Arranġamenti biex il-pazjenti fl-isptarijiet jivvutaw fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju

  • Mej 19, 2017 17:00
  • Miktub minn iNews

    Proċess tal-votazzjoni fl-isptarijiet

    Id-Dipartiment tas-Saħħa jgħarraf li wara tibdil fil-leġiżlazzjoni u bi qbil mal-Kummissjoni Elettorali, saru l-arranġamenti li ġejjin biex il-votazzjoni mill-pazjenti fl-isptarijiet tal-Gvern timxi bl-ordni.

    Pazjenti rikoverati sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 29 ta’ Mejju 2017

    Il-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet ta’ Mater Dei u ta’ Monte Carmeli, fl-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karen Grech, u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 29 ta’ Mejju 2017 - għalkemm id-dokument għall-votazzjoni tagħhom juri mod ieħor - se jivvutaw fl-isptarijiet imsemmija. Il-votazzjoni se ssir il-Ħamis, 1 ta’ Ġunju 2017 bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija.

    Pazjenti rikoverati wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 29 ta’ Mejju 2017

    Il-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet ta’ Mater Dei u ta’ Monte Karmeli, fl-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karen Grech, u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 29 ta’ Mejju 2017 se jivvutaw fil-jum tas-Sibt, 3 ta’ Ġunju 2017 fl-ibliet u fl-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.

    It-tabib inkarigat mill-kura tal-pazjent se jindika fl-istorja ta’ kull pazjent jekk jistax joħroġ mis-sala biex jivvota u jekk iva, b’liema mezz ta’ trasport.

    Il-pazjenti jkollhom l-għażla li jinqdew bis-servizzi li se joffri d-Dipartiment biex ikunu akkumpanjati sal-post tal-votazzjoni fl-isptar stess u lura, jew inkella jagħmlu arranġamenti biex ikunu akkumpanjati lejn u lura, minn persuna oħra identifikata minnhom minn qabel.

    F’kull sptar, fejn il-qraba se jwasslu lill-pazjenti huma stess bi trasport privat, ikun meħtieġ li jitolbu permess bil-miktub minn qabel lill-amministratur tal-isptar li fih il-pazjent/a hu/hi rikoverat/a. F’jum il-votazzjoni - is-Sibt, 3 ta’ Ġunju 2017 - dan il-permess irid jintwera l-ewwel lill-uffiċjal tas-sigurtà tal-isptar sabiex l-individwu jkollu aċċess għall-isptar, imbagħad lill-uffiċjal inkarigat fl-istess sptar mit-trasport tal-pazjenti.

    Fil-każ ta’ dawk il-pazjenti li joħorġu jivvutaw kontra l-parir tat-tabib jew li ma jiħdux il-parir mogħti lilhom rigward il-mezz tat-trasport jew l-akkumpanjament, ikun meħtieġ li l-pazjent jiffirma dikjarazzjoni li qed jagħżel li jagħmel hekk fuq responsabbiltà tiegħu nnifsu. Jekk jagħmel hekk ikun jista’ jmur b’liema mezz li jagħżel.

    Residenti ta’ swali għall-anzjani fi Sptar Monte Carmeli u f’Residenza Sir Paul Boffa 

    Residenti ta’ dawn il-postijiet sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tas-Sibt 20 ta’ Mejju 2017 - għalkemm id-dokument għall-votazzjoni tagħhom juri mod ieħor - se jivvutaw fir-residenzi msemmija. 

    Il-votazzjoni f’dawn ir-residenzi se ssir nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija.

    Dawk ir-residenti li jkunu daħlu f’dawn il-postijiet wara s-sitta ta’ filgħaxija tas-Sibt 20 ta’ Mejju 2017 se jivvutaw fil-jum tas-Sibt, 3 ta’ Ġunju 2017  fl-ibliet u fl-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.

    Id-dokument għall-votazzjoni tal-Elezzjoni Ġenerali

    Il-pazjenti huma mfakkra li biex joħorġu jivvutaw għandu jkollhom f’idejhom id-dokumenti għall-votazzjoni. Il-qraba li għandhom f’idejhom id-dokument għall-votazzjoni tal-pazjenti huma mitluba li jagħtu d-dokument lill-pazjent/a. Saru arranġamenti amministrattivi biex dawk il-pazjenti li jixtiequ jafdaw id-dokumenti għall-votazzjoni f’idejn l-awtoritajiet tal-isptar jew f’idejn iċ-chairperson tas-sottokumitat imwaqqaf apposta mill-Kummissjoni Elettorali, ikunu jistgħu jagħmlu dan filwaqt li tiġi garantita s-sigurtà ta’ dawn id-dokumenti.

     Servizzi tas-saħħa

    Fil-jum tal-votazzjoni s-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet, fl-out-patients, fl-ispiżeriji, u fiċ-ċentri tas-saħħa se jkomplu għaddejjin bħas-soltu.

    Ħinijiet tal-viżitaturi f’jum il-votazzjoni 

    Is-Sibt 27 ta’ Mejju 2017 se jkun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fir-residenzi għall-anzjani fi Sptar Monte Carmeli u f’Residenza Sir Paul Boffa. Għaldaqstant il-viżitaturi mhumiex permessi li jidħlu f’dawn il-postijiet. 

    Minħabba li l-Ħamis, 1 ta’ Ġunju 2017 se jkun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fl-isptarijiet, il-ħinijiet tal-viżitaturi se jkunu ristretti kif imsemmi: 

    Fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karen Grech, fl-Isptar Monte Carmeli, u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-ħin tal-viżitaturi se jkun ristrett għal siegħa bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija.  

     Is-Sibt 3 ta’ Ġunju 2017, il-ħin tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei se jkun ristrett għal siegħa bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija. 

    F’ċirkustanzi speċjali fejn il-pazjenti huma f’kundizzjoni kritika għandhom jinħarġu permessi bil-quddiem mis-Sottokumitat Elettorali fuq il-parir tal-koordinatur amministrattiv tal-isptar.

    F’każ ta’ problemi jew ta’ dubji, il-pubbliku hu mitlub jikkomunika mas-sezzjoni tal-customer care jew mal-amministrazzjoni fl-entità konċernata.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook