Jottijiet fi traffikar uman

  • Ġun 18, 2017 12:54
  • Miktub minn iNews

    Il-FRONTEX qalulna li “s-sena li għaddiet kien reġistrat numru rekord ta’ immigranti li vvjjaġġaw lejn l-Italja. B’kollox daħlu 182,000 persuna mil-Libja. Hemm pressjoni kbira fuq ir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran.  Sa issa din is-sena fl-Italja daħlu 43,000 persuna, li tfisser żieda ta’ 40 fil-mija fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet.  Fir-rigward tar-rotta mit-Turkija lejn l-Italja, kien hemm madwar 3,700 immigrant li użawha. Nikkalkulaw li madwar 2,000 minnhom daħlu mistoħbijin f’jottijiet. Il-prezz ta’ dan it-traffikar  ivarja imma jidher li t-traffikanti qed jitolbu prezzijiet ta’ bejn €5,000 u €6,000. In-nazzjonalitajiet ta’ dan il-persuni tvarja minn Iraqqini, Afgani, Sirjani, Samali u Pakistani.”

    Meta lil Frontex staqsejnihom dwar jekk sarux arresti ta’ jottijiet, qalulna li matul ix-xhur li għaddew kien hemm 42 persuna mill-Ukrajna li ġew arrestat fuq traffikar ta’ nies abbord jottijiet mit-Turkija u l-Greċja lejn l-Italja.”

    Inewsmalta għamlet kuntatt mad-Dwana Maltija fejn dawn qalulna li fejn jirrigwarda jottijiet u traffikar uman, din hi materja tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni. Inewsmalta hi infurmata li l-awtoritajiet f’Malta huma infurmati b’dan it-traffikar u qed iżommu għajnejhom miftħin fuq diversi tipi ta’ jottijiet b’mod partikolari dawk li jkunu ġejjin mil-Lvant tal-Mediterran.

    Lesti nieħu migranti minn Malta….basta għandhom dokument ta’ vjaġġar

    Inewsmalta fl-aħħar jiem għamlet ukoll kuntatt ma’ persuna li għandha jott u li jinkera regolarment għat-turisti.  Mistoqsija jekk hix lesta li abbord jitilgħu immigranti biex jittieħdu lejn Sqallija, l-istess persuna qaltilna li m’għandha l-ebda problema biex dan isir, basta dawn l-istess persuni jkollhom xi tip ta’ dokument ta’ ivvjaġġar. Spjegatilna li minħabba spezzjonijiet li jista’ jkun hemm ma tistax tieħu riskju li ġġorr persuni bla dokument ta’ vjaġġar. Qaltilna iżda li sakemm hemm xi tip ta’ dokument m’hemmx problemi biex jittieħdu Sqallija.

    Rotta ġdida ta’ traffikar

    Jidher li wara dan in-negozju hemm persuni mil-lvant tal-Ewropa fosthom Albaniżi, Bulgari u traffikanti mill-Ukrajna. Għalkemm mhux magħruf eżattament kemm  ġew trasportati immigranti mit-Turkija b’dan il-mod, hu kkalkulat li minn Jannar ta’ sena ilu, aktar minn 2,000 immigrant daħlu fl-Ewropa b’dan il-mod. 

    Nifhmu li l-vjaġġ isir minn diversi postijiet fit-Turkija fosthom Kusadasi u anke Iżmir.  Il-jottijiet li qed jintużaw huma jottijiet li normalment jinkrew lit-turisti għal ftit sigħat jew ġranet. Jidher li l-immigranti li jkunu abbord dawn il-jottijiet jittieħdu lejn Sqallija, Ċipru u Malta.

    Kollox qed jindika li l-ħlas li qed jintalab ivarja bejn $5,000 u $8,000.   Dan il-metodu ta’ trasport qed jitqies bil-wisq aktar sigur.  Dan il-vjaġġ hu tlett darbiet aktar għola mill-vjaġġ fuq dinghi jew dgħajsa tas-sajd mil-Libja.

    Inewsmalta hi infurmata li kien ftit tal-ġimgħat ilu li l-investigaturi f’Ragusa  tkellmu ma’ familja ta’ sitta li ammettiet li daħlet l-Italja b’jott lussuż mit-Turkija. Il-familja kienet ħallset $96,000 biex vjaġġat mill-Afganistan għat-Turkija. Minn Izmir huma vjaġġaw lejn Sqallija bil-jott Polina ta’ 15-il metru. Huma ħallsu $7,000 għal danil-vjaġġ. 

    Din il-familja tkellmet mal-investigatur Carlo Parini, li hu l-kap tat-taqsima tal-immigrazzjoni fil-port ta’ Siracusa.  Sa mill-bidu tas-sena,l-awtoritajiet Sqallin qabdu xejn inqas minn 125 immigrant li kienet qed jippruvaw jidħlu fi Sqallija permezz ta’ jottijiet lussużi.

    Għalkemm mhux magħruf min hemm wara dan it-traffikar, jidher li l-organizazzjoni warajh huma persuni Torok li qed jużaw skippers mill-Ukrajna.   

    Il-Kap Prosekutur fi Siracusa, meta kuntattjat qal biss li “għadu kmieni biex wieħedjgħi min hemm wara dan it-traffikar’. 

    L-investigaturi jemmnu li din ir-rotta ilha ammont ta’ snin topera, imma din żiedet fil-popolarità tagħha fl-aħħar sena. Li qed jiġri hu li t-traffikanti qed jikru il-jottijiet minn aġenziji turistiċi li jikru l-jottijiet u mbagħad dawn ibaħħru bl-immigranti minn Kusadasi, Iżmir jew Cesme. 

    Bl-għan li jevitaw spezzjonijiet, min ikun qed imexxi l-jott, jinnaviga fiż-żona magħrufa bħala ‘contiguous zone’, żona marittima li tmur lil hinn mill-ibħra territorjali. Abbord il-jott jidher li hi prassi li jkun hemm diversi bnadar marittimi, liema bnadar jittellgħu skont lejn liema pajjiż ikunu resqin. Jidher li ħafna minn dawn il-jottijeit huma rreġistrati f’Delaware, fejn hemmhekk hu faċli ħafna li tirreġistra dgħajsa tiġi minn fejn tiġi. 

    Ftit tal-ġimgħat ilu l-investigaturi Taljani irnexxielhom jaqbdu l-jott bl-isem ta’ Maco. Dan inqabad waqt li kien madwar 70 mil nawtiku l-barra mill-kosta Taljana.  Abbord kellu 21 immigrant.

    Dak li instab mill-investigaturi ħasadhom. Abbord kien hemm trophies li dak il-jott rebaħ f’kompetizzjonijiet tat-tbaħħir, mapep u diversi  stickers biex jinbidel l-isem tal-jott. 

    Bħalissa quddiem il-qrati f’Siracusa hemm xejn inqas minn 21 skipper li qed ikunu akkużati bi traffikar.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0