“Bla dubju, dan hu l-itqal karattru li għamilt kemm ilni nirreċta”

  • Apr 11, 2017 14:46
  • Miktub minn iNews

     “Bla dubju, dan hu l-itqal karattru li għamilt kemm ilni nirreċta.” L-atturi jitkellmu. 

    Hekk kif bdew l-aħħar preparamenti qabel ma d-dramm FEJN JEĦODNA R-RIĦ jiftaħ għall-pubbliku għaxart ijiem oħra, INEWS tkellmet ma’ ħames mill-atturi li qed jagħtuh il-ħajja. Issa li baqa’ biss ftit jiem, kif qed iħossuhom?

    CLIVE PISCOPO, li qed jinterpreta wieħed mill-karattri prinċipali ammetta kif dan l-irwol huwa l-itqal karattru li qatt kellu jagħmel. “Ilni nirreċta għal dawn l-aħħar għaxar snin imma dan huwa bla dubju l-itqal karattru li qatt għamilt fil-karriera tiegħi. Huwa karattru sabiħ immens u naħseb li l-udjenza se jmissilha korda. Imma nammetti li l-preparazzjonijiet li kelli nagħmel għalih kienu tqal u li għejjewni mmens. Mhux kwistjoni ta’ linji imma kwistjoni ta’ ħafna affarijiet li trid iżomm f’moħħok f’daqqa. Iżda lanqas dawn l-isfidi mhuma qed ittelfuli s-sbuħija ta’ dan il-karattru. Is-sapport tad-direttriċi Lee-N Abela, kif ukoll tal-atturi u l-kru huma importanti ħafna f’dawn il-mumenti u ninsab ħerqan ħafna ħafna biex naqsmu xogħolna mal-udjenzi tagħna.”

    PETER GALEA ammetta li “mill-ewwel darba li qrajt Fejn Jeħodna r-Riħ ħassejt li din l-istorja toffrili ċ-ċans li noħloq karattru differenti minn karattri oħra li ħloqt qabel. Se jkolli nħaffer fil-fond għax l-emozzjonijiet li jilħaq il-karattru tiegħi mhumiex faċli biex nasal għalihom.” Pruvajna nieħdu minn moħħ Peter fuq x’għandna nistennew bħala udjenza ta’ dan id-dramm tant mistenni. "Fejn Jeħodna r-Riħ għandu storja unika. Hemm mumenti komiċi, mumenti li jġegħluk taħseb, u anki mumenti skomdi. Id-dramm fih elementi umani u kurrenti li żgur li se jmiss lil ħafna individwi. Fuq kollox, naħseb li se jissorprendi lill-udjenza għax miktuba b'mod li jżommok fuq ix-xwiek il-ħin kollu. Udjenza li żżomm moħħ miftuħ se toħroġ mit-teatru persuna ħafna differenti minn meta daħlet u probabbli ser tieħu l-esperjenza magħha biex taqsamha ma' ħaddieħor."

    Bejn xena u oħra, LOUISE FENECH qaltilna li kif qrat ir-reċta, l-istorja ħasditha waħda sew. “Hi storja fejn il-karattri kapaċi jissorprenduk u jtuk fuq xiex taħseb, anki jekk fl-istess ħin ituk li titbissem. Fejn Jeħodna r-Riħ ttik ċans tesperjenza ftit minn kollox, u ħerqana ħafna biex nara n-nies kif se jgħixu din l-esperjenza."

    ERIC GRECH, iben il-mibki attur Lino Grech, spjega kif dan id-dramm huwa r-ritorn tiegħu fuq il-palk. "Ninsab kuntent immens li qed naqsam din l-esperjenza ma' persuni kreattivi mmens li jimmottivawni sabiex noffri xi ħaġa ġdida kuljum waqt ir-rehearsals. Il-pubbliku li diġa' ra x-xogħolijiet ta' Clive probabbli diġa għandhom ħjiel kemm dan ix-xogħol huwa nisġa ta' emozzjonijiet. Lilna l-atturi dan ix-xogħol qed jagħtina nar kbir."

    Qabel ma kompla bix-xeni tiegħu tkellimna ma’ wieħed mill-iżgħar atturi fil-kast ta’ Fejn Jeħodna r-Riħ. Għalkemm huwa wiċċ ġdid fix-xena teatrali, NICHAIL PORTELLI ilu jitħarreġ id-drama ġewwa l-Freespirit Acting għal dawn l-aħħar ħames snin u din hija waħda mill-ewwel opportunitajiet kbar tiegħu. “Ninsab eċċitat ħafna li nifforma parti minn din il-grupp ta’ atturi li se nwasslu din l-istorja vera sabiħa lin-nies. Din hija esperjenza sabiħa ħafna għalija imma fl-istess ħin hi esperjenza ftit stramba wkoll għaliex Clive Piscopo, li se jkun qed jagħmilha ta’ ħija l-kbir, ilu jgħallimni d-drama għal dawn l-aħħar ħames snin. Allura filli l-għalliem tiegħi u filli qegħdin nirreċtaw flimkien faċċata ta’ xulxin. Imma din l-esperjenza hi tant sabiħa li la jien mhu se ninsiha u lanqas min ġej jarana.”

    B’kitba ta’ Clive Piscopo u b’direzzjoni ta’ Lee-N Abela, il-kast eċċezzjonali ta’ dan id-dramm jinkludi lil Clive Piscopo, Peter Galea, Eric Grech, Louise Fenech u Nichail Portelli, kif ukoll lil Keith Marshall, Gilbert Mallia, Chris Camilleri, Shana Kirsty Atkins, John Vassallo u Amanda Sammut Cachia.

    Dan id-dramm huwa parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv u se jittella’ nhar il-21, 22, 23 u 27, 28, 29, 30 ta’ April. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn www.kreattivita.org

     

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0