Nuqqas ta’ għalliema tal-Ingliż fl-iskejjel

  • Set 11, 2017 17:12
  • Miktub minn iNews

    Ninsabu fuq l-għatba ta’ sena skolastika ġdida. Sena ta’ ħidma mhux biss għall-istudenti, li jkunu għadhom kif irritornaw lura fuq il-bankijiet tal-iskola wara l-waqfa għall-vaganzi tas-sajf, iżda wkoll għall-għalliema.

    F’dan ir-rigward, tkellimna mal-President il-ġdid tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) Marco Bonnici, fejn fost l-oħrajn saħaq li hawn nuqqas ta’ għalliema tal-Ingliż fl-iskejjel.

    Ftit tal-ġimgħat ilu ġej elett bħala President ġdid tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT). X’inhuma l-prijoritajiet ewlenin tiegħek?

    F’dawn l-aħħar tliet xhur diġà bdejna naħdmu fuq il-prijoritajiet. Hemm il-ftehim settorali mal-Gvern, li jikkonċerna l-edukaturi kollha li jaħdmu fis-settur tagħna mal-Gvern, fejn bdejna u komplejna bin-negozjati fuq dan il-ftehim. Fil-fatt ilna għaddejjin mill-bidu ta’ Lulju bin-negozjati. 

    Kellna laqgħat konsistenti mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u qegħdin f’punt tajjeb li issa bdejna naraw stampa ċara dwar it-talbiet tal-unjin kif ukoll dawk tal-Ministeru. Fl-istess ħin se nkomplu għaddejjin bix-xogħlijiet tagħna, bil-mira tkun li nagħlqu l-imsemmi ftehim sal-aħħar ta’ Diċembru.

    Fil-bidu tas-sena skolastika se nkunu qed nagħmlu konsultazzjoni mal-membri, b’tali mod li l-pakkett li se jkun qed jiġi nnegozjat, ikun hemm feedback dirett mingħandhom kemm permezz tas-sistemi onlajn, li llum tużahom faċilment, u anke billi jsiru laqgħat fl-iskejjel fost l-oħrajn.

    Dan il-ftehim partikolari huwa l-ftehim li jikkonċerna mill-kindargerden sal-Form 5 u xi ftit ukoll il-Higher Secondary u s-Sixth Form ta’ Għawdex. Kien ftehim li ilu ħafna għaddej u issa wasal iż-żmien li ngħalquh.

    Żewġ Ftehim Kollettiv li bdejna naħdmu mal-ewwel fuqhom huma l-ftehim tal-ITS u tal-MCAST. Għalina dawn, flimkien mal-ftehim settorali u l-ftehim mal-iskejjel tal-Knisja huma l-qofol tal-ħidma tagħna.

    Meta nħtart kien hawn xniegħa li se jkun hawn qasma fost l-għalliema. Kien hemm edukaturi li ħassewhom li l-MUT mhux qed taqbeż għalihom. Xi twieġeb għal din l-akkuża? 

    Ir-risposta li nistgħu nagħtu għal min ħareġ b’din l-akkuża huwa bix-xogħol li qed nagħmlu u li se nkomplu nagħmlu.  Jien ma rreaġixxejtx għall-ebda rapport li kien hemm fuq il-possibilità ta’ unjin jew fuq xi kritika li saret fil-konfront tal-MUT għax nemmen li bil-paroli tista’ tgħid ħafna affarijiet iżda nwieġbu bil-ħidma tagħna. Minn meta sirt President ġdid tal-MUT sa issa diġà qbiżna s-600 każ individwali. 

    Fiex kienu jikkonsistu dawn il-każijiet?

    Fil-perjodu tas-Sajf tiltaqa’ ma’ diversi ċirkostanzi. Kellna każijiet ta’ transfers u/jew ta’ redeployment, li l-maġġoranza assoluta tal-każijiet huma solvuti. Imbagħad ikun hemm istanzi oħrajn, li huma rikorrenti, pereżempju kwistjonijiet ta’ salarji.

    Fis-Sajf inħabbtu wiċċna wkoll ma’ każijiet fejn persuni jkunu jixtiequ jbiddlu l-impjieg attwali tagħhom jew inkella jkunu jridu jiċċaqilqu minn skola tal-Knisja għal skola tal-Gvern jew viċi versa. Hemmhekk trid tidħol f’kull każ b’mod individwali minħabba l-kuntratti. Fil-frattemp dħalna wkoll f’kwistjonijiet li jirrigwardjaw l-iskejjel indipendenti.

    X’tikkummenta dwar il-proġett tat-tablets fl-iskejjel? Taħseb li din għandha tiġi estiża għal klassijiet oħra?

    L-ewwel nett irridu naraw kif beda dan il-proġett. Beda b’wegħda elettorali fejn il-unjin daħlet fiha b’mod immedjat u eventwalment saru sensiela ta’ laqgħat mal-Ministeru. 

    Il-proġett tat-tablets ra l-bidu tiegħu permezz ta’ proġett pilota f’numru ta’ skejjel fejn kellna esperjenza pożittiva ħafna dwaru. Dak li għamilna fil-proġett pilota mbagħad ġie implimentat fuq skala nazzjonali meta t-tfal kollha tar-raba’ sena tal-Primarja kellhom tablet. 

    Jiena kont involut b’mod dirett f’dan kollu, u naħseb li ċertu kwistjonijiet li seta’ kien hemm fil-bidu, kienu iktar loġistiċi u relatati mal-infrastruttura, fejn għalkemm tippjana kemm tippjana qatt ma jkun biżżejjed.

    Naħseb li r-rispons li kellna mill-ewwel sena tat-tablets għandna nużawh ukoll għat-tieni sena. Din is-sena t-tablets se jkunu qed jingħataw ukoll lill-istudenti tal-ħames sena tal-Primarja. 

    Li nixtieq nara f’dan il-proġett hija struttura ta’ appoġġ fejn f’każ li l-operatur li qed jipprovdi t-tablets iċempel l-iskola dwar xi żviluppi li jridu jsiru fuqhom, ikun hemm persuna fl-iskola li jkollha rwol fuq dan is-settur. Dan is-servizz pero’ huwa nieqes fl-iskejjel.

    L-MUT kienet ipproponiet li jkun hemm persuna speċifika, li tkun imħarrġa mill-operatur stess f’dan ir-rigward, u fl-istess ħin ikun hemm pakkett ta’ rimunerazzjoni proprju għal dak l-iskop. 

    X’inhuma l-kummenti tiegħek dwar il-bullying fuq l-istudenti u fuq l-għalliema? Taħseb li żdiedet l-indixxiplina fost it-tfal?

    Is-sitwazzjoni li qed ngħixu fl-iskejjel hija riflessjoni tas-soċjetà u ta’ dak li hemm fid-djar. Sfortunatament l-iskola qed tassorbi n-nuqqasijiet li jeżistu f’ċertu familji. 

    Għandna realtajiet li minħabba l-impenji ta’ xogħol li għandhom il-ġenituri, dan wassal għal impatt kbir ta’ ċirkostanzi li t-tfal qed jgħixu realtà li aħna ma għexniex. Uħud mit-tfal saħansitra qed jispiċċaw waħedhom jew man-nanniet meta jmorru lura d-dar.

    L-iskola qed tagħmel tajjeb għal dawn in-nuqqasijiet u parti mir-rwol qed isir mill-Klabb 3-16, li huwa programm offrut wara l-ħin tal-iskola u li joffri servizz ta’ ħarsien għal tfal ta’ bejn it-3 snin u s-16-il sena.

    Id-dixxiplina u l-bullying huma xi ħaġa rikorrenti. Ma naħsibx li nistgħu ngħidu li dawn żdiedu jew naqsu mingħajr ma jsir studju u naraw fejn qed isir u għalfejn. Li hu żgur hu li n-nuqqas ta’ preżenza tal-ġenituri jew inkella n-nuqqasijiet fis-soċjetà qed jimmanifestaw ruħhom fl-iskola.

    Qed ikollna però konċentrazzjonijiet u dik li qed tinkwetana. Is-sena li għaddiet kellna sitwazzjoni fl-iskola sekondarja tal-Ħamrun u l-attenzjoni kienet kollha hemmhekk. Min-naħa l-oħra għandna skejjel oħrajn, li għalkemm ma nisimgħux dwarhom, għandhom diffikultajiet kbar ta’ dixxiplina. 

    Għall-bullying fl-iskejjel hemm diversi servizzi. Il-kuxjenza dwar il-bullying żdiedet ħafna f’dawn l-aħħar snin u llum il-ġurnata kważi kważi mhux aċċettabbli li l-istudent jiċċajta fuq ħaddieħor għax faċilment jista’ jiġi interpretat bħala bullying u jitwaqqaf.

    Nemmen li dawn is-servizzi għandhom jinfetħu iżjed għal skejjel oħrajn. Ikollok ċirkostanzi fejn skejjel indipendenti jew skejjel tal-Knisja ma jgawdux mill-istess servizzi li jkollu l-Gvern, jew inkella l-aċċess għalihom tkun limitata ħafna. 

    Min-naħa l-oħra, id-dixxiplina hija xi ħaġa ta’ kulħadd u ma nistgħux nitfgħu l-piż fuq individwu wieħed biss. Ma nistgħux ngħidu li d-dixxiplina hija responsabbilità biss tal-għalliem. 

    Barra minn hekk, jiena bqajt impressjonat, f’sens tajjeb, kif waqt żjajjar li għamilt fi skejjel tal-Knisja, dawn iwaqqfuk fir-reception, jiħdulek id-dettalji, imbagħad idaħħluk. Din hija xi ħaġa li rridu narawha kullimkien. 

    Ma rridux li jkollna ċirkostanzi fejn jaqbad u jitħol fl-iskola bħal donnu hemmhekk tiegħu. Ta’ min jinnota li fl-iskola sekondarja tal-Ħamrun ġiet impjegata persuna responsabbli mis-sigurtà u b’miżuri bħal dawn tkun qed tinħoloq iżjed sigurtà. 

    Semmejt l-iskola sekondarja tal-Ħamrun. X’inhi s-sitwazzjoni f’din l-iskola fil-preżent?

    Dwar dak li ġie rappurtat fil-midja u anke fir-rigward ta’ diffikultajiet ta’ dixxiplina fl-imsemmija skola, nemmen li kien hemm input qawwi tas-servizzi. Kien hemm ċertu titjib f’din l-iskola anke fl-istruttura ta’ kif topera. 

    Wasalna hawn għax dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm ċertu prattiċi li baqgħu għaddejjin u ħadd ma ta kashom. Pero’ naħseb li sar ħafna xogħol f’din l-iskola.

    Taħseb li l-pagi tal-għalliema għadhom baxxi bil-konsegwenza li dan qed iwassal biex inqas żgħażagħ jaqbdu dik il-karriera b’mod partikolari fost l-irġiel?

    Il-pagi qatt ma telgħu biex jirriflettu n-natura tax-xogħol u l-professjonalità tax-xogħol tal-edukaturi. Lanqas meta kien hemm l-aħħar ftehim. 

    Dejjem bqajna lura meta kkomparati ma’ professjonijiet oħra. Dan wassal għal diversi fatturi fosthom l-istima fil-professjoni. Kont fi skola post-sekondarja u l-lekċerers bdew jgħiduli li l-istudenti li joħorġu minn hemm jaqilgħu paga aħjar minn tagħhom.

    Tassew li l-Istitut qed iwassal l-istudenti għal dawk is-salarji imma mbagħad l-għalliema qed jiġu ridikolazzati mill-istudenti tagħhom li qed jgħidulhom, “kif se noħroġ minn hawn se naqla’ iżjed minnek li ilek xi 20 sena hawn”.

    Huwa għalhekk li qed ikollna daqstant edukaturi jitilqu jew ma jagħżlux din il-professjoni. Din is-sena kellna fenomenu ġdid. Minħabba li issa kull għalliem jew edukatur fiċ-ċivil jista’ japplika sa ħames snin biex isib xogħol alternattiv u jinżammlu postu, kellna numru ta’ edukaturi mhux ħażin li sabu opportunitajiet x’imkien ieħor, ħafna minnhom fil-privat.

    Minn Settembru se jkollna numru minnhom li diġa’ telqu għax ħadu din l-opportunità u wara ħames snin jistgħu jerġgħu jiġu lura fil-professjoni. Iżda kemm minnhom se jiġu lura? Dawn jiġu lura jekk nagħmlu kundizzjonijiet li jistgħu jattirawhom. Il-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol u l-pagi huma fattur ewlieni.

    Il-parti l-kbira tagħhom isostnu li x-xogħol tant żdidilhom fl-aħħar snin li qed jispiċċaw jaħdmu anke wara l-ħin tax-xogħol. Meta nitkellem ma’ dawk li jew se jitilqu mill-professjoni, jew jagħżlu li ma jidħlux f’din il-professjoni, ir-raġuni tkun li m’hemm xejn x’jattirak għaliha.

    Dwar in-numru ta’ żgħażagħ li qegħdin fil-professjoni, hemmhekk jinkwetana żviluppi li kien hemm fl-aħħar snin. Konna kritiċi għall-mod kif iddaħħal il-Masters in Teaching and Learning (MTL). Naqblu li l-professjoni tingħata l-Masters imma nemmnu li t-timing kien żbaljat. 

    Pereżempju l-B.Ed kien qed jonqos mill-intake u bl-MTL, ħa daqqa ‘l isfel. Aħna xtaqna li dak ikun allinjat ma’ ftehim pero’ dan ma ġarax u fil-fatt daħal qabel. 

    Kellna ċirkostanzi fejn l-affarijiet kienu baqgħu staġnati mentri min-naħa l-oħra l-entry level tal-professjoni għola f’daqqa mingħajr ma jkun hemm il-kumpens adegwat. 

    Għandna suġġetti li m’aħniex qed insibu biżżejjed għalliema għalihom. Ninsabu f’sitwazzjoni fejn għandna nuqqas ta’ għalliema tal-Ingliż. Li qed jiġri li minħabba li l-work-load huwa qawwi qed ikun mitlub ħafna minnhom b’tali mod li mbagħad ifittxu alternattivi u numru ta’ għalliema tal-Ingliż telqu mill-professjoni minħabba f’hekk.

    Numru ta’ xhur ilu kellna taħditiet biex naraw nistgħux nattiraw lil dawk li jgħallmu l-Ingliż lill-istudenti barranin lejn din il-professjoni. Dan għall-fatt li nafu li hemm ħafna minnhom li huma kkwalifikati f’dan is-suġġett. Pero’ meta mbagħad raw is-salarji, ħasbuha darba darbtejn jekk jersqux lejn l-iskejjel. 

    Settur ieħor li kiber ħafna f’pajjiżna huwa l-gaming. Dan qed iwassal biex ma nsibux għalliema tat-teknoloġika tal-informatika.

    Hawn ħafna qed iħossu li s-sillabu huwa vast wisq u qed iġib stress fuq l-għalliema u l-istudenti. Taqbel?

    Iva naqbel. Kien hemm tibdil żgħir fis-sillabu iżda l-kontenut għadu vast ħafna. Għad hemm materjal li jien inħoss li mhux relevanti għall-age group u f’ċertu materjal għad hemm l-enfasi li trid titgħallem bl-amment. 

    Hawn min jargumenta li l-għalliema għandhom perjodu twil ta’ vaganzi fis-Sajf. X’tikkummenta?

    Ma naqbilx. Naraha fil-kuntest tax-xogħol li jrid isir. Dejjem insostni li għalliem jekk irid jieħu vaganza fix-Xitwa m’għandu l-ebda ċans li jeħodha u s-Sajf ikun l-unika perjodu għalih li jista’ jagħmel dan.

    Ix-xogħol li l-għalliema u oħrajn matul ix-xhur tas-Sajf huwa enormi u ma jiqafx. Jekk xi ħadd jaħseb li se tmur fl-aħħar ta’ Settembru u tiffaċċja klassijiet ġodda mingħajr ma tkun preparat, ikun qed jiżbalja.  

    Il-problema tad-droga u x-xorb dieħla sewwa. Tiltaqgħu ma’ każijiet simili fl-iskejjel?

    Ikun hemm każijiet. Naħseb li t-tim ta’ professjonisti psikosoċjali qed jaħdmu ħafna f’dan ir-rigward. Sfortuntament ikun hemm f’ċirkostanzi li ma jkunux jafu bihom fl-iskejjel.

    Fejn ikun hemm anke suspett, kull darba li skejjel irrappurtaw dwarhom, dejjem kien hemm tim ta’ professjonisti li ħadem ħafna biex jindirizza dawn is-sitwazzjonijiet. 

    Għad mhemmx struttura. Għandek żgħażagħ li qed jabbużaw mis-sustanzi u xorta qegħdin fl-iskejjel u l-biża’ tagħna u tal-professjonisti huwa dejjem x’influwenza jista’ jkollhom fuq il-kumplament ta’ sħabhom minħabba li dawn finalment baqgħu fl-istess struttura. 

    Nemmen li għad mhemmx struttura, fl-iskejjel u barra mill-iskejjel, li taħseb għal dawn iż-żgħażagħ. 

    Fl-aħħar nett x’inhi l-viżjoni tal-MUT għas-snin li ġejjin?

    Viżjoni li nilqgħu għall-kriżi li għandna quddiemna fejn għandna nuqqas ta’ għalliema f’kull settur u li se tkompli tikber. Jekk mhux se nindirizzawha bħala pajjiż, se nkunu fallejna bil-kbir.

    Il-mira tagħna huwa li flimkien mal-Ministeru noħolqu ċirkostanzi li nixtiequ b’tali mod li ndawwru t-trend biex l-għalliema jibqgħu f’din il-professjoni u nsibu l-formola adattata biex iż-żgħażagħ jerġgħu jkunu attirati għal din il-karriera.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    Schembri
    Set 11, 2017

    Jaf is-Sur Bonnici li hafna skejjel tal-gvern u tal-Knisja qed idahhlu lill-ghalliema ghal-laqghat waqt il-vaganzi? Jaf kemm hawn caqlieq ta' ghalliema u LSAs? Qatt ma smajna xejn fuq dawn l-issues. Union tal-isem!

    Irrispondi
  •  

Facebook