Tazza tad-Dinja 2026 ..... bi 48 team

  • Jan 11, 2017 11:29
  • Miktub minn iNews

    Il-bieraħ il-FIFA ddeċidiet li tespandi l-finalisti tat-Tazza tad-Dinja minn 32 għal 48 team mit-tournament tal-2026 jiġifieri wara li jsiru dawk fir-Russja 2018 u fil-Qatar 2022.

    L-istadju inizjati se jkun ta’ 16-il gruppi ta’ tliet timijiet f’kull wieħed li minnhom jgħaddu l-ewwel tnejn u wara l-kompetizzjoni tkompli bi 32 team fuq bażi ta’ knock-out.

    L-għaqda li tmexxi l-football fid-dinja, ivvutat unanimament favur din il-bidla f’laqgħa li saret il-bieraħ fil-għodu fi Zurich.

    In-numru ta’ logħbiet fit-tournament se jitla’ għal 80 minn 64, iżda r-rebbieħa eventwali xorta se jilagħbu seba’ logħbiet bħal ma qed jilagħbu fil-format kurrenti.

    It-tournament se jkun komplut fi żmien 32 ġurnata – miżura li tikkuntenta lill-clubs il-kbar tal-Ewropa, li kienu oġġezzjonaw għar-riforma minħabba li l-programm internazzjonali huwa diġá ffullat.

    Dawn il-bidliet ifissru li t-Tazza tad-Dinja se tespandi għall-ewwel darba mill-1998 meta jkunu għaddew 28 sena.

    Il-president tal-FIFA, Gianni Infantino, kien il-moħħ wara din il-bidla meta qal li t-Tazza tad-Dinja għandha tkun “iktar inklussiva”.

    Meta tkellem waqt konferenza tal-isports, f’Dubai, f’Diċembru li għadda, Infantino qal li l-espansjoni se tibbenefika wkoll “l-iżvilupp tal-football madwar id-dinja kollha.”

    Huwa żied jgħid: “M’hemm xejn ikbar f’termini biex il-football jieħu spinta ‘l quddiem f’pajjiż milli jieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja.”

    Minkejja li qal li “id-deċiżjoni m’għand­hiex tkun motivata biss bid-dħul finanzjarju,” Infantino aċċenna fuq id-dħul possibbli finanzjarju.

    Skond ir-riċerka li għamlet il-FIFA stess, id-dħul huwa mbassar li se jiżdied għal £5.29 biljuni għal tournament ta’ 48 team, li tara l-profitti potenzjali jitilgħu għal £521 miljuni.

     

    Kif seħħet il-bidla tal-parteċipanti fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja

     

    Urugwaj 1930 – 13-il team. Grupp b’erba’ timijiet u tliet gruppi bi tlieta, bl-ewwel wieħed biss għadda għas-semi-finali.

    Italja 1934 – 16-il team. Tournament kollu fuq bażi ta’ knock-out.

    Brażil 1950 – 15-il team (għalkemm ħadu sehem 13 biss). Tliet gruppi ta’ erba’ timijiet u grupp bi tlieta bl-ewwel wieħed għadda għall-grupp finali.

    Svizzera 1954 – 16-il team. Erba’ gruppi ta’ erba’ timijiet kull wieħed, iżda lagħbu żewġ logħbiet biss f’kull grupp bl-ewwel tnejn għaddew għall-kwarti-finali.

    Svezja 1958 – Erba’ gruppi ta’ erba’ timijiet f’kull wieħed. L-ewwel tnejn għaddew għall-kwarti-finali.

    Ġermanja tal-Punent 1974 – Erba’ gruppi ta’ erba’ timijiet f’kull wieħed u wara żewġ gruppi ta’ erba’ timijiet bl-ewwel tnejn għaddew għall-finali.

    Spanja 1982 – 24 team. Sitt gruppi ta’ erba’ timijiet f’kull wieħed u wara erba’ gruppi bi tliet timijiet bir-rebbieħa għaddew għas-semi-finali.

    Messiku 1986 – 24 team. Sitt gruppi ta’ erba’ timijiet bl-ewwel tnejn u l-aqwa erbgħa fit-tielet post ikkwalifikaw għall-Aħħar 16.

    Franza 1998 – 32 team. Tmien gruppi ta’ erba’ timijiet bl-ewwel tnejn għaddew għall-fażi tan-knock-out.

     

     

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0