Wirja u konferenza dwar is-sengħa tal-kostruzzjoni fil-ġebel

  • Fra 13, 2013 09:09
  • Miktub minn
"

    Heritage Malta se torganizza konferenza internazzjonali u wirja bit-titlu “L-Arti u s-Sengħa tal-Kostruzzjoni fil-Ġebel – Disinn, Sterjotomija u Konservazzjoni” bħala parti mill-proġett Lithos.

    Il-proġett Lithos, li kien mifrux fuq sentejn, beda f’Mejju tal-2011 u hu parzjalment iffinanzjat mill-Programm Operattiv Italja-Malta 2007 bħala parti mill-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali. L-għan tal-proġett hu li jistabilixxi ċentru ta’ riċerka internazzjonali, li jispeċjalizza fl-isterjotomija u l-kostruzzjoni fil-ġebel. L-isterjotomija huwa ġabra ta’ għarfien u teknika ta’ tpinġija u tqattiegħ tal-blokok tal-ġebel u l-mod kif jiġu magħquda fi strutturi kumplessi relatati mal-kostruzzjoni arkitettonika.

    Heritage Malta qalu li fi Sqallija u Malta huma magħrufin sew għall-wirt arkitettoniku u artistiku tagħhom u għandhom bosta similaritajiet fil-kundizzjonijiet ambjentali kif ukoll fil-materjali ta’ kostruzzjoni. Il-proġett wassal għal fondi biex isiru studji dwar dawn is-similaritajiet. Qiegħed isir fil-fatt studju dwar il-bini storiku Malti b’ħarsa speċjali lejn l-isterjotomija li permezz tiegħu qed tkun mqabbla s-sengħa Maltija ma’ dik ta’ Sqallija. Dawn l-istudji jistgħu jipprovdu informazzjoni importanti għall-iskopertà mill-ġdid ta’ tradizzjonijiet antiki li jkunu jistgħu jiġu applikati f’binjiet ġodda. Dawn l-istudji jippermettu wkoll l-iskambju ta’ metodi ta’ konservazzjoni u restawr bejn Malta u Sqallija.

    Heritage Malta qalu li grazzi għal dan il-proġett, huma investew f’apparat modern ta’ konservazzjoni kif ukoll f’għarfien tekniku. Mastri, konservaturi u apprentisti li bħalissa qegħdin jagħmlu kors vokazzjonali fil-qasam qegħdin jiġu mħarrġa fl-użu ta’ dan l-apparat u qegħdin ikollhom l-opportunità li jagħmlu xogħolhom b’iktar effiċenza.

    Kien spjegat li l-benefiċċji ewlenin ta’ dan il-proġett jinkludu l-organizzazzjoni ta’ żewġ korsijiet ta’ formazzjoni għall-impjegati ta’ Heritage Malta fi Sqallija. Dawn il-korsijiet kienu jikkonsistu fi stadji akkademiċi u ta’ prattika għall-mastri u l-apprentisti. Il-parteċipanti Maltin kellhom esperjenza f’sit ta’ restawr barra minn Malta u b’riżultat ta’ dan setgħu jitgħallmu dwar l-istroja tal-arkitettura u l-isterjotomija. Bħala parti mill-proġett, Heritage Malta kkonservat waħda mill-faċċati tal-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu bħala case study.

    L-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja se ssir fil-21 ta’ Frar fis-sala Sant Anġlu fil-Mużew Marittimu il-Birgu fis-18.00. Il-konferenza se ssir fit-22 ta’ Frar fl-istess post bil-parteċipazzjoni ta’ kelliema mill-imsieħba kollha tal-proġett.

    Biex wieħed jinkiteb għall-parteċipazzjoni bla ħlas wieħed għandu jibgħat email fuq: info@heritagemalta.org sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Frar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0