L-Innovazzjoni tiltaqa’ mat-tradizzjoni fl-arti tal-logħob tan-nar... Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba

  • Aww 04, 2017 13:28
  • Miktub minn iNews

     

    L-Innovazzjoni tiltaqa’ mat-tradizzjoni fl-arti tal-logħob tan-nar... li se tfakkar l-għaxar anniversarju mir-rebħ assolut tal- Kampjonat Mondjali tal-logħob tan-Nar tal-Ajru ‘Caput Lucis’ f’Valmontone ġewwa Ruma mill-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba

    Il-wirja tal-logħob tan-nar lejlet il-festa tal-Imqabba din is-sena se tkompli tiżviluppa fuq diversi fronti u tibni fuq l-innovazzjonijiet li kienu introdotti fiha fl-aħħar snin biex tfakkar l-għaxar anniversarju mindu l-Għaqda tan-Nar Santa Marija ġiet inkurunata bħala r-rebbieħa f’Kampjonat Mondjali tal-logħob tan-Nar tal-Ajru li jsir kull sena ġewwa Valmontone f’Ruma. Fil-fatt, fl-2007 L-Għaqda tan-Nar Santa Marija ħarġet rebbieħa f’dan il-kampjonat li jieħdu sehem fost l-aqwa kmamar tan-nar fid-dinja, u dik is-sena kienu ġejjin mill-Italja, Ingilterra, Spanja, Rumanija, Ġappun, Slovenja, Ċina u minn Malta rappreżentata mill-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba. Fil-wirja spikka t-talent u xogħol uniku Malti li ġie mfaħħar minn bosta. Din is-sena, ix-xow ta’ lejliet il-festa ser ikun qiegħed ifakkar ukoll il- 75 sena anniversarju mid-dħul tal- Konvoy ta’ Santa Marija ġewwa l-Port il-Kbir, fl-1942. 

    It-Torri tad-dawl

    Seba’ snin ilu, lejlet Santa Marija, l-ispettaklu pirotekniku sinkronizzat mal-mużika kellu żvilupp importanti meta mal-logħob tan-nar ġie integrat Torri tad-Dawl li minn fuq inħaraq nar b’mod kreattiv li kkummplimenta l- logħob tan-nar l- ieħor li kien qed ikun sparat mill-art u l-mużika li kien sinkronizzat magħha. Fl-2013, l-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba stabbilixxiet rekord nazzjonali, verifikat minn ‘The Malta Records’ tal-akbar wirja ta’ logħob tan-nar fuq skala vertikali. Din is-sena membri tal- Għaqda tan- Nar qegħdin jaħdmu sabiex iżommu l-istess rekord li kisru s-sena l-oħra huma stess, proprju fil-ħarqa ta’ lejliet il-festa.  Dan għaliex din l-istruttura tal-ħadid ser tkun għolja erbgħa u ħamsin metru, u għalhekk ser tibqa’ l-ogħla struttura li qatt inħaraq in-nar minn magħha.

    Elementi innovattivi u għalkollox ġodda

    Barra minn dan, il-wirja ewlenija tal-logħob tan-nar lejlet Santa Marija fl-Imqabba se tinkludi numru kbir ta’ element li l-Għaqda tan-Nar kienet il-pijuniera fihom, fosthom il-Funtana tan-Nar, u elementi oħra ġodda u innovattivi li se jikkumplimentaw il-ħarqa ta’ lejliet il-festa fl-Imqabba.

    Sejrin jintużaw aktar minn 10,000 ignitor, li hu mezz teknoloġiku sabiex jiġi maħruq ix-xow tan-nar, biex iqabbdu x-xogħol kollu li hemm ippreparat għal nar l-14 t’Awwissu.

    Il-wirja se tinkludi wkoll ħafna elementi uniċi ta' logħob tan-nar bħal kliem li jifforma permezz tal-logħob tan-nar, disinji u forom diversi fl-ajru, u blalen li l-kulur tagħhom jinbidel jimxi flok f'daqqa; kollha sinkronizzati mal-mużika bi tlett sistemi kompjuterizzati, PyroDigit, Ten2 u FireOne. Se jkun hemm ukoll, kif jixraq, il-murtali tradizzjonali tal-beraq pront u tal-kulur u kaxxi infernali fi Gran Finale qabel wirja ta' logħob tan-nar tal-art li tibda mill-Pjazza tal-Parroċċa tal-Imqabba.

    Ħidma u dedikazzjoni li wasslu għal rebħ nazzjonali u dinji

    L-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba mit-twaqqif tagħha,introduċiet ħafna innovazzjonijiet fil-logħob tan-nar li fl-aħħar snin wasslu biex rebħet Il-Premju tal-Artiġjanat Malti fl-2014, il-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art fl-2010, rebħet l-ewwel Kampjonat Malti u Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Ajru fil-Port il-Kbir fl-2006, u rebħet ukoll il-Kampjonat Dinji tal-Logħob tan-Nar, magħruf bħala 'Caput Lucis', f'Ruma fl-2007.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook