Scicluna, Dalli u Fearne se jikkontestaw għal Deputat Mexxej

  • Ġun 19, 2017 09:10
  • Miktub minn iNews

    Il-Ministru tal-Finanzi l-Professur Edward Scicluna, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kkonfermaw ma' dan il-ġurnal li se jkunu qed jixtħu n-nomina tagħhom biex jikkontestaw għall-kariga ta' Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista. Il-persuna maħtura f'din il-kariga se sservi wkoll bħala Deputat Prim Ministru.

    In-nomini għall-ħatra ta' Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament se jiftħu għada fl-10.00 a.m. u jagħqlu nhar il-Ħamis li ġej fis-6.00 p.m. L-elezzjoni mistennija li ssir nhar il-Ġimgħa 14 ta' Lulju waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja.

    F'każ li jkun hemm aktar minn żewġ kandidati għall-ħatra ta' Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, u ħadd miż-żewġ kandidati ma jikseb 50%+1 tal-voti validi, issir votazzjoni oħra bejn iż-żewġ kandidati li jkunu kisbu l-ogħla numru ta' voti l-għada, is-Sibt 15 ta' Lulju. 

    Fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-Ministri Edward Scicluna, Helena Dalli u Chris Fearne ġew eletti t-tlieta li huma minn żewġ distretti. Il-Ministru Edward Scicluna ġie elett mis-Seba' Distrett u mit-Tmien Distrett, fejn kiseb 3,665 vot u 3,577 vot fl-ewwel għadd, rispettivament.

    Min-naħa l-oħra, il-Ministru Helena Dalli ġiet eletta mit-Tieni Distrett u mit-Tielet Distrett. Mit-Tieni Distrett, fejn ikkontesta wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Dalli kisbet 650 vot fl-ewwel għadd, iżda mbagħad wirtet l-akbar ammont ta' voti minn għandu, total ta' 3,791 vot u kienet it-tielet kandidat li ġiet eletta minn dan id-distrett. Fit-Tielet Distrett il-Ministru Dalli kisbet 1,787 vot fl-ewwel għadd.

    Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ġie elett mal-ewwel għadd minn żewġ distretti wkoll. Mit-Tielet Distrett il-Ministru Fearne kiseb 4,693 vot u mir-Raba Distrett kiseb 5,405 vot. Huwa t-tieni kandidat Laburista li ġab l-akbar ammont ta' voti wara l-Prim Ministru.

    “Nemmen fil-kontinwità” – Il-Ministru Edward Scicluna

    F'kummenti li tana, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ikkonferma li huwa se jikkontesta għal din il-kariga, wara li ġie mħeġġeġ minn l-Uffiċjali tal-Partit, Delegati u anke minn l-elettorat. 

    Il-Ministru Scicluna qal li waħda mill-kwalitajiet li jrid ikollu Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament hija l-lealtà assoluta lejn il-Partit Laburista. “Nemmen li dawk kollha li se jikkontestaw huma leali. Iżda jien urejt il-lealtà tiegħi lejn il-Partit meta ħallejt is-siġġu tal-Parlament Ewropew biex nikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013” qal il-Ministru Scicluna. 

    Tenna li kwalità oħra li jrid ikollu persuna li tidħol f'din il-kariga hija l-kapaċità li tkun flessibbli biex tidħol fiż-żarbun tal-Prim Ministru, meta jkun hemm bżonn. Il-Ministru Scicluna qal li l-kariga ta' Ministru tal-Finanzi tagħtih il-faklutà li jaqdi dan id-dover bl-aħjar mod possibbli. 

    Il-Ministru Scicluna qal li ħaġa oħra li mmotivatu biex jitfa din in-nomina hija l-ħeġġa li għandu biex joffri 'level playing field' ugwali għal kulħadd fi ħdan il-Partit Laburista. 

