"Ebda kumpens ma jpatti għal dak li ħadulna"

  • Aww 13, 2017 16:41
  • Miktub minn iNews

    "Ebda kumpens ma’ jpatti  għal dak li ħadulna.”  Hekk iddikjara l-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Nazzjonalista John Dalli ma’ inewsmalta, meta intervistat dwar il-kawża għal kumpens ta’ €1 miljun li fetaħ kontra l-Kummissjoni Ewropea, liema kawża infetħet fil-Qorti Ewropea.  Ma jonqosx li jitkellem dwar dak li ddeskriva bħala ‘snin ta’ tbatija’ u ‘infern’.  Ma jonqosx li jenfasizza li kien hemm indħil politiku u l-ħabi li kien hemm fosthom biex inżammet l-immunità għal Kessler u l-impjegati tal-OLAF u b’hekk l-Pulizija Belġjana ma tkunx tista’ tinvestiga. Jiddikjara magħna li “Iva ftaħt il-kawża wara li l-Pulizija Belġana għalqu l-investigazzjoni tagħhom.  Dawn damu daqshekk għax il-Kummissjoni Ewropeja għażlet li timxi mal-metodi tal-Omertà u tinsisti li Kessler u l-impjegati tal-OLAF iżommu l-immunità fuq kif għamlu l-investigazzjoni tagħhom.  Il-Pulizija Belġjana tħabtet għal tlett snin biex tkun tista’ tinvestiga u ma rnexxilihiex.  (Tlett snin ta tbatija u ta’ infern għalija). 

    “Tħalliet biss tidħol fuq l-att kriminali li Kessler organizza telefonata rrekordjata bejn Inge Delfosse u Silvio Zammit fit-3 ta’ Ġunju 2012.  Dan hu indħil politiku.  Dan il-ħabi hu ammissjoni ta’ ħtija. Wara li spiċċaw l-investigazzjoni tagħhom, il-Pulizija Belġjani tawni aċċess għad-dokumenti kollha li ġabru fuq il-każ inklużi n-noti tagħhom u l-intervisti li għamlu ma kull min kien involut – inkluż Kessler.  Hekk ġew f’idejja dokumenti li l-Kummissjoni Ewropeja u l-OLAF kienu jirrifjutaw ituni u oħrajn li ma kontx naf bihom. Fuq dan stajt nibbaża akkuża solida tal-mala fede li biha tmexxiet l-investigazjoni kontija, u l-frodi li saret biex jeħilsu minni għax ma setgħux jipperswaduni li ndgħajjef id-direttiva kontra t-tabakk.”

    L-intervista sħiħa hi din:

    Għaddew  kważi hames snin mindu nhargu dawn l-allegazzjonijiet li wassluk biex irrizenjajt. Min temmen li hemm mill-Partit Nazzjonalista wara dawn l-allegazzjonijiet? (sa issa jien qed nara li min orkestrahom donnu baqa’ moħbi)

    “L-informazjoni li għandi dwar attakki kontrija u kontra l-famillja tiegħi jindikaw ċar l-id moħbija li ppjanat, orkestrat u wettqet dawn l-attakki – ibda’ mill-attakki meta kont Minsitru, u il-frodi fejn ġie użat Joe Zahra u dawn l-attakki fi Brussels.  Dan m’huwiex il-Partit Nazzjonalista. Dan pesuna u l-klikka ta’ madwaru) mikluba għall-poter u dak kollu li jġib miegħu u li wara li warrab lili u lil oħrajn min-nofs ħataf il-partit u farrku biex ġabu fl-istat tal-biki li hu llum.” 

    Inti kont wieħed mill-pilastri tal-partit. Ngħid sew li qatt ma kont parti minn klikek li kien hemm fil-passat? Għaliex fl-opinjoni tiegħek hemm din il-krucjata kontrik?

    “Dan se tgħidu l-istorja anke jekk fl-aħħar snin sar minn kollox biex iħassru ismi mill-memorja tal-pajjiż.  Għalhekk ikolli nsemmi jien dak li rnexxieli nagħmel tul snin ta’ ħidma fil-Gvern. Kont jien li biddilt l-ekonomija tal-pajjiż minn waħda kkontrollata għal waħda ta’ kummerċ ħieles imma b’kuxjenza soċjali.   Hekk l-ekonomija tagħna ġiet taqbel mal-istil tal-ekonomiji ta’ pajjiżi Ewropej.  Dak li għandna llum hu frott tax-xogħol li għamilt jien tul ħafna snin. Per eżempju: kont jien li żarmajt il-ħafna kontrolli fuq l-importazjoni, kont jien li żarmajt il-kumpaniji parastatali li kienu mażżra m’għonq il-pajjiż.   Kont jien li fassalt is-sistemi biex it-taxxa tibda’ tinġabar.  Kont jien li ħloqt u bnejt ic-Ċentru ta’ Servizzi Finanzjarji li minnu ħafna Maltin qiegħdin jaqilgħu flejjes kbar.  Kont jien li bħala riżultat tal-liġijiet li għaddejt mill-Parlament bl-għajnuna tal-mibki Lino Spiteri u Karmenu Mifsud Bonnici waqqaft  dan l-edifiċju li hu l-għira ta’ ħafna pajjiżi u li fuqu mbagħad inbnew Ssetturi oħra bħall-Kummerċ Elettroniku u l-Gaming. Kont jien li bdilt in-natura tal-industrija f’Malta u minn waħda tiddependi fuq is-settur tat-tessuti (u l-pagi baxxi) żviluppajt setturi ta valur miżjud akbar li ġab investiment, xogħol u pagi u kundizzjonijiet ħafna aħjar għall-ħaddiema. Kont jien li rriformajt il-liġijiet antikwati tal-kera, ukoll b’konsensus politiku (grazzi għal Edward Zammit Lewis u Stefan Zrinzo Azzopardi).

    “Dawn huma biss ftit mill-inizjattivi li wettaqt tul ix-xogħol tiegħi fil-Gvern. Qatt ma kont parti ta’ ebda klikka, dejjem ikkonċentrajt fuq ix-xogħol afdat lili u naħseb li dan wettaqtu bl-akbar fedelta, onesta, effiċjenza u suċċess.  Din il-kruċjata kontrija, nerġa’ ngħid, m’hix mill-Partit Nazzjonista imma minn dawk li riedu jaħtfu l-kontroll sħiħ tal-Partit. Għamlu snin jinjettaw il-velenu u l-ħdura kontra teigħi man-Nazzjonalisti, biex joħolqu mibegħda kontrija.  Illum nafu min għamillu ħsara lill-Partit Nazzjonalista, hux jien jew dawn  ir-regħba għall-poter.”

     Mindu faqqa’ dan il-każ kien hemm xi uffiċjal tal-PN li għamlu kuntatt miegħek dwar dak li kont għaddej minnu? 

    “Chris Said kien ikkuttatjan biex jifraħli  meta Pietru Pawl Busuttil Zammit kien iddikjara li m’hemm ebda każ kontrija.  Dan qabel ma bdew il-kalunji tal-indħil Politiku.  Wara l-funeral tal-mara tiegħi fejn jiena apprezzajt l-attendenza ta’ kważi l-grupp Parlamentari kollu Nazzjonalista, kelli żewġ laqgħat ma’ Simon Busuttil fejn dan assigurani li jien milqugħ fil-Partit.  Imma l-attakki komplew.”

    Inti spiċċajtt minn Kummissarju Ewropew wara li rrifjutajt li twaqqaf id-direttiva kontra t-tabakk kif intlabt li jsir mill-President Barroso. Il-Qorti Ewropea kienet ikkonkludiet li inti ma tneħħejtx minn kummissarju b’mod inġust mill-President Barroso imma li rrizenjajt b’mod volontarju. Eżattament din kif seħħet?

