Tlieta mhux ħatja li serqu €2 miljun f'hold-up… is-serqa kienet saret minn vann tal-Group 4 fl-2000

  • Set 12, 2017 20:00
  • Miktub minn iNews

    Mill-ħamest irġiel li kienu ġew akkużati bis-serqa ta' €2 miljun minn fuq vann tal-Group 4 lura fis-sena 2000 ħadd minnhom ma nstab ħati li kien wieħed miż-żewġ ħallelin li waqqfu l-vann u ħadulu l-flus tal-HSBC.

    Wara li matul is-sena li għaddiet tnejn ġew illiberati dwar il-każ, issa kien imiss lit-tlitt irġiel l-oħra ma jinstabux ħatja tas-serqa għalkemm tnejn minnhom instabu ħatja li kellhom għandhom oġġetti misruqa.

    Dan ifisser li baqa' mhux magħruf min kienu ż-żewġt irġiel li waqqfu l-vann u ġiegħlu lill-uffiċjal tas-sigurta tal-Group 4 jiftħilhom il-bieba tal-vann.

    Is-serqa kienet seħħet fis-26 ta' Ottubru, għall-ħabta tan-12.30 p.m., waqt li l-vann kien għaddej minn Triq il-Kanun, Santa Venera, wara li kien għadu kemm ħareġ miċ-Ċentru Rużar Briffa tal-HSBC Bank.

    Iż-żewġ ħallelin waqfu quddiem il-vann b'karozza Hyundai u wieħed minnhom hedded li jisplodi l-vann.

    Il-vann kien misjuq minn Emanuel Formosa u miegħu kellu lill-uffiċjal tas-sigurta Saviour Galea li kien hu li taħt it-theddid fetaħ il-bieba tal-vann.

    Il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post b'Lm884,200, ekwivalenti għal €2,059,631, u l-vann li wżaw instab maħruq f'Wied is-Sewda, limiti ta' Ħaż-Żebbuġ.

    Il-flus kienu nstabu xahar wara f'dar f'Birżebbuġa taħt saqqu fil-kaxxa tas-sodda. Magħhom il-Pulizija sabet ukoll żewġ balaklavi u telefon ċellulari.

    Dwar dan il-każ tressqu l-istess Emanuel Formosa, Joseph Grech, George Briffa, Alfred Degiorgio u Mario Cutajar.

    F'Ottubru tas-sena li għaddiet Grech u Briffa kienu ġew illiberati wara li l-Maġistrat Neville Camilleri ma kienx konvint mit-testijiet tad-DNA li saru fuq il-balaklavi u li ġew attribwiti liż-żewġ akkużati.

    Il-każ fil-konfront tat-tlitt irġiel l-oħra nstema quddiem il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona.

    Degiorgio tressaq wara li marki tas-swaba tiegħu nstabu fuq oġġett misruq waqt li Cutajar kien is-sid tal-proprjeta fejn instabu l-flus.

    Degiorgio kien mixli bis-serqa tal-flus u b'dik tal-vann Ford Escort u l-Hyundai li ntużaw fil-pjan, li laqa' għandu ħwejjeġ misruqa, li żamm persuni kontra l-volonta tagħhom, li ikkaġuna ħsara fil-vetturi u li kellu armi tan-nar.

    Formosa kien mixli b'kompliċita fis-serqa, fis-serq tal-vetturi, fir-reat fejn Galea kien miżmum kontra l-volonta tiegħu u fil-ħsara fuq l-istess vetturi.

    Min-naħa tiegħu, Cutajar kien mixli b'riċettazzjoni jiġifieri li kellu għandu l-flus misruqa.

    Il-Maġistrat Micallef Trigona ikkonkluda li fil-konfront ta' Formosa ma ġiex pruvat li huwa kien involut u għalhekk ma sabux ħati ta' kompliċita fl-imsemmija serqa.

    Fir-rigward tat-tnejn l-oħra irrimarka li fid-dar ta' Cutajar instabu boroż bil-flus u borża li fuqha kien hemm marka ta' seba' li taqbel ma' ta' Degiorgo.

    Kien għalhekk li waqt li ma sabhomx ħatja li kienu huma li ikkommettew is-serqa, l-imsemmi maġistrat sabhom ħatja ta' riċettazzjoni jiġifieri li kellhom għandhom ħwejjeġ misruqa u ikkundannahom sentejn ħabs sospiżi għal erba' snin.

    Il-prosekuzzjoni f'dan il-każ tmexxiet mis-Supretendent Carmelo Bartolo.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0