Min Jgħidu n-Nies li Jien? - Ktieb kontroversjali kontra l-paternaliżmu

  • Mar 20, 2017 08:39
  • Miktub minn iNews

    Patri Dumnikan jiżvela laqgħat mal-Isqfijiet li wasslu għall-'eżilju' tiegħu fil-Messiku

    Laqgħat privati fl-1992 u l-2009 mal-Arċisqfijiet Ġużeppi Mercieca u Pawlu Cremona rispettivament kellhom xamma qawwija ta’ paternaliżmu, sostna Patri Mark Montebello fi ktieb ġdid bil-Malti, Min Jgħidu n-Nies li Jien? Il-faqar tal-paternaliżmu. Il-patri Dumnikna jiżvela dettalji dwar laqgħat li kellu ma’ dawn iż-żewg Isqfijiet li wasslu għall-‘eżilju’ tiegħu fil-Messiku. Il-ktieb kontroversjali ta’ 230 paġna, imniedi fil-FORTRESS BUILDERS, Valletta, jistħarreġ kif aktarx beda l-paternaliżmu, l-għamliet interpersonali, istituzzjonali u legali tiegħu, il-ġustifikazzjonijiet filosofiċi tiegħu, u s-suriet li bihom jista’ possibbilment jiġi miġġieled personalment u f’ħaddieħor.

    L-ekonomista u l-filosofu Dr Mario Vella u l-attivista gay Gabi Calleja kienu l-kelliema ewlenin fil-ħruġ tal-ktieb, attività li tmexxiet mill-filosfu Dr Clive Zammit.

    Dr Vella qal li wieħed mill-messaġġi ewlenin tal-ktieb kien li l-paternaliżmu mhuwiex xi ħaġa naturali, ovvja jew loġika, imma ħolqien soċjali li jista’ jiġi mibdul. Il-paternaliżmu, sostna Dr Vella, huma marbut mill-qrib mal-patrijarkiżmu u l-patronaġġ, attitudnijiet li saħaq li għadhom qawwija fis-soċjetà Maltija.

    Is-sinjorina Calleja staqsiet jekk is-soċjetà tistax qatt teħles mill-paternaliżmu. Jista’ jkun, sostniet, li meta tqis li r-rieda ħielsa tal-bniedem qatt m’hi sħiħa, għandu mnejn xi ftit tal-paternaliżmu jkun meħtieġ dejjem. Hija qalet li l-kwestjoni tal-kunsens, tema li Montebello jitratta fit-tul fil-ktieb, għadha mhijiex solvuta għal kollox.

    Dr Zammit sa ċertu punt qabel ma dan. Huwa żied li, la darba l-paternaliżmu huwa hekk ħaġa waħda mal-personalitajiet tagħna, jista’ jagħti l-każ li qatt ma nistgħu ngħaddu mingħajru jew insiru vittmi tiegħu.

    Wieħed mill-għadd ta’ kummenti min-nies preżenti għall-attività għamel il-punt li jista’ jkun hawn nies li jridu jiġu ppatronizzati, u dan għax ikunu jridu jfarfru mir-responsabbiltà jew jibżgħu minnha.

    Bi tweġiba għall-kritika, Dr Montebello fisser li l-ktieb, għalkemm għandu bażi filosofika, mhuwiex eżattament wieħed akkademiku. Dan għax il-ħsieb tiegħu kien li jservi l-ħtiġijiet personali u soċjali ta’ udjenza wiesa’. Għalhekk, huwa ħass li għandu jdaħħal fl-analiżi intellettwali tiegħu fehmiet personali u wkoll ġudizzji suġġettivi. Huwa saħaq li soċjetà ideali mhux filfors tkun waħda perfetta. Għalkemm il-paternaliżmu dejjem se jibqa’ tentazzjoni qawwija f’kulħadd, dan m’għandux ifisser, huwa qal, li għandna nieqfu milli noħolmu f’soċjetà differenti minn dak tallum, li hi waħda mimlija paternaliżmi fuq kull livell, u lanqas m’għandna nieqfu li nipprovaw nibnu soċjetà bħal din. Huwa saħaq li soċjetà mingħajr paternaliżmu hi tabilħaqq possibbli.

    Il-ktieb, ippubblikat minn SKS f’għamla komda għall-idejn, hu għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin tal-kotba għall-prezz ta’ 10 ewro biss.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook