Ambjentalisti jwissu dwar l-inċineratur … jisħqu fuq kampanja biex l-iskart jiġi riċiklat anke b’inċentivi fiskali

  • Set 13, 2017 09:24
  • Miktub minn iNews

    Tliet ambjentalisti li tkellmu ma’ Inewsmalta jaqblu li iktar milli inċineratur li jaħraq l-iskart il-pajjiż għandu bżonn kampanja ta’ edukazzjoni biex tgħallem lill-poplu jirriċikla l-iskart. Bil-miżbla tal-Magħtab magħluqa u b’dik tal-Għallis mistennija timtela sal-2020, il-pajjiż jinsab f’salib it-toroq dwar il-pass li jrid jieħu dwar l-iskart meta statistika tal-UE turi li Malta hija t-tieni pajjiż-membru li jikkonsma skart ras għal ras.

    Quddiem din is-sitwazzjoni, iż-żewġ kumpaniji ewlenin li jiġbru l-iskart ħarġu jgħidu li l-inċineratur kien inevitabbli bil-Gvern għadu ma għamilx il-pożizzjoni tiegħu uffiċjali dwar din il-proposta jew dwar xi triq se jieħu quddiem sitwazzjoni li tista’ taħrab mill-kontroll tal-pajjiż.

    Dan il-ġurnal ħa r-reazjoni tal-Professur Alan Deidun, ta’ Vince Attard min-Nature Trust Malta u ta’ Alfred Baldacchino dwar jekk il-pajjiż għandux imur għas-soluzzjoni tal-inċineratur biex jiffaċċja l-problema tal-iskart. Il-Professur Deidun irrimarka li minbarra linċineratur illum hemm teknoloġiji oħra li jibdlu l-iskart f’enerġija u huma aktar avvanzati mil-lat ta’ sigurtà.

    Huwa qalilna li l-problema tal-inċineratur hija li dan irid jikkonsma l-iskart kontinwu u għalkemm Malta għandha problema ta’ skart m’għandix skart biżżejjed biex taħraq kontinwament. Deidun sostna li inċineratur mhux lakemm tixgħelu u titfih u jekk inżidu l-iskart biex ikun jista’ jitħaddem inkunu qed inneħħu l-iskop tar-riċiklaġġ. Huwa xebbaħ is-sitwazzjoni mar-reklamazzjoni tal-art fejn qal li għandna biżżejjed materjal biex nibdew imma mhux biex insostnuha. Żvantaġġ ieħor li jara l-Professur Deidun fl-użu tal-inċineratur huwa li Malta pajjiż żgħir u tagħmlu fejn tagħmlu se jkun viċin ta’ xi residenti.

    L-ambjentalist isemmi wkoll l-esportazzjoni tal-iskart bħala soluzzjoni oħra li tista’ tittieħed madankollu jgħid li diġà nesporta skart tossiku u l-kont jiġini m’ogħla s-smewwiet aħseb u ara jekk nesportaw aktar skart. Huwa saħaq li l-problema ta’ pajjiżna hija li m’aħniex kapaċi nimmaniġġjaw l-iskart u minkejja l-kampanji li saru qed nirriċiklaw f’ammonti żgħar u aktarx li huma l-istess nies li qed jagħmlu dan.

    “M’hemmx soluzzjoni faċli. Tagħmel x’tagħmel se jkun hemm impatt ambjentali. Dan il-prezz li rridu nħallsu għax m’aħnix poplu dixxiplinat”. Fl-opinjoni tiegħu, l-ewwel pass li għandu jsir huwa li l-poplu jingħata spjegazzjoni ta’ x’inhija l-problema. Mistoqsi dwar is-sistemi wżati f’ċertu pajjiżi fejn flixken tal-plastik jogħlew fil-prezz u n-nies ikunu jistgħu jieħdu refund  jekk jirritornawh, Profs. Deidun wieġeb li f’pajjiż bħad-Danimarka din ilha tintuża fejn hemm magni barra s-supermarkets  li jieħdu l-fliexken u mbagħad l-istess supermarkets  inaqqsu ddifferenza mill-kont.

    Minbarra inċentivi finanzjarji, huwa jara lok ukoll għal multi jew taxxi f’każ li l-piż tal-iskart fil-borża s-sewda jibqa’ kif inhu li allura jindika li l-persuna jew il-familja ma tkunx qed tirriċikla biżżejjed. Huwa jirrikonoxxi li deċiżjoni bħal din tkun iebsa u ma tkunx popolari madankollu jaf tkun meħtieġa biex tagħmel ħafna nies konxji tal-problema li qed niffaċċjaw.

    Vince Attard, President tan-Nature Trust Malta, qalilna li l-ikbar problema hija li liskart qed jiżdied u mhux jonqos u għalhekk din l-ikbar sfida li għandu l-pajjiż. Dwar l-inċineratur qal li għalkemm dawn saru jniġġsu inqas xorta għad joħroġ ċertu ammont ta’ tniġġiż minnhom u bħall-Professur Deidun irrimarka li jridu jaħdmu 24 siegħa kuljum biex jiġġustifikaw il-bini tagħhom. Dan iwassal biex Malta jkollha tinsa l-prinċipju li rridu nnaqsu l-iskart u għalhekk jiżdied.

    Attard saħaq li jrid isir pjan strateġiku biex innaqqsu l-skart u rrefera għal dak tal-kostruzzjoni bħala problema kbira peress li 80% tal-iskart totali ġej mill-industrija tal-bini. Huwa jissuġġerixxi l-użu tal-ġebel l-antik fil-bini flok jintrema’ ħalli ma jinħelix dan irriżors waqt li jwissi li l-ġebla mhix riżors għal dejjem u għada pitgħada jaf l-industrija jkollha timporta r-riżors.

    Attard qalilna li faċli tarmi l-iskart tal-kostruzzjoni fil-baħar imma dan joħloq problema ambjentali barra li jista’ jgħarraq l-industrija tal-għadds. Fl-istess waqt wissa li ma nistgħux nipposponu aktar il-problema u nibqgħu naħdmu b’sistema ta’ crisis by management. Huwa wkoll jirreferi għall-mudell ta’ riċiklaġġ fejn il-pubbliku jingħata roħs mill-ħwienet jekk ikun irriċikla l-plastik jew materjal ieħor u semma kif fil-passat ħaġa simili ġrat fir-rigward tal-fliexken tal-ħġieġ fejn kien hemm saħansitra kien jiġbor fliexken li ħalla ħaddieħor. “Nixtieq tinstab soluzzjoni li ma mmorrux għall-inċinteratur. Diġà għandna tniġġiż bit-traffiku. Irridu mmorru għas-sistema reduce to reuse  fejn innaqqsu l-iskart u nirriċiklawh,” kompla jgħid Attard. 

    Ambjentalista ieħor li tkellem miegħu dan il-ġurnal kien Alfred Baldacchino fejn dan sostna li jekk l-iskart inqisuh bħala riżors mela nistgħu nagħmlu gwadann minnu milli sempliċiment narmuh.

    Huwa qalilna li meta jmur fil-bring-in sites “qalbu toħroġ” meta jara ċertu oġġetti li jkunu ntremew għax ħafna drabi sempliċiment ikun ħarġu mill-moda u mhux għax m’għadhomx tajbin. Waqt li saħaq li l-aktar ħaġa ħafifa hija li taħraq l-iskart, Baldacchino sostna li qabel naslu f’dan il-punt irridu naraw li nerġgħu nużaw dak li qed insejħulu skart. Huwa jwissi kontra l-mentalità ta’ uża u armi fejn jikkundanna n-nuqqas ta’ edukazzjoni u l-egoiżmu li hemm f’diversi nies li ladarba nqdew jaqbdu u jarmu.

    Baldacchino wkoll jispira ruħu mill-mudell Nordiku fejn jgħid li fil-pajjiżi Skandinavi jaħsbu minn qabel u problema jsolvuha mhux meta tiġi quddiemhom imma qabel tqum kuntrarjament għal Malta li għadna lanqas bdejna u hawn nuqqas ta’ kuxjenza dwar l-ambjent.

    Dwar ir-refunds  għar-ritorn tal-iskart, huwa jgħid li b’dan il-mod qed titfa’ ir-responsabbiltà fuq il-konsumatur għax jekk qabel kien iħallas tal-kontenut u jarma l-flixkun issa jista’ jirritornah u jieħu l-flus lura. Baldacchino wkoll isemmi d-Danimarka bħala eżempju fejn flixkun jiswa’ iktar imma tieħu lura l-flus jekk tirritornah.

    “Kollox jiġi mill-mentalità u l-edukazzjoni. L-ewwel ħaġa li rridu nindirizzaw hija nnuqqas ta’ edukazzjoni”, iżid jgħid waqt li juri d-dispjaċir tiegħu li pajjiżna ma jidhirx li għandu l-ideat u l-viżjoni, nimxu b’mentalità ta’ kollox jgħaddi u naraw kif insolvu l-problema meta tinħoloq u mhux qabel.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook