Alfred Mifsud: “L-allegazzjonijiet kienu motivati minn vendetta personali”

  • Ġun 19, 2017 15:58
  • Miktub minn iNews

    L-ekonomista Alfred Mifsud qal li ftit jiem qabel l-artikolista Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia ippubblikat għadd ta' stejjer dwaru, l-eks-sieħba tiegħu Anna Zelbst kienet bagħtitlu messaġġ fejn qaltlu  “Daphne will now come in handy” u dan wara li kien infurmha li r-relazzjoni ta' bejniethom kienet spiċċat u li ma kienx se jagħtiha ċertu affarijiet li talbitu.

    Fil-Qorti Alfred Mifsud qal li għalhekk dawn l-istejjer li ġew ippubblikati dwaru kienu motivati minn “vendetta personali” u kellhom  konsegwenzi serji ħafna, peress li huwa ma setgħax jieħu l-kariga ta' Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

    Mifsud qal dan fil-Qorti hekk kif kompliet tinstema' l-kawża ta' libell li huwa fetaħ kontra Caruana Galizia, dwar artikli li kienet ippubblikat fuq il-blogg tagħha matul is-sena li għaddiet. F'dawn il-blogs, Caruana Galizia għamlet allegazzjonijiet serji ta' ħasil ta' flus, fost l-oħrajn. 

    Fix-xhieda tiegħu, Mifsud qal li huwa kien jgħix mal-eks-sieħba tiegħu Anna Zelbst bejn l-1995 u l-2006. Qal li meta r-relazzjoni ta' bejniethom waqfet fl-2006 Zelbst għamlet rapport lill-Pulizija, xi ħaġa li huwa sar jaf mill-artikli li ppubblikat Caruana Galizia fl-2016. 

    “Infatti nistgħa ngħid li minkejja li fl-2006 Anna Zelbst kienet għamlet dawn ir-rapporti, il-Pulizija qatt ma kienet bagħtet għalija biex tagħmilli d-domandi tagħha” qal Mifsud.

    Ix-xhud żied jgħid li ftit tas-snin wara, hu u Zelbst reġgħu bdew jgħixu flimkien. “Ma kienx hemm intimita bejnietna, imma ddeċidejna li nkomplu ngħixu flimkien minħabba t-tfal” qal Mifsud. 

    Saħaq iżda li fl-2016 ġie deċiż li ma jibqgħux f'relazzjoni. Mifsud qal li huwa minnu li kien f'relazzjoni ma' persuna oħra u qatt ma ħeba dan il-fatt. Stqarr li hekk kif huwa wera l-intenzjoni li ma jkomplix bir-relazzjoni ma' Zelbst bdiet theddu biex jagħtiha ċerta affarijiet. 

    “Infatti Anna qaltli li jekk ma tingħatax ċerta affarijiet mhix se tħallini nsir Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Huwa fatt magħruf li kien hemm ċans kbir li nieħu din il-kariga. Nista nikkonfera li fl-10 Ġunju tas-sena li għaddiet kelli laqgħa mal-Prim Ministru fejn qalli li jkun qed jinnominani għal din il-pożizzjoni” żied jgħid Alfred Mifsud.

    Qal li ftit taż-żmien wara li huwa rċieva messaġġ fejn l-eks-sieħba tiegħu qaltlu “Daphne will come in handy”. Qal li eventwalment, Caruana Galizia ċemplitlu u qaltlu li għandha l-imsemmija storja li huwa ċaħad mill-ewwel. Alfred Mifsud qal li waqt l-imsemmija telefonata huwa qal lil Caruana Galizia biex toqgħod attenta għaliex l-allegazzjonijiet ma kienu xejn għajr vendetta personali. “Caruana Galizia weġbitni u qaltli li hija għandha s-sorsi. Imma nistgħa ngħid li t-telefonata li kellna kienet waħda kordjali” qal Alfred Mifsud.

    Alfred Mifsud qal li Caruana Galizia ippubblikat l-istorja li kienet tirrigwardja allegazzjonijiet serji ta' ħasil ta' flus. Mifsud qal li huwa kien ixxokjat bl-istorja li ġiet ippubblikata.

    “Kont ilni naħdem għal kariga ta' Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Naturalment, hekk kif ġiet ippubblikata l-istorja, jien iddeċidejt li dik il-kariga ma neħodiex. Kont se nitlaq minn Deputat Gvernatur mill-ewwel. Ma tlaqtx dakinhar iżda nistgħa jgħid li aktar tard dan ix-xahar se nirriżenja” qal Alfred Mifsud. 

    Mifsud saħaq li abbażi tal-artiklu bagħtu għalih il-Pulizija. Hawn hekk, Mifsud qal li huwa ċaħad li meta kien Ċermen tal-Mid Med Bank huwa għamel xi ħaġa biex jiggwadanja hu, u tenna li l-bidla fis-sistema tas-software tal-Mid Med Ban kienet saret bl-approvazzjoni tal-Bord. 

    Apparti hekk, Mifsud ċaħad ukoll li Ronnie Demajo taħ xi flus. Tenna li ma kienx jaf lil Demajo daqstant, u aktar kienet tafu Anna Zelbst. Filwaqt li saħaq li l-Pulizija ma sabu xejn fil-konfront tiegħu, Mifsud qal li kienu sabu flus fil-kont ta' Zelbst. Saħaq li għalhekk huwa ma jeskludix li Demajo kien mar id-dar tiegħu meta ma kienx hemm hu.

    Waqt is-seduta tal-bieraħ tat ix-xhieda tagħha Daphne Caruana Galizia li qalet li meta kitbet l-artiklu ma qalitx min kien is-sors. Madankollu saħqet li wara s-sors kienet ċemplitilha u qaltilha li se tixhed. “Kien għalhekk li sar eventwalment magħruf li s-sors li tagħtni l-istorja kienet l-eks-sieħba ta' Alfred Mifsud, Anna Zelbst” qalet Caruana Galizia.

    Caruana Galizia qalet li minn dak iż-żmien 'l hawn, hi u Zelbst baqgħu ħbieb. Qalet li fil-passat l-affarijiet kienu differenti. “Niftakar li darba minnhom kont qiegħda f'restaurant u kien hemm Alfred u Anna. Jien lil Alfred kont nafu u introduċieni ma' Anna. Iżda dakinhar Anna kienet agressiva miegħi” qalet Caruana Galizia. 

    Il-blogger Nazzjonalista kompliet tgħid li hija kienet taf x'inhi s-sitwazzjoni tar-relazzjoni ta' bejn Alfred Mifsud u Anna Zelbst. Hawn hekk, Caruana Galizia qalet li hija kellha ritratti ta' Alfred Mifsud ma' mara oħra. Qalet li dawn ir-ritratti ma ġewx mgħoddija lilha minn Zelbst.

    Mistoqsija jekk ivverifikatx il-fatti mgħotija lilha, Caruana Galizia qalet li mill-esperjenza tagħha hija tinduna li meta mara tiġi għandha b'ċertu dettalji speċifiċi, ma tkunx qed tigdeb. Qalet li Zelbst kienet diġà marret għand il-Pulizija fl-2006 u kienet tkellmet ma' Michael Cassar. 

    Min-naħa tagħha, Caruana Galizia qalet li hija qatt ma kellha relazzjoni ħażina ma' Alfred Mifsud u qabel ippubblikat l-istorja ċemplitlu. “Iżda meta niġi biex nippubblika storja ma noqgħodx nara min huwa ħabib jew le.  Għalhekk għażilt li nippubbilka l-istorja” qalet Caruana Galizia. 

    Il-blogger Nazzjonalista qalet li l-istorja ġiet ippubblikata f'mument importanti, għaliex Alfred Mifsud kien qed jittanta jsir Gvernatur tal-Bank Ċentrali. 

    “Għalhekk din l-istorja kellha valur kbir avolja ċertu fatti li jissemmew, fosthom il-każ tas-software tal-Mid Med Bank seħħ fl-aħħar tas-snin disgħin” temmet tgħid Caruana Galizia.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook