Festa Speċjali għat-Tfal kollha ta’ Sant’Elena f’Birkirkara

  • Aww 02, 2017 19:05
  • Miktub minn iNews

    Il-festa Titulari ta’ Sant’Elena din is-sena ser tkun iċċelebrata bejn it-Tlieta 8 ta’ Awwissu u l-Ħadd 20 ta’ Awwissu.  Il-Programm tal-festa imħejji mill-Kapitlu Elenjan bl-għajnuna tal-Kumitat Festa Sant’Elena hu mfassal biex jilħaq lil kulħadd.  Fost iċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru ta’ kull sena din is-sena il-festa tat-tfal ser tkun iċċelebrata b’mod aktar speċjali.

    Nhar is-17 ta' Lulju ta’ din is-sena tfakkar il-180 anniversarju minn meta l-istatwa titulari ta’ Sant’Elena Imperatriċi Awgusta ddaħħlet għall-ewwel darba fil-Kolleġġjata Elenjana. Jingħad li dakinhar ma kienx hemm arja kbira ta’ ċelebrazzjoni minħabba l-fatt li, il-patrijott Malti u l-benefattur ewlieni tagħha, il-Kav. Vincenzo Borg imlaqqam Brared, kien miet xi jiem qabel minħabba li f’Birkirkara, bħal fil-bqija tal-pajjiż kollu, kienet għaddejja l-imxija tal-kolera. Fil-fatt, hu magħruf li fil-jum tal-funeral tiegħu, il-katavru tal-Kavallier Borg tqiegħed f’nofs il-korsija quddiem l-istess statwa.

    Tajjeb li jingħad li l-Kavallier Borg kien ikkummissjona lill-iskultur Salvatore Psaila (1798-1871) minn Bormla sabiex iwettaq dak li fit-tmiem tiegħu seta’ u jibqa’ jissejjaħ bħala kapolavur artistiku singulari fil-gżejjer Maltin. Il-vara ta’ Sant’Elena nħadmet f’Birkirkara stess fil-Palazz magħruf bħala ‘Ta’ Santa Liena’ fi Triq Għargħur.

    Illum, 180 sena wara, il-Kumitat Festa Sant’Elena ħaseb sabiex għall-manifestazzjoni annwali li ssir fil-jum iddedikat lit-tfal kollha tal-Parroċċa fil-jiem tal-festa titulari, tiżżanżan statwa ġdida tal-qaddisa, minflok dik li kienet tintuża f’okkażjonijiet simili u li minħabba l-qedem tagħha bdiet issirlha ċertu ħsara.

    Din l-istatwa ġdida fil-kartapesta, ikkummissjonata lill-artist żagħżugħ Karkariż Ayrton Sammut, ser tkun inawgurata nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Awwissu 2017 fis-5.45pm. Dakinhar, minn quddiem il-Palazz magħruf bħala ‘Ta’ Santa Liena’ fi Triq Għargħur, Birkirkara, fejn inħadmet l-istatwa titulari ta’ Sant’Elena Imperatriċi Awgusta fl-1837, tibda manifestazzjoni ferrieħa bis-sehem tat-tfal u bandisti żgħażagħ miż-żewġ baned ewlenin ta’ Birkirkara li tgħaddi minn diversi toroq tal-Parroċċa. Dan kollu jintemm fis-7.00pm permezz ta’ Quddiesa li tkun iċċelebrata fil-Bażilika bis-sehem attiv tat-tfal. 

    Qed tkun organizzata ukoll kompetizzjoni tat-tpinġija biex jiehdu sehem fiha it-tfal kollha liema tpinġijiet ser ikunu esebiti fil-Bażilika waqt din il-festa. 

    Inħeġġu lil kulħadd, speċjalment lit-tfal kollha u l-ġenituri tagħhom, sabiex jipparteċipaw u jattendu għal din il-manifestazzjoni unika. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0