li għamel, mhux jiddiżappuntahom.

    F’dawn l-aħħar sitt xhur mhux biss għamel użu mill-pulizija imma anke mill-vigilantes, nies imqabbdin minn Duterte biex filgħaxijiet iduru t-toroq u jeħilsu minn dawk li jaraw li qegħdin jittraffikaw id-droga.

    Saret xena komuni li tkun għaddej fi triq u tara xi mutur żgħir għaddej b’żewġ persuni fuqu u dak ta’ wara jispara lil xi ħadd u jħallih mal-art. Fil-fatt fil-kamra mortwarja tal-kapitali Manila jidħlu mal-ħames katavri kuljum li jkunu nstabu mejta fit-toroq.

    Daħlet it-tendenza wkoll li traffikant tad-droga li jinqatel ikollu wiċċu mdawwar bit-tape u miegħu jkun hemm kartellun li jindikah bħala persuna nvoluta fit-traffikar.

    Duterte jinsisti li b’dan il-metodu qiegħed jirbaħ il-ġlieda kontra d-droga u jsostni li din mhux biss hija kwistjoni ta’ sigurtà imma anke ta’ saħħa pubblika.

    Kien ovvju li l-aġir tiegħu jiġi ikkritikat mill-awtoritajiet legali u anke reliġjużi tal-pajjiż. L-ironija hija li Duterte huwa ggradwat bħala avukat u spiċċa xellifha wkoll anke mal-Prim Imħallef tal-pajjiż.

    Il-President Filippin huwa wkoll magħruf għall-mod żbukkat li bih jitkellem speċjalment fil-konfront ta’ dawk li ovvjament ma jaqblux mal-eżekuzzjonijiet tiegħu.

    “Dawn l-ulied tal-prostituti qed jeqirdulna lil uliedna. Inwissikom! Ara ma tidħlux fiha. Anke jekk tkun pulizija noqtlok”, huwa kien qal f’wieħed mir-rallies ta’ qabel l-elezzjoni.

    Duterte kien kwotat jgħid li tant kien se joqtol nies fil-ġlieda tiegħu kontra l-kriminalità li l-ħut fil-bajja ta’ Manila kienu se jeħxienu billi jieklu lilhom.

    Mhux biss f’pajjiżu kellu l-battibekki dwar dak li qed jagħmel imma fix-xena internazzjonali spiċċa fl-inkwiet fosthom wara li xebbaħ il-gwerra kontra d-droga mal-Olokawst.

    “Hitler immassakra tliet miljun Lhudi. Illum għandna tliet miljun ivvizjat bid-droga. Inkun kuntent jekk nimmassakrahom kollha. Għall-inqas il-Ġermanja kellha lil Hitler. Il-Filippini ma jkollhiex”.

    Wara li kien ikkritikat mill-President Amerikan Barack Obama, Duterte wieġbu billi qallu li seta’ jmur jinħaraq l-infern u offendih bil-frażi “iben prostituta”.

    Għall-kritika tal-UE dwar il-mod li bih kien qed jiġġieled it-traffikar tad-droga, il-President Filippin irrimarka billi uża l-frażi vulgari “fuck you” u nsista li n-nies li kien qed joqtol kienu kriminali.

    Lanqas il-Papa Franġisku ma ħelisha lixxa anke jekk il-Filippini huwa magħruf bħala wieħed mill-iktar pajjiżi Kattoliċissimi fid-dinja tant li huwa l-uniku li għad m’għandux liġi tad-divorzju.

    Waqt żjara li l-Kap tal-Knisja Kattolika għamel f’Manila, Duterte lmenta li ż-żjara ħolqot ħafna traffiku u waqt li offenda lill-Papa bil-frażi “tifel ta’ prostituta” qallu biex darb’oħra ma jersaqx lejn il-pajjiż.

    Għalkemm dan l-aħħar kumment ma kienx relatat mal-kwistjoni tad-droga, xorta jitfa’ dawl fuq kif jaħsibha dan ir-raġel ta’ 71 sena.

    Sa minn qabel kien elett kien għamilha ċara waqt wieħed mill-meetings tiegħu li n-nies kellhom jinsew il-liġijiet dwar id-drittijiet umani fejn tidħol il-ġlieda kontra l-kriminalità.

    “Jekk nasal sal-Palazz Presidenzjali nagħmel kif għamilt meta kont sindku. Intom it-traffikanti tad-droga, in-nies li tisirqu u n-nies li ma tagħmlu xejn jaqblilkom titilqu ‘l barra għax noqtolkom”.

    Minkejja li l-mod brutali ta’ kif qed jinqatlu l-kriminali ġibdet lejh il-kritika ta’ għaqdiet u individwi li jemmnu fis-saltna tal-liġi, l-aħħar stħarriġ fil-Filippini juru li l-maġġoranza tan-nies jaqblu ma’ dak li qed jagħmel.

    Jekk jibqax jew le dan l-appoġġ matul is-snin wieħed għad irid jara imma sakemm tiġi elezzjoni oħra żgur li b’din it-tendenza se tkompli tisplodi ċ-ċifra ta’ nies maqtula bil-barka tal-President u tkompli tagħmel lill-pajjiż stat fejn il-liġi teħodha b’idejk u mhux fl-awli tal-qrati li ironikament dak li llum huwa magħruf bħala “The Punisher” trawwem fihom.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0