Beżgħet li binha jmur jgħix man-nanniet bħal ħuh

  • Apr 20, 2017 17:30
  • Miktub minn iNews

    Ikompli jinstema’ l-każ dwar l-aħħar qtil fil-Ħamrun 

    Jessica Bilocca, li kienet f’relazzjoni mal-vittma tal-qtil li seħħ fil-bidu ta’ dan ix-xahar u li għandha tifel minn wieħed mill-imputati li qed ikunu mixlijin bid-delitt, sostniet mal-Pulizija li l-argument li kellha dakinhar ma’ omm l-imputat kien minħabba li din qabdet u ħalliet lil binha ma’ nanntu l-oħra. Spjegat li billi għandha wild akbar li pprefera jgħix ma’ ommha u missierha minħabba li kien dara fil-preżenza tagħhom, ma xtaqitx li jiġrilha l-istess b’binha l-ieħor. 

    Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Elliott Magro hekk kif kompla jinstema’ l-każ dwar l-aħħar delitt li seħħ nhar il-Ħadd 2 ta’ April fi Triq Giovanni Barbara, il-Ħamrun. F’dan il-każ, Kurt Grech ta’ 23 sena magħruf bħala “n-nemes” u missieru Joseph Grech ta’ 53 sena, it-tnejn minn tal-Pietà, jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Brandon Pace li kellu 21 sena u kien mlaqqam “Galalli”.

    Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Magro spjega li Jessica kienet qaltlu li ftit tal-ġranet qabel ma seħħ l-inċident, kien inqala’ argument bejnha u bejn il-vittma, b’dan tal-aħħar jagħtiha daqqa f’ħalqha. 

    Hija qalet li hekk kif omm l-imputat, Anna Maria Grech, innotat il-ġrieħi li kellha, din saqsietha jekk kinitx terfa’ jdejha fuq it-tifel. Min-naħa tagħha, Jessica saħqet li ma kinitx se taċċetta min jindaħlilha fil-ħajja privata tagħha.

    Minn dak li qallu l-imputat Kurt Grech, l-Ispettur Magro qal li Kurt u Brandon kienu ħbieb u ma kinitx l-ewwel darba li ltaqgħu. Madankollu, is-sitwazzjoni bejniethom inbidlet meta Brandon beda joħroġ ma’ Jessica. 

    Kurt qallu li meta t-tifel kien ikun magħhom it-tnejn, dawn kienu jibagħtuh lura maħmuġ u li ġieli ħallewh bil-ġuħ. Huwa semma okkażjoni fejn Jessica kienet targumenta ma’ ibnu dwar it-tifel u allega li darba fost l-oħrajn tatu daqqa ta’ ponn tal-ħadid, iżda Kurt għażel li ma jagħmilx rapport lill-Pulizija. 

    L-Ispettur Magro jgħid li Kurt qallu wkoll li meta seħħ l-inċident huwa kien ta daqqa ta’ sikkina f’sider Brandon u oħra f’dahru. Min-naħa l-oħra, sostna wkoll li missieru fl-ebda ħin ma ta daqqiet lil Brandon. Kurt qallu li kif ra lil Jessica tgħin lil Brandon jidħol ġewwa l-komun tal-blokka tal-appartamenti, fil-ħin li kien midrub serjament, huwa taha daqqa ta’ sikkina.

    Meta mitkellma mill-Pulizija omm il-vittma, Lisa Pace, stqarret li dakinhar tal-inċident hija klienet id-dar tagħha flimkien ma’ Brandon u Jessica. Tgħid li ħin minnhom inqala’ argument bejnha u Anna dwar it-tifel. 

    Għall-ħabta tas-7.30 p.m., Lisa qalet li semgħet tisbit qawwi mal-bieb tal-komun u meta ttawlet mill-gallerija, innotat lill-imputat u lil Anna Maria. Qalet li dak il-ħin Jessica bdiet twaddab madum fid-direzzjoni tagħhom. Lisa niżlet tiġri isfel u qabel ħarġet mill-appartament wissiet lil Jessica biex ma tħallix lil Brandon jinżel warajha. 

    Madankollu, Brandon, li kellu f’idejh sikkina niżel jiġri isfel u nqalgħet il-ġlieda bejniethom. Fl-istess waqt irrakkontat mal-Pulizija li rat liż-żewġ imputati jagħtu diversi daqqiet lil binha b’sikkina. 

    Qalet ukoll li kif Brandon kien dieħel fil-bieb tal-komun, rat lill-imputat Joseph Grech jagħtih żewġ daqqiet fin-naħa ta’ wara. L-Ispettur Magro żied li l-omm il-vittma qalet li hekk kif rat lil binha jaqa’ mal-art hija marret tiġri ħdejh u bdiet tgħajjat “Qtiltuh! Qtiltuh!”. Hija żiedet tgħid li f’dak il-mument, missier Kurt dar lejha u qalilha “Erħilu ħa jmut”.

    Matul is-seduta tal-bieraħ għażel li jixhed ukoll Clint Grech, li jiġi ħu l-imputat Kurt Grech u t-tifel tal-imputat Joseph Grech. Clint qal li għall-ħabta tas-7.30 p.m., huwa kien irċieva telefonata mingħand ommu u mbikkma kif kienet qaltlu biex imur lura d-dar. 

    Qal li hekk kif wasal id-dar, sab lil ħuh mixħut mal-art fil-kuritur jiddewwa mit-tobba. Huwa semma kif darba fost l-oħrajn kien inqala’ argument bejn ħuh u Jessica fejn intuża l-ponn tal-ħadid. Clint qal li kien saħansitra joffri biex iwasslilha u jgħaddi għat-tifel tagħha biex jonqsu l-argumenti u fl-istess waqt qal li huwa kien jagħtiha l-manteniment. 

    Il-każ mistenni jkompli nhar l-Erbgħa f’12.00 p.m. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Elliott Magro filwaqt li l-Avukat Roberto Montalto qed jidher għaż-żewġt’irġiel. L-Avukat Noel Bianco qed jidher bħala parti ċivili għall-qraba tal-vittma. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook