Eks-Lekċerer iżomm għalih flus minn bejgħ ta' biljetti

  • Set 12, 2017 15:07
  • Miktub minn iNews

     

    Eks-Lekċerer mal-MCAST li għamel żmien jaħdem mal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura responsabbli mill-bejgħ ta' biljetti nstab ħati li żamm flus għalih minn bejgħ ta' biljetti għal attivitajiet relatati ma' Pjazza Teatru Rjal.

    Jason Masini ta' 45 sena mill-Mosta kien mixli quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li żamm għalih aktar minn €5,000 b'dannu għall-imsemmi kunsill li jagħmel parti mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

    Kien f'Ġunju 2013 li Albert Marshall, Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura, talab lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex Masini jiġi trasferit għal magħhom.

    F'Lulju ta' wara dan is-'secondment' ġie approvat u minn Settembru tal-istess sena Masini beda jaħdem bħala General Manager ta' Pjazza Teatru Rjal fejn maż-żmien ġie fdat bl-attivitajiet tat-teatru.

    F'Awwissu 2014 huwa kien infurmat li Pjazza Teatru Rjal kien se jkollu numru tal-VAT temporanju u li l-fondi kellhom jinżammu f'kont bankarju separat.

    Il-biljetti ta' Pjazza Teatru Rjal kienu jinbiegħu fuq it-ticketline.com tal-kumpanija Sensembed Limited li f'dan il-perjodu għamlet tliet trasferimenti fil-kont personali tiegħu.

    F'Diċembru 2014 ġew trasferiti €8,000 mill-kumpanija lejn il-kont tiegħu  li nġibdet dakinhar stess. Fl-istess xahar lsar trasferiment ta' €1,000 u f'Jannar ta' wara ġew trasferiti €10,373. F'Ġunju 2015 ġew trasferiti fil-kont tiegħu €15,000 li l-oriġini tal-flus mhux magħrufa.

    Kien fl-istess xahar li s-Segretarju Permanenti Paulanne Mamo nfurmatu b'ittra sabiex ma jersaqx lejn kull post tal-Pjazza Teatru Rjal.

    Masini spiċċa investigat mill-Pulizija bl-Ispettur Anna Marie Xuereb tressqu fil-Qorti tal-Maġistrati u takkużah li żamm għalih flus li ma kienux tiegħu.

    L-akkużat iġġustifika għemilu billi fost oħrajn qal li ma kienx tħallas ta' xogħlu madankollu l-Maġistrat Demicoli ma tatux raġun.

    Hija qalet li huwa minnu li Masini ma ngħatax numru ta' kont bankarju biex ikun jista' jużah u li ma jidhirx li fi Pjazza Teatru Rjal kollox kien miexi kif suppost madankollu saħqet li kieku verament ried jimxi kif suppost kellu jibqa' jinsisti għal kont bankarju f'isem Pjazza Teatru Rjal jew jidderieġi lit-tmexxija ta' Sensembed Ltd sabiex tiddiskuti mal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura għat-trasferiment tal-flus.

    Dwar l-insistenza ta' Masini li matul is-snin li ħadem ma' Pjazza Teatru Rjal dam xhur twal fejn huwa ma tħallasx u ma kienx qeigħed jirċievi l-paga tiegħu, hija sostniet li dan kollu rriżulta mill-provi.

    “Ċertament li mhux sew u ġust li ħaddiem ma jitħallasx ta' xogħlu kemm għaliex ladarba persuna qiegħda taħdem għandha tiġi renumerata kif ukoll għaliex dik il-persuna trid tgħid hija u l-familja tagħha jekk ikollha. L-imputat iżda seta ħa passi legali jew altrimenti passi oħra permessi mil-liġi sabiex jitħallas dak dovut li kien dovut lilu u mhux juża flus appertenenti lil MCCA għall-użu personali”, żiedet tgħid l-imsemmija maġistrat.

    Waqt li sabitu ħati l-Maġistrat Demicoli ikkunsidrat fost oħrajn li l-flus li żamm ġew ritornati qabel ma tressaq fil-Qorti u għalhekk illiberatu bil-kundizzjoni li jagħmilx reat ieħor fis-sentejn li ġejjin.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook