Ktieb ġdid dwar l-Aċisqof Mercieca f’għeluq l-ewwel sena minn mewtu

  • Mar 21, 2017 07:15
  • Miktub minn iNews

     

    Fl-ewwel anniversarju mill-mewt tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca qed jitnieda ktieb ġdid dwaru, miktub minn Charles Buttigieg, bit-tema Ragħaj għal kull staġun. It-tnedija tal-ktieb se tkun parti minn kommemorazzjoni ta’ Mons. Mercieca li se ssir fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, għada, it-Tlieta, 21 ta’ Marzu, 2017, sena eżatt mill-mewt ta’ Mons. Mercieca.

    L-Arċisqof Mercieca mexxa l-Arċidjoċesi ta’ Malta mill-1976 sal-2006. F’Settembru 2014, fl-okkażjoni ta’ għeluq l-40 sena mill-ordinazzjoni episkopali tiegħu (1974), ġew ippubblikati l-Memorji tiegħu, miktubin ukoll minn Charles Buttigieg. Il-ktieb il-ġdid huwa komplimentari għall-Memorji ta’ Mons. Mercieca, l-iżjed dwar kif l-awtur jiftakar lill-Arċisqof Mercieca l-ewwel bħala editur (1972-1987) tal-ġurnal ta’ kuljum Il-Ħajja li kien jiġi ippubblikat fi ħdan il-Knisja f’Malta, imbagħad bħala l-persuna responsabbli għar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Kurja tal-Arċisqof (1987-2009), u wara bħala persuna li baqa’ qrib tiegħu (2009-2016).

    “Kitbieti kienu għadhom prattikament fil-bidu meta, fil-21 ta’ Marzu, 2016, saħħet l-Arċisqof Mercieca ċediet u huwa mar jiltaqa’ mal-Mulej Irxoxt. Ma’ mewtu, l-inizjattiva tiegħi li nikteb mill-ġdid dwaru ħassejtha tinbidel f’dover lejh personalment, lejn il-memorja tiegħu, u lejn l-għarfien dejjem aħjar tal-istorja tal-Knisja f’Malta fiż-żmien li hu kien fit-tmun tagħha.

    “L-impenn tiegħi fil-proġett isib l-ispirazzjoni tiegħu fil-konvinzjoni sħiħa tiegħi li fil-ġrajja tal-Arċisqof Mercieca hemm il-qalba tal-ġrajja tal-Knisja f’Malta fit-tletin sena li l-Arċidjoċesi kienet immexxija minnu, u li l-operat tiegħu għandu importanza enormi mhux biss għall-istorja tal-Knisja f’Malta iżda wkoll, f’ċertu kuntest, għall-istorja ta’ artna fil-perijodu konċernat.

    “Dan il-ktieb ġdid fassaltu u bnejtu wkoll fit-tama li, meħud u moqri mal-Memorji tal-Arċisqof Mercieca, jgħin biex ikunu magħrufin dejjem aktar u aħjar iċ-ċirkustanzi u r-raġunijiet wara l-għażliet li Mons. Mercieca għamel u t-triq li segwa tul l-arċiveskovat tiegħu,” jispjega l-awtur fl-Introduzzjoni tal-ktieb il-ġdid, li għandu Daħla minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

    Il-ktieb fih ħames taqsimiet. L-ewwel tliet taqsimiet iħarsu lejn l-Arċisqof Mercieca bħala “Saċerdot skont il-qalb ta’ Ġesù’, “Rikonċiljatur għani fis-sabar” u “Xandar tal-Evanġelu”. F’dawn it-taqsimiet l-awtur jiffoka, fost oqsma oħrajn, fuq l-isfond li minnu kien ġej l-Arċisqof Mercieca, is-sisien pastorali tat-tmexxija tiegħu, l-imħabba li kellu għas-saċerdozju, kemm kien qrib il-bniedem imġarrab, u kif baqa’ l-bniedem li kien. Jitratta wkoll kif Mons. Mercieca kien jimxi f’ċirkustanzi ta’ tqanqil, is-sagrifiċċji tiegħu biex jaħdem għar-rikonċiljazzjoni, kif mexxa ’l fuq mill-politika partiġjana, kif baqa’ jħobb u jaħfer, u l-impenn tiegħu fil-qasam tal-komunikazzjoni soċjali fi ħdan il-Knisja u x-xandir tal-Evanġelu.

    Ir-raba’ taqsima tiftaħ b’ħarsa tal-awtur lejn l-aħħar snin ta’ Mons. Mercieca, sal-jum li fih miet. Il-bqija tar-raba taqsima hija dedikata għal pronunzjamenti jew kitbiet dwar Mons. Mercieca – numru minnhom miktubin esklussivament għall-ktieb il-ġdid - ta’ ħames isqfijiet u disa’ saċerdoti. 

    Il-ħames taqsima fiha tliet kapitli li fihom l-awtur juri kif l-Arċisqof Mercieca kien iħares lejh innifsu, x’qalu dwaru meta kien għadu ħaj, u x’qalu dwaru ma’ mewtu. Dawn l-aħħar żewġ kapitli huma ġabra ta’ kwotazzjonijiet ippubblikati jew imxandra meta Mons. Mercieca kien għadu ħaj u wara li miet.

    Il-ktieb fih 680 paġna li jinkludu Indiċi. Fih ukoll 64 paġna oħra ritratti, miġburin fi tliet taqsimiet. 

    It-tema tal-ktieb, Ragħaj għal kull staġun huwa ispirat mill-mod kif l-Arċisqof Charles J. Scicluna ddeskriva lill-Arċisqof Emeritu Mercieca fil-quddiesa tal-funeral tiegħu.

    L-istess bħall-Memorji tal-Arċisqof Mercieca, il-ktieb huwa pubblikazzjoni tal-Klabb Kotba Maltin. Se jinbiegħ €49.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0