    Meta elabora aktar dwar dan il-punt, il-Ministru Scicluna qal li huwa impressjonat bin-numru kbir ta' żgħażagħ fi ħdan il-grupp Parlamentari Laburista. “Dawn iż-żgħażagħ li ġew eletti għadhom ma ġewx ipprovati. Madankollu Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament irid jara li ma jastakolax, u minflok jipprovdi level playing field ugwali għal kulħadd. Jien nemmen fil-kontinwità u għalhekk nemmen ukoll li kulħadd għandu jingħata ċ-ċans ugwali” temm jgħid il-Professur Scicluna.

    “Se nikkontesta b'sens ta' dover” – il-Ministru Helena Dalli

    Il-Ministru Helena Dalli wkoll ikkonfermat li se tkun qed tikkontesta għal din il-kariga. Il-Ministru Dalli qalet li l-ewwel u qabel kollox se tikkontesta għal din il-kariga b'sens ta' dover lejn il-Partit Laburista u dan il-Gvern.

    Il-Ministru Dalli qalet li apparti hekk kien hemm diversi fatturi oħrajn li wassluha biex tiddeċiedi li tikkontesta għal din il-kariga. Il-Ministru Dalli qalet li għandha l-kredenzjali biex tkun f'din il-kariga, fosthom, għaliex ilha tiġi eletta fil-Parlament sa mill-1996.

    “Minn dak iż-żmien 'l hawn ġejt eletta f'sitt elezzjonijiet konsekuttivi. L-esperjenza li ksibt fl-aħħar 21 sena nista' nużha. Għandi 'track rekord tajjeb' u n-nies dejjem tawni l-fiduċja tagħhom. Fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet ġejt eletta wkoll minn żewġ distretti” qalet il-Ministru Dalli. 

    Fl-istess waqt, il-Ministru Dalli qalet li bil-kandidatura tagħha, il-Partit Laburista qed jagħti sinjal ċar li ma hemmx ostakli biex in-nisa jagħtu l-kontribut tagħhom fl-għola karigi fi ħdan il-Partit. “Irridu niftakru li dan kien il-Partit li dejjem fetaħ il-bibien biex kulħadd jagħti l-kontribut tiegħu, fosthom anke lin-nisa. Għalhekk il-kandidatura tiegħi se tkompli miexja fuq dawn il-linji ta' ħsieb” qalet il-Ministru Dalli. 

    “Se nkun spalla ma' spalla ma' Joseph Muscat” – Chris Fearne

    Dan il-ġurnal ħa l-kummenti wkoll tal-Ministru Chris Fearne li kkonferma wkoll li se jkun qiegħed jikkontesta għall-kariga ta' Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament biex ikun spalla ma' spalla mal-Prim Ministru Joseph Muscat fit-tmexxija tal-pajjiż.

    “Se nkun qed nikkontesta għal din il-kariga wara r-riżultat pożittiv li kisbt fl-elezzjoni ġenerali fejn ksibt 'il fuq minn 10,000 vot u wara ilni sa minn żgħożiti attiv fil-Partit Laburista,” qalilna, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. 

    Se jintlaqgħu nomini għal karigi kollha eletti

    Intant fl-istqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ngħad li waqt l-istess perjodu, iġifieri ta' bejn għada u nhar il-Ħamis, se jintlaqgħu n-nomini għal karigi kollha eletti tal-Amministrazzjoni tal-Partit, skont kif jistipula l-istatut. Dawn huma l-karigi ta' President, Viċi President, Segretarju Organizzattiv u Segretarju Internazzjonali. 

    Barra minn hekk, se jsir vot sigriet ta' fiduċja fil-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat u fid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u Ministru Chris Cardona. 

    Il-votazzjonijiet se jsiru waqt Konferenza Ġenerali Straordinarja li se tibda titlaqqa nhar il-Ħamis 13 ta' Lulju. Waqt din il-Konferenza Ġenerali se jagħmel diskors il-Prim Ministru li matulu mistenni li jniedi l-prijoritajiet ta' ħidma ta' Gvern Ġdid għall-ewwel parti ta' din it-tieni leġiżlatura.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1