“L-ebda Kap tal-Oppożizzjoni mhu se jwaqqafni milli nkun difensur tal-ħaddiema”

  • Mej 18, 2017 17:40
  • Miktub minn iNews

    F’diskors mill-iktar ċar u b’saħħtu waqt li kien qed jindirizza l-konferenza bijennali tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-General Workers’ Union (GWU), is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li huwa qiegħed fil-kariga biex jiddefendi lill-ħaddiema u li l-ebda Kap tal-Oppożizzjoni mhu se jwaqqfu milli jagħmel dak ix-xogħol. 

    Huwa qal dan b’reazzjoni għall-attakki kontinwi tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-konfront tal-GWU. Bugeja qal li, “nafu għalxiex qed jgħajjarna. Dan minħabba li qed inkunu niggieża fl-affarijiet li qed nagħmlu. Però mhux se jmissu l-membri u s-shop stewards. Jekk jagħmlu hekk, ifisser li weġġgħu lili u hemmhekk se niġġieled jiena.” 

    Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fisser kif is-Segretarju ta’ din it-Taqsima, Sandro Vella, kkontribwixxa ħafna u ppropona diversi proposti innovattivi fosthom dwar l-Air Malta. 

    “Qed ikun propost li l-ftehim kollettiv għandu jiġi diskuss b’mod immedjat, li jekk joħorġu skemi m’għandhiex issir diskriminazzjoni u li l-Air Malta għandha tibqa’ topera u tobbliga li żżomm ir-rwol soċjali tagħha, apparti dak kummerċjali,” qal Bugeja.

    “L-Unjoni Ewropea tagħmel regolamenti li japplikaw għal kulħadd. Madanakollu, ma nistawx naċċettaw li l-istess regoli japplikaw fl-istess qafas għal kulħadd. L-UE għandha tieħu kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tagħna u ta’ pajjiżi oħra. Kulħadd għandu jkun trattat ugwali iżda mhux l-istess. Jekk tieqaf topera l-linja tal-ajru tagħna, Malta tiġi iżolata.”

    Il-kelliem irrefera wkoll għal proposti oħrajn li jirrigwardjaw il-ħaddiema tax-xatt u dawk li jaħdmu fil-qasam marittimu. Qal ukoll li l-GWU kienet minn tal-ewwel lesta biex tiddiskuti u tinnegozja dwar iż-żieda fil-paga minima nazzjonali. 

    Huwa fakkar kif fl-aħħar jiem, il-Fondazzjoni Reggie Miller ingħatat ċertifikat bħala istituzzjoni edukattiva per eċċellenza u akkreditata. Sadanittant fl-indirizz tiegħu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema preżenti, Bugeja qal, “inthom l-ambaxxaturi tal-GWU. Il-membru jara lilkom bħala GWU. Inthom għandkom tkunu l-ponn ta’ referenza għas-Segretarju tat-Taqsima minħabba li d-domanda tal-membri hija kbira.”

    Fakkar ukoll li l-GWU ilha għal dawn l-aħħar sentejn tiġġieled fuq il-kwistjoni tal-“equal pay for equal work” u llum il-ġurnata ż-żewġ partiti politiċi ewlenin din inkluduha fil-manifest elettorali tagħhom. 

    “Dan huwa r-rwol tal-GWU, li timbotta lil kulħadd biex noħolqu soċjetà b’postijiet tax-xogħol aħjar. Ma nistgħux nagħmlu dan mingħajr l-għajnuna tagħkom kollha. Waħedna ma sseħx u bikom kollha ninsab ċert li għada l-ħadiema membri tagħna se jkunu aħjar mil-lum,” temm jgħid is-Segretajru Ġenerali tal-GWU.  

    Is-suċċessi dovuti għall-ħidma ta’ kull persuna fi ħdan it-Taqsima

    Fl-indirizz tiegħu, s-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-General Workers’ Union (GWU) Sandro Vella qal li s-suċċessi huma dovuti għall-ħidma ta’ kull persuna fi ħdan it-Taqsima, li ħadmu qatigħ f’kull post tax-xogħol. 

    “Ma dawn irrid inżid numru kbir ta’ voluntiera barra l-GWU u ħaddiema ġodda li ġejjin minn postijiet tax-xogħol fejn għadna kif ksibna ir-rikonoxximent. Bla dubju dan huwa ta sodisfazzjon iżda jrid iservi ta’ inizjattiva biex naħdmu u nippjanaw iżjed il-ħidma tagħna fil-futur,” qal Vella. 

    Huwa b’dispjaċir innota li kien hemm telfiet kbar li ġraw minħabba fatturi li ma kienx hemm kontroll fuqhom. Qal li xorta wieħed irid jerfa’ r-responsabbilità u jagħmel riflessjoni serja ta’ fejn seta’ għamel aħjar. 

    “Il-GWU hija mibnija fuq is-solidarjetà bejn il-ħaddiema u fuq dan il-prinċipju rridu nkomplu nibnu l-Unjin biex tibqa’ l-aqwa u l-akbar Unjin ġewwa pajjiżna. Il-ħidma tal-kisbiet li wettaqna hija xi ħaġa li għandna napprezzaw u ma ninsew qatt kemm stinkaw dawk ta’ qabilna u kemm fadlilna aħna,” qal is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU.

    Huwa fisser li t-Taqsima hija magħmula minn sitt sezzjonijiet - avjazzjoni, marittima, portijiet, trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, ħażna taż-żjut u transport enforcement.

    Bżonn ta’ direzzjoni ċara fl-Air Malta 

    Dwar is-settur tal-avjazzjoni, Vella qal li din għaddejja minn żmien ta’ sfidi kbar, iżda l-ħidma bieżla tal-ħaddiema jagħmilha possibbli li tkampa f’settur kompetittiv. Qal li l-Air Malta għaddejja minn żminijiet fejn hemm bżonn ta’ direzzjoni ċara u l-ħaddiema għadhom jistennew li dan iseħħ mill-iktar fis possibbli.

    “F’dawn l-aħħar sentejn fallew taħdidiet biex jinstab partner strateġiku. Fil-każ tal-MRO’s għadu kif tħabbar investiment sostanzjali ta’ infrastruttura li se tirdoppja l-ħaddiema fi ħdanha.”

    Huwa semma kif fil-marittimu, numru ta’ ħaddiema li jaħdmu mas-signal 8 u mal-Gozo Channel bħala “mooring men” ingħaqdu mal-GWU u  ddeskriva s-settur tal-portijiet bħala “importanti ħafna għat-tkabbir tal-ekonomija u minħabba l-importanza tal-importazzjoni u l-esportazzjoni.” 

    Qal ukoll li t-trasport pubbliku sab ftit stabbilità wara snin ta’ inċertezzi. Dwar is-settur tal-ħażna taż-żjut, Vella qal li dan huwa settur żgħir iżda importanti fejn il-preżenza tal-unjin mietet iżda jorbot fuq standard ta’ kwalità għolja bis-saħħa u sigurtà tal-impjegati u l-poplu tal-madwar.

    Il-kelliem tkellem ukoll dwar grupp ġdid li ssieħbu fi ħdan il-GWU, li huma ħaddiema li jaħdmu fl-Awtorità tat-Trasport bħala enforcement officers. Qal li ġie ffurmat kumitat u nbdiet ħidma biex il-kundizzjonijiet jitjiebu speċjalment dawk relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. 

    Sandro Vella kompla billi ta rendikont dwar il-kisbiet u l-ħidma li saret mit-Taqsima f’postijiet varji tax-xogħol fejn hemm ħaddiema membri tal-Air Malta, Dufry, Malta International Airport, MOBC, SR Technics Malta, Medavia, Malta Air Traffic Services, Tug Malta, Gozo Channel, Freeport Terminal Limited, Valletta GateWay Terminal Limited, White Taxi, Malta Public Transport u Fahrenheit, Malta Port Banker Corporation u Oiltanking Malta.

    Fost l-impenji internazzjonali li ħadem sehem fihom din it-Taqsima hemm “Social Dialogue Committees”, inizjattivi globali bħal “Stop Social Dumping, Fair Road Transport u Warsaw Decleration”, il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdunjins (ETUC) u l-Federazzjoni tat-Trasport Internazzjonali (ITF). 

    Il-Kumitat Eżekuttiv ta’ din it-Taqsima għas-sentejn li ġejjin se jerġa’ jkun magħmul minn: Thomas Abela - President, Renald Williams - Viċi President, Sandro Vella - Segretarju, Angele Magro, Simon Chetcuti, Raymond Psaila, Mario Coleiro, Ray Attard, Luigi Aquilina, Alfred Grima u Anthony Vella u Brian Borg bħala membri. 

    Ir-rappreżentanti fil-Kunsill se jkunu Sandro Vella, Thomas Abela, Kevin Abela u Mario Coleiro. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0