    “Fil-fatt f’laqgħa li kelli ma’ Barroso f’Novembru 2011, dan kien qalli biex inwaqqaf id-direttiva.  Jiena rrifjutajt.  Jien infurmat li wara Barroso iltaqa’ mal-kumpanija sussidjarja ta’ Philip Morris fil-Portugal.  Fl-istess żmien kien qed jiġi ffurmat minn Swedish Match il-grupp li kellu jagħmel l-attakk fuqi.  Interessanti li ftit ġimgħat wara, Rita Schembri, li kienet waħda min-nies ta’ ġewwa f’Kastilja, ġiet maħtura membru tal-kumitat li jissorvelja l-operat tal-OLAF.  Pożizzjoni strateġika għal dak li kellu jiġri.  Rita Schembri irriżenjat wara li jiena irrelevajt il-konflitt ta’ nteress kbir li kellha f’dan il-każ. Meta ltqajt ma’ Barroso fis-16 ta’ Ottubru 2012, mingħalija għal meeting tas-soltu fejn naġġornah fuq il-portafol tiegħi, dan beda jaqra minn xi karta li kellu quddiemu li beda jżomm ma’ ħobbu u li kienet l-ittra li kien kitiblu Kessler.  Ikkonferma li r-rapport kien jgħid li: ma hemm ebda prova li jiena kont kompliċi f’xi talba għall-flus, ma għaddew ebda flus u li l-proċess ta’ deċiżjonijiet fil-Kummissjoni ma kienx mittiefes. Imma li Kessler, mingħajr ebda prova u għax kellu jagħti skuża biex Barroso jaġixxi b’dak il-mod biex ineħħini min-nofs,, ikkonkluda li jien kont naf li kien hemm kuntatti bejn kumpanija ta’ tabakk u negozjant Malti. Qalli li jew nirriżenja jew ineħħini.  Ixxukkjat b’dan l-attaġjament, jiena tlabtu kopja tar-rapport u tal-ittra biex nara x’kien hemm għax kont naf li m’għimilt xejn ħażin.  Ma ried itini xejn għax qal kienu kunfidenzjali u allura ma tagħnix ċans niddefendi ruħi.  Tlabtu biex itini 24 siegħa ħalli nieħu parir legali għax jien m’inhix avukat.  Irrifjuta wkoll u qalli, b’vuċi skifuża, “Nagħtik nofs siegħa”.  Imbagħad għajjat ‘il-kap tal-uffiċju tiegħu u lid-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Legali tal-Kummissjoni u qalilhom li jien kont irriżenjajt.  Jien għidt quddiemhom li ridt ir-rapporti u ma ngħatawlix u li tlabt żmien biex nieħu parir legali u ma ngħatalix.  Għidtilhom li rriżenja tiegħi trid tkun bil-miktub.  Wara li ħriġt minn ħdejn Barroso, id-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Legali ġabli karta bir-riżenja, Jien ma ffirmajt xejn.”

    “Dawn it-tnejn, li wara sirt naf li kienu nvoluti fil-kumplott sħiħ mill-bidu nett, xehdu fil-qorti li jiena rriżenjajt minn jeddi. L-attakki komplew u żdiedu wara li, kontra dak li ħasbu, jien ma sparixxejtx imma bdejt niddefendi ruħi u r-reputazzjoni tiegħi. Ta’ min jgħid li fil-Qorti Barroso xehed li ma ħax id-deċiżjoni fuq ir-rapport tal-OLAF (kien jaf li dan kien falz) imma għax kont iltqajt ma rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk.  Kif ngħid iktar tard, din ukoll hija akkuża falza. Ma nistax nifhem kif fid-deċiżjoni tagħha il-qorti tat każ ta’ evidenza li ressqu l-avukati tal-kummisjoni li qalet li m’hix se tagħti każha u ma tatx każ tal-evidenza li ressqu l-avukati tiegħi u li l-qorti kienet qalet li hi relevanti.  Esperti li kellmuni jgħidu li ma jistgħux jifhmu x’ġara.   Per eżempju, il-Qorti qalet li biex tagħti każ tal-evidenza li ppreżentaw l-avukati tal-Kummissjoni, tkun trid tara kemm kienet damet it-telefonata bejn Barroso u Gonzi fis-16 ta’ Ottubru 2012 – id-data tal-laqgħa li kelli ma’ Barroso.  Fuq dan ma ssemma’ xejn fis-sentenza mill-Qorti.  Imma mix-xhieda tal-kummissjoni stess fil-qorti deher li din it-telefonata li fiha l-President tal-Kummissjoni tal-Ewropa nforma lill-Prim Ministru ta’ pajjiż membru li l-Kummissarju tiegħu ġie mneħħi, damet inqas minn minuta.”

    Inti kont ġejt akkuat b’allegazzjonijiet mill-OLAF li kellek laqgħat ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk biex tinbidel direttiva Ewropea.  Inti rribattejt dawn l-akkużi.  Tħoss li fuq dan il-każ il-verità ħarġet? Illum għadd ta’ snin wara x’kien l-effett ta’ dawk l-akkużi fuq ir-reputazzjoni tiegħek?

    “Kessler, bil-malizja tiegħu kien qal li kelli ħafna (several) laqgħat ma rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk.  Fil-fatt semma’ tnejn biss. L-ewwel wieħed kien mas-Sur Hammergram li kien Chairman tal-ESTOC u li sar fil-kafeterija fl-lukanda ġewwa Għawdex  fejn kont vaganza mal-familja.  Dan kien Awwissu 2010 meta kont għadni kemm sirt Kummissarju. Ma kontx naf dan min hu qabel ma ntroduċa ruħu. Fin-noti li kiteb Hammergram minn rajh jgħid: li jiena kont determinat li nagħmel direttiva iebsa kontra t-tabakk li żżom iż-żgħażagħ il-bogħod mill-vizzju u li ssaħħaħ is-sostenibilità tas-sistemi ta’ saħħa fil-pajjiżi varji. (Din hi l-pożizzjoni li żammejt sal-aħħar anke f’wiċċ ħafna politiċi li opponewni). Li jiena għidtlu li jekk irid jiddiskuti aktar għandu jkellem lil-SANCO – id-direttorat responsabbli.  Kien hemm xi ħaġa mhux etika f’dan? It-tieni laqgħa kienet ma’ Gayle Kimberly fis-6 ta’ Jannar 2012. Għalkemm Gayle Kimberly u Swedish Match għamlu ftehim ta’ konsulenza, qatt ma rreġistrawha bħala rapreżentant (lobbyist). Gayle Kimberly rrapurtat lil Swedish Match, minn jeddha, li hi ma ppreżentatx ruħha bħala rapreżentanta tagħhom.  Hi ukoll qalet li jiena kont determinat li nagħmel direttiva iebsa kontra t-tabakk.  Jien ma kelli ebda indikazjoni li din kienet rappreżentanta tal-industrija tat-tabakk.  Barra min hekk, l-OLAF ppruvaw jaħbu din id-dikjarazzjoni tagħha fir-rapport tagħhom.”

    “Irridu  ngħidu wkoll li l-Ombudsman Ewropew akkuża lil Barroso u lin-nies tiegħu b’għexieren ta’ laqgħat ma’ raapreżentanti tat-tabakk li ma kenux rappurtati.  Fuq kollox, Michel Petit, wieħed mill-lobbyist perċimess tat-tabakk u li kien il-persuna li xprunat l-attakk kontrija, kien jiġri fil-kurituri tal-kummissjoni spalla ma’ spalla ma’ Barroso. L-ipokresija tkompli tikber meta wieħed jara li tat-tabakk akkużawni b’dawn il-laqgħat meta kienu organizzawhom huma stess. L-effett ta’ dawn l-akkużi fuqi u fuq il-familja tiegħi kienu devastanti.  Difficli wieħed jifhem it-trawma hekk ma jkunx għadda minna.  Dawk li jivvintaw il-kalunji f’Malta dejjem għawwġu kollox biex jakkużawni b’korruzjoni.   Dawn ġew mgħawwġa u mdawwra f’kampanja intensiva ta’ ħdura u mibegħda.  Dawn farrkuli r-reputazjoni tiegħi u ppruvaw jeqirdu kull rispett li kelli minn kulħadd.”

    Il-manuvrar fil-konfront tiegħek beda fl-2004. Tul dik il-leġiżlatura inti kont meqjus bħala ‘outspoken’. Taħseb li dan ħoloqlok numru ta’ għedewwa fi ħdan l-istess partit?

    “F’dik il-leġiżlatura, u f’dawk ta’ qabel, ħadt deċiżjonijiet li ma’għoġbux lil kulħadd imma li kienu meħtieġa biex ninqatgħu mis-sistema ekonomika insulari u falluta li kellna.  Dan ħoloq għedewwa minn dawk li ma ħadux gost jaraw l-imperi tagħhom jitnawwra, u minn dawk il-politiċi, miż-żewġ naħat, li raw li jien kont qed nikber fil-popolarità.  Għalkemm kont ikkritikat kontinwament mill-oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, stajt inkompli bil-programm riformista tiegħi għax kelli l-appoġġ sħiħ ta’ Eddie Fenech Adami.  Anke dan ma kienx jagħti gost lil uħud fil-partit tiegħi stess li bdew jaraw fija periklu għall-ambizzjonijiet tagħhom.”

    Huwa minnu li Barroso u Kessler kellhom xi interessi personali fl-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħek?

    “Dan l-aħħar irċevejt emails li kienu jgħidu li Barroso kellu interess personali fil-frodi li saret kontrija u li kien hemm konfoffa fi Brussels, ma nies minn Malta, biex jeħilsu minni (“to take you out of the equation”).  Dawn l-emails irriduċew ruħhom f’talba għal flus.  Beda jiġi theddid ta’ kampanji minn Daphne Caruana Galizia u Simon Busuttil.  Beda jiġi theddid ta’ vjolenza (armageddon).  Fl-aħħar beda jintuża wkoll il-Malti f’dawn l-emails.  Jien għaddejt kollox lill-pulizija f’Malta li kellhom, fl-opinjoni tiegħi, indiżji biżżejjed biex jindividwaw minn kien qed jibgħat dawn l-emails.  Issa għaddew tminn xhur u għadni ma smajt xejn mill-pulizija.”

    F’kummenti ma’ dan il-ġurnal inti sostnejt li Kessler bagħbas l-evidenza. Xi provi għandek li huwa ghamel dan, u x’inhi r-raġuni wara din il-manuvra?

    “Hemm ħafna provi li Kessler bagħbas l-evidenza biex iġibha qrib il-likk għall-konklużjoni li kien miftiehem biha ma dawk li kkonfoffaw miegħu.  Per eżempju ma qalx il-verita meta qal li jien għidtlu li ma kontx iltqajt ma’ Silvio Zammit meta jien għidtlu li ma niftakarx u u ġimgħa wara li ċċekjajt id-diary,  ktibtlu li kont iltqajt miegħu fejn ġie jinfurmani li l-Parit kien aċċettah biex jikkontesta l-elezzjoni lokali.   Ma qalx il-verità meta qal li jien kont ilni nippjana xahar li niġi Malta biex niltaqa’ ma’ Gayle Kimberly meta kien jaf li jien ġejt Malta għax kont mistieden minn Gonzi għal ikla li ngħatat ad unur tal-Kardinal Prospero Grech (OLAF ippubblika fir-rapport tiegħu l-invit).  Kont ġejt ukoll fuq talba ta’ Gonzi li riedni ngħinu fil-problema li kellu ma’ Franco Debono li kien qed jhedded li jivvota favur mozzjoni ta’ sfiduċja li l-Oppożizzjoni kienet għamlet kontra Austin Gatt.  Kif wegħdt lil Gonzi jiena kellimt lil Franco Debono bit-telefon għalkemm ma kellix xi relazzjoni qawwija miegħu.  Fil-fatt Debono astjena f’dak il-vot u Austin Gatt salva bil-vot tal-ispeaker. Ma qalx il-verità meta insista li Silvio Zammit kellu xi relazzjoni qawwija miegħi u li kien imexxi l-kampanja elettorali tiegħi.  Silvio kien ħabib fil-Partit, bħal mijjiet oħrajn, li għinni fl-aħħar kampanja tiegħi fuq tas-Sliema wara li ma kienx ikkontesta il-mibki Michael Refalo. Ma qalx il-verità meta qal li Silvio Zammit semma’ ismi meta tkellem ma’ Inge Delfosse fuq it-telefon fid-29 ta’ Marzu 2012 meta kienet Inge Delfosse li semmiet ismi darbtejn f’attentat biex timplikani f’dak li qed jiġri. Iffalsifika t-traskrizzjoni ta’ l-istess telefonata meta f’ħin minnhom Silvio Zammit u Inge Delfosse kienu qed jiddiskutu l-flus u wara li Inge Delfosse qaltlu li trid tinforma lil ta’ fuqha, Silvio Zammit  qalilha “Tell them this is what he is asking” (“għidilhom li dan hu li qed jitlob), li tfisser li hi kellha tgħid lil ta’ fuqha x’kien qed jitlob Silvio Zammit.  Kessler ħalla barra l-kliem “Tell them” u s-sentenza ġiet taqra “This is what he is asking” (dan hu li qed jitlob), li tfisser li ħaddieħor kien qed jitlob din is-somma.  Kellu bżonn din il-gidba biex jużha bħala evidenza meta ma kellu xejn.”

    • “Saħansitra, Kessler u John Rizzo taw parir lil Johan Gabrielsson, li kien impjegat minn Swedish Match biex jorganizza l-attakk fuqi, biex ikompli jirrepeti storja li kollha kienu jafu kienet falza.  Ma qalx il-verità meta ġie Malta u xehed falz fil-qorti fil-każ kontra Silvio Zammit.  Jiena għamilt kwerela kontrieh mal-pulizija biex iressquh fuq ġurament falz u sal-lum ukoll għadu ma sar xejn. 
    • Fis-7 ta’ Ottubru 2014 , France 2 li huma stazzjon tat-televiżjoni Franċiż  għamel programm ta’ sagħtejn intitolat “L-industrija tat-Tabakk  - l-akbar manipulazzjoni’. F’dan ixxandru dokumenti li huma ġabu mingħand Philip Morris, li fih urew li l-industrija tat-tabakk kienet ippjanat strateġija  immirata lejn John Dalli, minħabba li kien se jagħmel direttiva aktar ħarxa fuq it-tabakk. X’tikkummenta dwar dan?

     

    “Hekk hu.  Fil-preżentazjoni li għamlu lil dawk li kienu qed jaħdmu biex ibiddlu d-deċiżjonijiet fi Brussels kien hemm tabella li turi “Target the EU Commissioner” u oħra li kienet tgħid “Achieve extreme measure by stealth” (“Iksbu l-miżuri estremi bil-moħbi”). Dan jipprova li meta jien ma ċedejtx għall-pressjoni li għamlu tat-tabakk fuqi kemm minn Barroso, kemm minn Caatherine Day (Il-Kap tac-Ċivil fil-Kummissjoni) u kemm minn Swedish Match, għaddew biex għamlu setup kontrija.Sar dan il-frodi kontrija għax kont sod.  Kieku ċedejt l-istorja kienet tkun  mod ieħor. 

     John Dalli hu l-ħaruf tas-sagrifiċċju. Taqbel ma’ din id-dikjarazzjoni u għalfejn? 

    “Jien kont lejali lejn iċ-ċittadini Ewropej u pprovajt nipproteġi saħħithom kif kont ħlift li nagħmel.  Jien qdejt dmiri fedelment lejn il-poplu Malti u ħloqt sistema ekonomika li tipproduċi l-ġid li jitqassam b’mod ġust bejn kulħadd.   B’hekk spiċċajt periklu għal minn fi Brussels kellu interess jaqdi lill-kumpaniji kbar għad-detriment taċ-ċittadin u għal min f’Malta rani bħala theddida għall-ambizzjonijiet tagħhom.  Dawn il-forzi ngħaqdu biex jeqirduni. Allavolja  ċittadin waħdi  kontra dawn il-monstri b’riżorsi bla limiti u b’kuntatti kullimkien, bqajt niġġieled kontra din il-kriminalità u abbuż ta’ poter.”

    Fil-passat kien hemm min jgħid li kont shareholder ma’ ġurnal lokali. Illum il-ġurnata dan l-istess gurnal qed jattakkak anki fuq il-paġna ta’ quddiem. X’qed iwassal għal dan, speċjalment meta l-ġurnalist li qed jikteb dawn l-artiklu qatta’ xi żmien fi Brussell? 

    “Jekk qed tirreferi għal Malta Today jien qatt ma’ kont shareholder ta ‘ dan il-ġurnal.  Din kienet ħlieqa li vvinta Joe Saliba fil-kampanja maħmuġa li kienu bdew snin ilu.  Jiena qatt ma ndħalt lil ebda ġurnal jew ġurnalista x’jippublika, qatt ma mponejn u qatt ma heddidt.” 

    X’similarità hemm bejn il-każ li kont involut inti fih u dak dwar Egrant?

    “L-istess id moħbiija li ħolqot il-każ ta’ Joe Zahra, tas-Snus u tal-Bahamas, hija l-istess id li ħolqot il-każ tal-Egrant. Dawn huma nies li għalkemm iridu jiġu l-ewwel f’kull tellieqa mhux kapaċi jiġru.  Minflok jagħtu l-gambetti u jqabbdu l-isnipers jisparaw fuq dawk li jkunu fit-tellieqa. L-iscript hu l-istess. Joħolqu storja. Ikomplu jdawwruha mingħajr ma jġibu prova waħda. Jixtru xhieda falza. Joskuraw lil avversarju tagħhom u jnisslu dubbji u paranoia f’moħħ in-nies. Jagħmlu minn kollox biex joskuraw lill min qed jattakkaw bil-ħsieb li jeqirduh qabel ma jkollhom għalfejn jippruvaw l-allegazjonijiet tagħhom.”

    “Fil-każ ta’ Joe Zahra inzerta li mara li qaltlu li kienet il-Greċja tirranġa t-trasferiment tal-flus, kienet fl-istess ħin f’Karen Grech  twelled tarbija.  Hekk sfaxxa l-pjan kollu ta kontrija.  Pero il-Pulizija ma tħallietx tkompli l-investigazjoni biex isir magħruf minn kien wara din il-frodi u weħel b’kollox Joe Zahra li spiċċa l-ħabs.  Dan hu indħil politiku. Fil-każ tas-Snus kollox kien mibni fuq il-gidba ta’ Gayle Kimberly u l-falsifikazjoni tal-evidenza, u wkoll spiċċat li Kessler (bħal Joe Zahra) issa qiegħed għaddej proċess ġudizjarju.  Barra hekk, illum nafu li Kessler se jispiċċa mill-Kummissjoni Ewropeja u hekk almenu ma jistax jgħaddi lil ħaddieħor mill-istess martirju. Fil-każ tal-Bahamas inqdew b’nies li għaddew minn ‘harassment’ enormi u indottrinazzjoni ta’ gideb.  Imbagħad sabu bniedem li jgħid li bagħat statement lill-OLAF ifaħħarni mal-għola sema u mbagħad fil-ġurnali Maltin jagħmel dikjarazzjonijiet opposti għal din id-dikjarazzjoni. Fil-każ tal-Egrant infakkar li sena qabel ma ġiet imsemmija l-mara tal-Prim Ministru, l-istess terrorista kienet kitbet li anke jekk ismi ma jidher imkien fil-Panama Papers (min jaf kemm peċpċet għajnejha biex tipprova ssib ismi), tħoss li din il-kumpanija hija tiegħi.  Hekk tivvomta l-ħdura kontra tiegħi. Sena wara, donnha nsiet x’ivvintat qabel, u dawwret l-istorja fuq il-mara tal-Prim Ministru. L-elezzjoni kienet riesqa u nista’ naħseb li l-pjan kien li  tingħata gambetta lill-Prim Ministru biex forsi jitneħħa minn nofs, titfarrak l-ekonomija Maltija u jisparixxi is-sens ta’ benessere fil-pajjiż.  Il-Prim Ministru faqqa’ elezzjoni u sfaxxa l-pjan kollu. Irrid ngħid li tmien xhur ilu l-avukat tiegħi ghamel rapport lill-Pulizija kontra din it-terrorista għal ‘harassment’ fuq il-ħafna kalunji li ppublikat kontrija inkluża din ta’ l-Egrant.  Il-Pulizija għadha ma ħadet ebda passi għax għadhom qed jistennew risposta mill-Ufficċju tal-Avukat Ġenerali.”

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0