Il-Menqa… proposti biex tiġi riġenerata u tispiċċa t-telqa li hemm illum

  • Aww 13, 2017 19:57
  • Miktub minn iNews

    Wieħed mis-siti li hu mitluq għall-aħħar hu dak magħruf bħala ‘Il-Menqa’ fil-Marsa.  L-attività ekonomika qawwija f’din iż-żona waslet biex iż-żona ssir waħda industrijali fejn tispikka t-telqa’ b’mod partikolari aktar ma wieħed jersaq lejn is-sit ta’ fejn kien hemm l-impjant tal-enerġija. Imma issa Projects Malta qed tniedi sejħa għall-proposti biex tkun ġenerata attività ekonomika ġdida. Immedjatament wara fil-Marsa, saret sejħa mill-Viċi Sindku, Josef Azzopardi lir-residenti tal-Marsa u persuni oħra dwar proposti biex iż-żona tkun riġenerata mill-ġdid.  Jisħaq fuq il-bżonn kif post bħal Misfud Verandahs li jinsab fejn kien hemm il-bini tal-impjant tal-enerġija għandu jinbiel f’dar għall-anzjani għall-Marsin.

    Josef Azzopardi meta kuntattjat minn inewsmalta qalilna li “dan l-aħħar snin rajna lokalitajiet li bdew jieħdu r-ruħ, wara ħafna snin abbandunati. Dawn il-lokalitajiet jinsabu fin-naħa t’isfel ta’ Malta u madwar il-portijiet. Fejn kont toħlom li Bormla se ssir sabiħa kif inhi llum? Fejn kont tobsor li Paola se jkollha pjazza pedonali li tgħaqqad mal-ġonna? U l-istess b’mod ottimist qed nara l-bżonn li l-Menqa tal-Marsa tieħu r-ruħ u issir il-pompa tal-qalb ta’ riġenerazzjoni fil-Marsa. L-għeluq tal-impjant tal-enerġija hu nifs ġdid fil-Marsa, u l-proċess taż-żarmar qed jimla’ lilna li nħobbu l-Marsa b’tama li ‘Iva, għad hemm tama għall-Marsa tagħna’. Qed insemmi dawn l-ideat bħala ideat tiegħi personali li bnejthom anki meta tkellimt man-nies u mhux nitkellem f’isem il-kunsill.”

    Tenna li “nitkellem man-nies u jinħass l-għatx u l-ġustizzja li trid issir man-nies tal-lokal. Tajna ħafna lill-Malta, issa jeħtieġ li nieħdu xi ħaġa lura. In-nies tal-Marsa qatt ma ħadu xejn ta’ dak li offrew lil Malta, qatt ma kienu ikkumpensati, u allura proġett fil-Menqa huwa dmir tal-Gvern lejn in-nies tal-Marsa. Niftakar dak li semmew ‘Valletta Waterfront’ li fil-fatt m’huwa Valletta xejn. Valletta hija belt imdawra bis-swar u barra l-Belt mhux Valletta. Għalina hemm hekk huwa Pinto Wharf, Marsa u hemm hekk meta kien mitluq, ħadd ma kien isejjaħlu Valletta imma dejjem kien Marsa. Għala qed insemmi l-waterfront? Għax din iż-żona kienet abbandunata u llum ħadet il-ħajja u ż-żona timtela’ bin-nies kuljum. Il-Menqa għandha tkun estensjoni tal-ħajja li hemm f’Pinto Wharf.”

    Enfasizza li ‘jekk flok it-tugboats issir yacht marina, u l-imħażen jiġu ir-restawrati u mibdula fi stabbilimenti, allura tibda tinbidel il-Marsa. Immaġina quddiem l-imħażen li jinbidlu fi stabbilimenti, t-triq issir pedonali sa max-xatt il-baħar. Allura il-‘Moll tal-Ħattab’ li illum hija triq tkun żona miftuħa fejn in-nies jippassiġaw u fejn il-ħwienet joħorġu l-imwejjed. Iż-żona pedonali għandha tibqa’ sejra ‘l ġewwa lejn  il-klabb tar-regatta fejn hemm hekk il-Gvern għandu jgħin bil-kbir lil dan il-klabb, u miegħu jiżdied museum tal-istorja tal-baħar li tinkludi tar-regatta kif issib f’kull belt marittima.”

