“Kien jirrikattani li se joħroġ files u videos jekk ma naħdimx miegħu”

  • Lul 17, 2017 20:00
  • Miktub minn iNews

    Jitressaq il-Qorti Khaled Ben Nasan 

    L-Uffiċjal tal-Gvern Neville Gafa, qal fil-Qorti li Khalid Ibrahim Ben Nasan, beda jirrikattah li jekk ma jagħmilx dak li beda jgħidlu, jiġifieri li jkun lest li jaħdem miegħu biex jerġa’ jipprova jġib in-nies li jridu jiġu għall-kura mil-Libja kif kien qabel, kien lest li jippubblika ċertu files u anke vidjos. 

    Huwa kien qed jixhed fil-każ kontra Ben Nasan ta’ 45 sena li jgħix is-Swieqi li qed iwieġeb mhux ħati ta’ frodi u estorsjoni wara li dan allega li Neville Gafa daħħal il-flus fil-but meta ngħataw visas mediċi lil nies Libjani.

    Fuq il-pedana tax-xhieda, Gafa, spjega kif waqt il-kriżi fil-Libja, il-Ministeru tas-Saħħa kien għadda rapporti mediċi lill-Awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei dwar persuni Libjani li kienu jinħtieġu trattament. Huwa qal li kien jikkordina biex il-Libjani tkun tista’ tinħarġilhom il-VISA, u li l-ħlas kien ikun dak ta’ €66 kull persuna. 

    Gafa qal ukoll li huwa kien irċieva messaġġ mingħand Ben Nasan biex “jipprova jixtrih,” u qallu li kien lest li jiltaqa’ miegħu dwar kompromess.

    “Qalli li hu kien lest li jaħdem miegħi biex jerġa’ jipprova jġib in-nies kif kien qabel. Beda jirrikattani li għandu xi files u vidjos jekk ma kontx se nagħmel dan,” spjega Gafa. 

    Dwar il-karozza BMW, huwa qal li din xtraha f’Ġunju tal-2015 u li f’April tal-2017 kellu inċident tat-traffiku u minflok sewwieha bidilha.

    Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Rennie Stivala qal li nhar is-6 ta’ Ġunju 2016, huwa kien talab lil Ben Nasan biex imur u jkellmu fl-Uffiċċju tiegħu. Ben Nasan spjegalu li hu kien jgħaddi l-applikazzjonijiet ta’ Libjani li jiġu hawn Malta għall-kura u Gafa kien jipproċessahom. 

    Kompla jgħid li Ben Nasan allega li f’mument partikolari Gafa kien jitlob li jingħata pagament meta jiġu l-applikazzjonijiet f’idejh. 

    L-Ispettur Stivala qal li meta kellem lil Neville Gafa, dan qallu li kien il-liason bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-Prim Ministru fuq il-kwistjoni tal-Libja. 

    Gafa kien ċaħad mal-Ispettur Stivala li qatt irċieva flus mingħand Ben Hasan. Madankollu, ikkonferma li Ben Hasan kien imur fejn il-Ministeru biex ikellmu minħabba li s-Sirjan “kien iġib diversi nies għal kura f’Malta.”

    L-Ispettur Stivala qal ukoll li mill-investigazzjonijiet li saru, ebda flus ma nstabu fl-Uffiċċju ta’ Gafa, fejn Ben Nasan qal li aktarx kienu se jinstabu l-flus li allega li daħħal Gafa.

    Qal li f’Awwissu 2016, Ben Nasan bagħat kwerela fl-Għassa ta’ San Ġiljana fir-rigward ta’ rapport li kien għamel f’dik l-għassa. Huwa allega li kien qed jirċievi telefonata fuq il-mowbajl tiegħu, li qal ma jafx x’inhi, u ħassu mhedded bil-ħajja tiegħu u tat-tfal tiegħu. 

    Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li n-numru li minnu Ben Nasan suppost irċieva t-telefonati, ma saru ebda telefonati lejh fil-perjodu li speċifika s-Sirjan. 

    L-Ispettur Stivala qal ukoll li f’Settembru tal-2016, Khaled Ben Nasan mar l-Għassa tas-Swieqi u allega li rċieva erba’ missed calls u SMS mill-istess numru li fuqu sar theddid. Il-Pulizija iżda sabet li kien numru b’kuntratt irreġistrat fuq Ben Nasan innifsu, xahrejn qabel.

    Il-każ se jkompli jinstema f’Settembru li ġej. 

    Peter Paul Zammit qed jidher bħala parte civile għal Gafa filwaqt li l-Avukat Leslie Cuschieri qed jidher għal Ben Nasan. 

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0