Mil-lum Malta fit-tmun

  • Jan 11, 2017 08:01
  • Miktub minn iNews

    Illum tibda uffiċjalment il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bi żjara tal-Kummissjoni Ewropea

    Ix-xhur twal ta' tħejjija amministrattiva jilħqu l-milja tagħhom illum hekk kif il-wasla u tal-membri kollha tal-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-laqgħa tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat mal-President tal-KE Jean-Claude Juncker jimmarkaw il-bidu tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE). 

    Dawn is-sitt xhur ta' Presidenza Maltija mistennija jiffukaw l-attenzjoni tal-UE primarjament fuq is-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran, tiftix ta' soluzzjonijiet għall-migrazzjoni u s-suq uniku diġitali. Sitt xhur li qed jaħbtu proprju wara l-Presidenza Slovakka li tat l-imbuttatura tagħha b'mod partikolari fuq is-suġġett tal-migrazzjoni u dik Olandiża li wasslet għal xi riżultati fil-kontroll tal-fruntieri. 

    Il-Presidenza Maltija qed taħbat f'punt kruċjali għall-politika Ewropea. Fuq quddiem nett matul dawn is-sitt xhur mistennija jibdew it-taħditiet dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-UE ladarba jiġi skattat l-Artiklu 50 tat-Trattat. Hemm ukoll l-elezzjonijiet tant mistennija fi Franza u l-Ġermanja li l-eżitu tagħhom jista' jkollu impatt kbir fuq l-Ewropa l-aktar għax qed jitbassar riżultat b'saħħtu għall-partiti tal-lemin. Huwa għalhekk li l-ogħla espnenti tal-Gvern Malti, il-Prim Ministru u kif ukoll il-Viċi Prim Ministru Louis Grech, qalu għal aktar minn darba li l-għan prinċipali ta' din il-Presidenza huwa li terġa' titkebbes il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew. Fiduċja li ħadet daqqa ta' ħarta minħabba l-kriżi ekonomika li laqtet lill-Ewropa u anke s-serje ta' attakki terroristiċi li qajmu mistoqsijiet kbar dwar is-sigurtà. 

    Il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca, f'artiklu ppubblikat fuq wara ta' din il-ħarġa, iddeskriviet dan li ninsabu fih bħala mument partikolari. Sejħet għall-kontribut biex il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE tkun waħda favur il-paċi u l-prosperità kemm tagħna kif ukoll tal-ġirien tagħna. 

    Saħqet fuq il-bżonn ta' djalogu demokratiku fost gruppi ta' kulturi differenti u setturi soċjali differenti u komunitajiet ta' fidi differenti waqt li jitħarsu n-nazzjoniiet u l-istess Unjoni. 

    Filgħodu għandu jasal Malta l-President tal-KE Juncker mal-bqija tal-membri tal-Kummissjoni u jagħmel żjara ta' kortesija lill-President tar-Repubblika. Wara Juncker se jżur il-Kon-Katidral ta' San Ġwann qabel ma jiltaqa' mal-Prim Ministru Muscat f'Kastilja. Wara l-laqgħa se jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet, qabel ma Juncker jagħmel żjara ta' kortesija lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li aktar tard għandu jiltaqa' mal-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej. 

    Filgħaxija l-Prim Ministru Muscat se jiltaqa' mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk f'Kastilja biex aktar tard jsiru d-diskorsi uffiċjali f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi li jtellgħu s-siparji fuq il-Presidenza Maltija. 

    Matul iċ-ċerimonja ta' filgħaxija se tittella' preżentazzjoni oriġinali ta' żfin minn ŻfinMalta Dance Ensemble bit-tema tal-migrazzjoni. Il-produzzjoni se tħares lejn l-influss tal-migranti kollha bit-tamiet għall-ħajja aħjar. Il-produzzjoni korografika Bahr li bl-Għarbi tfisser baħar u li tirrappreżenta l-mobilità u l-identità se tirrifletti l-kulturi differenti, l-istejjer u l-memorji li jsawru kemm lill-Ewropa imma wkoll lil dawk li qed jaslu fi ħdanha bit-tama li jduqu miċ-ċertezzi li toffri. 

    Id-direttur artistiku huwa Mavin Khoo. Imwieled il-malażja il-migrazzjoni dejjem kienet parti integrali fir-riċerka ta' Khoo u permezz ta' dan ix-xogħol huwa daħal f'aspett ieħor tad-diaspora. Qal li din id-darba f'bahr qed jidħol fid-dettall tat-tama li hemm marbuta ma' kull vjaġġ ta' migrant. Mat-tama l-produzzjoni tinkludi s-sensazzjoni ta' telfien, l-identità u r-riġenerazzjoni. 

    Sadattant ilbieraħ tlaqqgħat laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti mmexxija mill-Ambaxxatriċi Maltija għall-UE Marlene Bonnici. Il-laqgħa ħarset lejn il-il-prioritajiet tal-Presidenza Maltija filwaqt li bdiet bit-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li jmiss nhar is-16 t'April, li għandha tiddiskuti l-Eġittu, is-Sirja, il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u l-Libja. Il-laqgħa bdiet bit-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook