FILMAT: “Ħlas indaqs lill-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol hija prijorità għall-GWU” - Kevin Camilleri

  • Set 12, 2017 07:30
  • Miktub minn iNews

     

    “L-aktar proposti mportanti għall-General Workers Union (GWU) huma l-introduzzjoni tal-leave u l-proposta ta’ ħlas ugwali għall-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol anke jekk huma tal-kuntrattur u jkunu qed jagħtu xi servizz lill-kumpanija anke fil-privat.” 

    Hekk saħaq id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri f’kumment lil Inewsmalta wara l-laqgħa bejn l-imsieħba soċjali li jiffurmaw il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) lbieraħ li ppreżentaw mal-130 proposta tal-Baġit lill-Ministru tal-Finanzi. 

    Dan wara li fil-laqgħa li kellhom l-istess MCESD x-xahar li għadda, kien ingħata ċans ta’ xahar biex jitressqu s-suġġerimenti f’dan il-Kunsill mill-għaqdiet rappreżentati għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern fil-Baġit 2018.

    Is-Sur Camilleri sostna li xogħol l-union u l-MCESD huwa li jkun hemm pjan ta’ viżjoni mhux biss tal-preżent, iżda kif se jkun pajjiżna minn hawn u 15-il sena oħra. Qal li l-laqgħa tal-bieraħ kienet posittiva għall-aħħar fejn l-imsieħba kollha qablu li hemm ħtieġa ta’ pjan ħolistiku mhux biss fl-infrastruttura, imma li jitwessgħa biex jiġi stabbilit fejn jinsab pajjiżna. 

    Camilleri tenna li proposta oħra mportanti għall-GWU hija li l-ħaddiema jitħallsu tal-Ħdud bl-istess mod li jitħallas kull settur ieħor, jiġifieri ħlas doppju. Is-Sur Camilleri qal ukoll li qed jistennew titjib ukoll fil-pensjonijiet u tas-servizzi soċjali biex jitjieb il-livell tal-għixin tal-Maltin u Għawdxin kollha. 

    Ikkonkluda billi semma wkoll li bħala GWU hija proattiva anke fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ transgender, integrazzjoni u jaħseb li l-pakkett propost li ressqet il-GWU jista’ jagħmel il-ħajja tal-ħaddiem iktar faċli.

    Il-Baġit għad-9 ta’ Ottubru - Ministru tal-Finanzi

    Mill-banda ‘l oħra l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna sostna li x-xogħol tal-Baġit li se jitħabbar nhar it-Tnejn 9 ta’ Ottubru għaddej fuq tliet binarji f’dawk li huma konsultazzjonijiet, l-ewwel li qed jiltaqa’ mal-Ministri tal-Gvern, it-tieni li s-Soċjetà Ċivili u t-tielet mal-MCESD. Qal li l-gvern irid jindirizza l-aktar problemi li jeżistu li qed jiġu kkawżati minn tkabbir ta’ ekonomija bħal kirjiet, it-traffiku kif ukoll it-toroq.

    Il-Ministru qal li għalkemm jeżisti qbil fuq ħafna mill-proposti, għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil fuq il-leave u l-Gvern se jimxi skont il-mandat li għandu. Semma li hemm qbil fost oħrajn fuq it-tapering, il-pensjonijiet u l-inwork benefit, l-ambjent, l-indafa u l-immaniġjar tal-iskart. 

    Saħaq ukoll li l-faqar qed jonqos minn sena għal sena u l-Baġit se jkompli jgħin biex ikompli jonqos. Fuq il-kwistjoni tal-kirjiet sostna li għalkemm 84% tal-poplu għandu d-dar tiegħu, il-kwistjoni tal-kirjiet tinsab il-ħin kollu fuq moħħ il-Gvern u għaldaqstant din se tiġi ndirizzata wkoll f’dan il-Baġit. Semma li l-familji iktar għandhom jinkwetaw jekk jogħla l-imgħax milli mill-kirjiet. Żied jgħid li hemm firxa oħra tal-popolazzjoni fosthom minn żgħażagħ, single parents u nies li sseparaw li sfortunatament spiċċaw magħfusin bil-kera għax żdidet id-domanda mill-barranin li qed jikkompetu fl-istess suq, u għaldaqstant il-Gvern irid jara li jkun hawn biżżejjed propjetajiet fis-suq biex jimmoderaw il-kirjiet.

    X’ikkummentaw l-Imsieħba Soċjali?

    Fil-laqgħa tkellem ukoll iċ-Ċermen tal-MCESD John Bencini fejn semma li ġew ippreżentati tliet rapporti bi proposti għall-Baġit li ġejjin mill-istess MCESD, mill-Kumitat Reġjonali t’Għawdex u mis-Soċjetà Ċivili.

    Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Helena Dalli tenniet li waslu fl-aħħar stadju dawn il-konsultazzjonijiet dwar il-Baġit u dan huwa l-aktar eżerċizzju mportanti ta’ matul is-sena.

    Sadanittant is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li l-MCESD huwa strumentali għall-imsieħba soċjali biex joħorġu b’miżuri speċifiċi ħalli jkunu ndirizzati l-isfidi kemm fil-preżent u anke futuri ta’ pajjiżna. Żied jgħid li l-130 proposta li hemm huma miżuri speċifiċi u bosta minnhom saħansitra diġa qed jitwettqu minn dan il-Gvern fosthom dik taċ-child care centre li jkun introdott joffri servizz ta’ 24 siegħa kuljum.

    “Ma jridux jiżdiedu t-taxxi għal min jaqla’ paga minima” - UĦM

    Sadanittant is-Segretarju Ġenerali tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UHM) Josef Vella qal li stennew li l-Gvern ikun iktar speċifiku fuq il-proposti li ppreżentew bħala msieħba soċjali. Qal li l-UHM reġgħet ressqet il-proposti tagħha lill-Gvern fil-preżenza tal-Ministru Scicluna u qiegħdin jimbuttaw proposti biex jaraw li kull ħaddiem ikollu kuntratt bil-miktub u li l-ħaddiema li qiegħdin fuq il-paga minima ma jiġux ikkastigati billi jidħlu f’taxxa oħra u li l-bolla ma tkunx taxxabbli.

    “L-ekonomija qed tikber b’ritmu mgħaġġel” MHRA

    Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għar-Ristoranti u l-Lukandiera (MHRA) Tony Zahra sostna li l-laqgħa kienet posittiva ħafna kif dejjem tkun mal-Ministru qabel il-Baġit. Qal li l-ekonomija sejra tajjeb ħafna u qed tikber b’ritmu mgħaġġel ħafna u saħansitra iktar milli jiflaħ il-pajjiż. Saħaq li l-viżjoni trid tkun għal 15-il sena oħra biex dak li qed jitwettaq illum, ikun relevanti għall-futur ta’ pajjiżna. Temm jgħid li l-Gvern irid jibqa’ saqajh mal-art biex ikompli bis-suċċessi li għaddej bihom.

    Ir-reazzjoni tal-President tal-Kamra Maltija tal-Intrapriżi ż-Żgħar (GRTU) Paul Abela kienet li wara li ressqu l-proposti kollha dwar il-Baġit, il-GRTU ħasset li l-Ministru tal-Finanzi kellu jagħti aktar informazzjoni dwar il-proposti li ressqu. 

    “Il-proposti jridu jkunu bbilanċjati” - MEA

    Fl-aħħarnett id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) Joseph Farrugia stqarr ma dan il-ġurnal li lbieraħ il-Ministru sema aktar mill-viċin il-proposti tal-imsieħba soċjali u issa l-MEA jixtiequ min-naħa tal-gvern dwar x’se jagħmel minn qabel biex ikunu preparti għal xi impatt li jista’ jkollu l-Baġit fuq l-azjendi, kemm posittivi u anke negattivi. Temm jgħid li fil-proposti tagħhom kien intqal li jekk se jkun hemm xi miżuri li se jkunu ta’ piż lil xi azjendi, importanti jkun hemm oħrajn li jibbilanċjaw dan l-effett.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0