    Sostna ukoll li “t-tined tal-patata li illum jinsabu fi stat ħażin wkoll irridu jkunu inklużi f’dan il-proġett.  Fil-Marsa fadal diversi dilettanti tad-dgħajjes u tajjeb li wieħed ma jinsiehomx. Kemm-il darba issir il-yacht marina dawn il-Marsin li għandhom dgħajjes jingħataw prominenza. Issiru slipways ukoll biex ikun faċli li wieħed iniżżel dgħajsa. L-isqaqin bil-karattersitika tagħhom żgur li joħolqu atmosfera sabiħa u attrazzjoni għal kull min iżur dawn l-inħawi. Iż-żona pedonali tibqa’ dieħla lejn il-Moll tal-Pont, u ddur lejn il-Moll tal-Knisja. Hemmhekk issib ukoll Mifsud Verandas li  l-għamla u l-arkittetura tagħhom jagħmluhom potenzjal kbir ta’ investiment. Dawn imissu mal-baħar u l-veduta minnhom hija eċċezzjonali ġaladarba jkun sar investiment fil-yacht marina. Minn Mifsud Verandas tkun tista’ tħares lejn is-swar ta’ Sant’ Anġlu u fuq in-naħa l-oħra tal-Belt Valletta.”

    Itenni li “tbqa’ dieħel ‘il ġewwa fil-Moll tal-Knisja, fejn hawnhekk issib knisja żgħira u ħelwa li tmur lura għas-seklu dsatax, li hija iddedikata lil Madonna tal-Grazzja, magħrufa bħala l-knisja ta’ Ċejlu. L-istess hawnhekk ix-xatt huwa mimli bi mħażen li faċilment jinbidlu b’mod kummerċjali filwaqt li jżommu l-arkittetura tagħhom. Pero’ biex dal-proġett ikun suċċess wieħed irrid jnaddaf il-ħmieġ ta’ baħar mimli inġenji msadda u mitluqa li huma tal-privat. U jintemm darba għal dejjem l-Open centre tal-Marsa li huma ġerħa kbira għall-Marsa u li sakemm ma jkunx hemm pjan sura ta’ x’se jsir mill-immigranti, m’hemmx ċans li l-Marsa tieħu r-ruħ. Qed ngħid dan b’responsabbiltà u nistieden lil min ma jaqbilx jinżel fl-inħawi u jdur bil-mixi din iż-żona.”

    Kompla jgħid li “s’issa semmejt biss ix-xatt bejn il-Valletta waterfront sa ħdejn il-Knisja ta’ Ċejlu. Inkompli billi nitfa’ ħarsti lejn l-Għolja tal-Ġiżwiti, jiġifieri l-art fejn illum tinsab il-Powerstation. Il-potenzjal hawnhekk huwa kbir ħafna. Ma nara xejn ħażin li din iż-żona tinbidel b’mod turistiku sakemm il-ponta tagħha li allura jġib il-veduta tal-portijiet jingħata lill-pubbliku b’forma ta’ ġnien jew park nazzjonali imdawwar b’bini ta’ ċertu lussu, lukandi jew ċentri ta’ kummerċ.  Ġnien ieħor li għandu jkun parti mill-proġett huwa l-Ġnien Spencer. Fi żmien l-imgħoddi dan kien ikun iffrekwentat minn ħafna Marsin imma bit-traffiku fit-Triq Diċembru Tlettax allura kellu bħal mewta naturali. Hemm hekk għandu jibqa’ ġnien, masġar jew żona ta’ rikreazzjoni mingħajr ma’ jinbidel f’xi bini ieħor.  B’dan il-kummerċ u l-attrazzjonijiet li semejt l-awtoritajiet iridu wkoll jaħsbu struttura ta’ parking biex il-proġett ma jsarrafx fi inkonvenjenza għall-istess residenti.”

    Josef Azzopardi qal ukoll li “ipprovajt ngħaqqad ħafna ideat li tawni nies li jħobbu l-Marsa u li jgħixu l-Marsa, u fl-istess ħin provajt li nżomm bilanċ bejn in-natura, l-ispazji miftuħa u l-ekonomija. Għalhekk filwaqt li hemm bżonn li ż-żona tieħu l-ħajja billi jsiru stabbilimenti fl-istess ħin, il-baħar u l-ġonna ma jonqsux minn dawn l-ideat. L-opinjoni tagħna n-nies li għandna għall-qalbna l-Marsa għandha tittieħed bis-serjetà, u se nkunu qed nosservaw u nissorveljaw l-iżviluppi li jkunu qed jsiru biex nissalvagwardjaw l-ewwel u qabel kollox l-interess tal-Marsin.”

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook