It-Tempji ta’ Skorba jinfetħu għall-pubbliku waqt l-attivitá ‘Frott il-bidwi Mġarri’

  • Apr 21, 2017 09:03
  • Miktub minn iNews

    Heritage Malta se tiftaħ it-Tempji ta’ Skorba għall-pubbliku waqt l-attivitá ‘Frott il-bidwi Mġarri’ li se ssir nhar il-Ħadd 23 t’April 2017 fl-Imġarr.

    It-Tempji ta’ Skorba jinsabu fiż-Żebbiegħ, fil-limiti tal-Imġarr, li huwa sinonimu mal-qasam agrikolu f’Malta. Is-sit fejn jinsabu dawn it-tempji mhux biss joffru xeni mill-isbaħ tal-ambjent rurali Malti iżda jfakkru lill-viżitatur fl-ambjent li kien imdawwar bih dawn it-tempji.

    Skorba kien l-ewwel sit megalitiku li fih intużat teknika moderna għall-iskavar. Kienu ġew identifikati numru ta’ oġġetti arkeoloġiċi minn fażijiet differenti tal-preistorja Maltija. Skorba, flimkien ma’ ħames tempji megalitiċi oħrajn, huwa nkluż ukoll fil-lista tal-wirt kulturali dinji tal-UNESCO.

    Skorba huwa magħruf għaż-żewġ strutturi megalitiċi li jmorru lura għall-fażi tal-Ġgantija (3600-3000QK) u tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien (3200-2500QK). L-eqdem struttura u l-aktar waħda preservata kienet tikkonsisti fi tlett ikmamar. Ġebel b’dekorazzjonijiet jifformaw parti mit-taraġ li kien iwassal għall-kamra fuq il-lemin. Fis-sit inbena tempju ieħor fiż-żmien tal-fażi tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien. Din id-darba l-istruttura l-ġdida kienet tinkludi żewġt ikmamar fuq kull naħa u niċċa fin-nofs. Wieħed mit-tempji ntuża wkoll fil-fażi bikrija fiż-żmien il-Bronż meta ġew miżjuda strutturi oħrajn fil-kamra ta’ ġewwa.

    L-eqdem fdalijiet jikkonsistu f’ħajt ta’ madwar 11-il metru li jmur lura għal madwar 5200-4500QK. Żewġ strutturi ovali li jmorru lura għall-fażi ta’ Skorba 4400-4100QK ġew skoperti fil-parti tal-lvant ta’ dan is-sit. F’dan is-sit instabu wkoll għadd ta’ oġġetti tal-fuħħar, għadam tal-annimali, figurini kif ukoll fdalijiet ta’ għerejjex domestiċi minn fażijiet differenti mill-istorja preistorika ta’ Malta.

    Waqt l-attivitá ‘Frott il-bidwi Mġarri’, Heritage Malta se tiftaħ dan is-sit għall-pubbliku bejn id-9.00am u nofsinhar (12.00pm) għall-prezz imraħħas ta’ €3. Se jsiru wkoll żjajjar bi gwida. Dawn se jsiru kull siegħa kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. L-ewwel żjara bi gwida se ssir fid-9.30am u se tkun bl-Ingliż. Bil-għan li l-viżitatur jesplora bl-aħjar mod dan is-sit, kull żjara bi gwida se tkun miftuħa għal grupp ta’ madwar 25 persuna.

    Il-biljetti jistgħu jinxtraw dakinhar mit-Tempji ta’ Skorba.

    Iktar tagħrif dwar attivitajiet organizzati minn Heritage Malta jinkiseb mill-website tal-aġenzija, www.heritagemalta.org.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0