“KONTINWAZZJONI F’DAK LI HUWA TKABBIR EKONOMIKU” … Ekonomisti ewlenin juru s-sodisfazzjon tagħhom għall-Baġit minn “Gvern bil-għaqal li jmexxi poplu bil-għaqal”

  • Ott 11, 2017 08:52
  • Miktub minn iNews

    Tliet ekonomisti ewlenin jaqblu flimkien li l-Baġit 2018 imressaq nhar it-Tnejn mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien fih diversi miżuri pożittivi. 

    Tlabna r-reazzjoni ta’ Dr Philip von Brockdorff, Kap tal- Fakultà tal-Ekonomija, Immaniġġjar u l-Accountancy (FEMA) fl-Università ta’ Malta, Alfred Mifsud u Dr Gordon Cordina. Dr von Brockdorff irrimarka li l-baġit għandu diversi elementi pożittivi biex l-ekonomija tkompli tikber b’ritmu qawwi fosthom inċentivi fiskali.

    “Il-Baġit hu kontinwazzjoni ta’ politika li wasslet għat-tkabbir ekonomiku straordinarju meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra taż-Żona Ewro għajr għall-Ġermanja li l-ekonomija tagħha tibqa’ għaddejja b’ritmu qawwi wkoll. Din il-politika ġabet magħha żieda fil-konsum b’mod partikolari li qed iwassal biex jiżdiedu l-profitti tan-negozji. Rajna żidiet fil-pagi wkoll iżda mhux fuq l-istess livell daqs iż-żieda fil-profitti”. 

    Huwa jsostni li l-ekonomija tagħna qed tattira numru dejjem jiżdied ta’ ħaddiema barranin li fil-biċċa l-kbira tagħhom mhux qed jaqilgħu pagi għoljin. Għall-kuntrarju l-preżenza ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin qed twassal biex tnaqqas il-pressjoni biex il-pagi ma jkomplux jogħlew. 

    Dr von Brockdorff jgħid li permezz ta’ konsum dejjem jikber kif ukoll dħul straordinarju mill-bejgħ tal-passporti u dħul mit-taxxi ta’ kumpaniji fl-igaming u oħrajn reġistrati f’pajjiżna, qed tintlaħaq il-mira tas-surplus fil-baġit madankollu jżid li xorta jibqa’ l-fatt li l-ispiża rikorrenti tal-Gvern baqgħet tiżdied b’mod assolut. 

    Fl-istess waqt jgħid li tajjeb li wieħed jistaqsi kemm l-operat tal-Gvern, inklużi tal-entitajiet tiegħu, qed ikunu effiċjenti. 

    Il-Kap tad-Dipartiment tal-FEMA jżid li biex jitlaħqu l-miri tiegħu l-Baġit qed jistrieħ ukoll fuq dawk is-setturi bħal kostruzzjoni, igaming u s-settur finanzjarju kif ukoll dak tat-turiżmu. 

    “Dawn is-setturi għandhom sfidi partikolari li ma jissemmewx fil-Baġit iżda tajjeb li l-Gvern jagħti direzzjoni ċara dwarhom. Fis-settur tal-kostruzzjoni, filwaqt li qed naraw ritmu qawwi ta’ attività ekonomika, irridu noqogħdu attenti li dan is-settur ma jwassalx għal sitwazzjoni fejn inkerrħu l-ambjent tal-irħula tagħna li eventwalment iwassal biex jolqot ħażin il-kwalità ta’ ħajja tagħna. Il-mistoqsija l-oħra hi kemm ir-ritmu li għaddej minnu dan is-settur hu sostenibbli,” huwa jwissi. 

    Dwar setturi bħall-igaming u dak finanzjarju qal li jeżistu numru ta’ opportunitajiet iżda hemm sfidi kbar ukoll minħabba inizjattivi bħall-armonizzazzjoni tat-taxxi u oħrajn biex jindirizzaw dak li jissejjaħ aggressive tax avoidance. 

    Fir-rigward tas-settur tat-turiżmu, Dr von Brockdorff jaqbel mal-pożizzjoni tal- MHRA li ma nistgħux inħarsu biss lejn in-numri iżda għandna nagħfsu aktar fuq il-kwalità tat-turisti fejn semma li jemmen li inizjattivi bħal Valletta 2018 għandha tgħin biex nattiraw aktar turisti ta’ kwalità. 

    Fuq l-infrastruttura tal-pajjiż isostni li din ma tiflaħx għal numru dejjem jikber ta’ turisti minkejja li dan iwassal għal żieda fl-attività’ ekonomika u jisħaq li rridu npoġġu kollox fuq il-miżien. 

    Dwar ir-rata ta’ inflazzjoni jgħid li din se tibqa’ taħt it- 2% iżda jżid li waqt li qed nistennew il-Household Budgetary Survey il-ġdid, tajjeb li niflu sew x’inhuma dawk il-prodotti jew servizzi li qed iwasslu għall-għoli fil-ħajja. 

    “Il-prezzijiet tal-ikel baqgħu jiżdiedu u tajjeb nistaqsu għaliex. Waqt li l-prezz ta’ prodotti pproċessati f’Malta bħall-ħalib jibqgħu stabbli, mhux l-istess għal prodotti li ġejjin minn barra. Il-Baġit ma jsemmi xejn dwar dan iżda tajjeb li jkollna diskussjoni oġġettiva dwar x’jista’ jsir biex il-prezzijiet tal-ikel jibqgħu komparabbli ma’ pajjiżi oħra. F’dan ir-rigward nafu li l-kumpens tal-għoli tal-ħajja kellu jkun aġġustat wara l-kumpens addizzjonali li ngħata s-sena l-oħra”. 

    Dr von Brockdorff jirreferi wkoll għall-fatt li l-piż tad-dejn mistenni jinżel għal 51% tal-Prodott Domestiku Gross fl-2018 u jgħid li din kontinwazzjoni tal-politika li permezz ta’ tkabbir ekonomiku qed iwassal biex, b’mod relattiv, iż-żieda fin-nefqa rikorrenti tal-Gvern ma tkunx fl-istess livell daqs iż-żieda fit-tkabbir ekonomiku. 

    “Huwa neċessarju għalhekk li t-tkabbir ekonomiku jibqa’ jiżdied bl-istess ritmu daqs f’dawn l-aħħar snin,” iżid jgħid il-Kap tad-Dipartiment tal-FEMA. 

    Min-naħa tiegħu, Alfred Mifsud irrimarkalna li huwa jiftakatar sew meta f’Settembru tal-2012, il-PL kien sejjaħ kungress mifrux fuq diversi jiem biex issir l-aħħar konsultazzjoni mal-pubbliku qabel ma jinħema l-manifest elettorali li eventwalment wassal għar-rebħa tal-2013. 

    Hu qal li għat-tema tal-ekonomija kien mistieden biex jaghmel il-keynote address li mbagħad kellu jservi għad-diskussjoni fejn kien saħaq li minkejja l-problemi kbar li kellna fil-finanzi tal-pajjiż ma kellnix naqtgħu qalbna. 

    Dan minkejja li kellna defiċit qawwi u konsistenti li kien daħħalna fi problema mal-UE, erġejna taħt id-dixxiplina ta’ Excessive Deficit Procedure (EDP), b’dejn li kien riesaq lejn is-70% ta’ Prodott Gross Domestiku (GDP) u minkejja li kellna ekonomija staġnata u livell ta’ qgħad allarmanti. 

    Mifsud qal li huwa kien wissa li ma kellnix nagħmlu l-iżball li kien sar fl-1996 meta Gvern Laburista ta’ Dr Alfred Sant kien għamel żmien twil jeqred u jaqta’ qalb in-nies dwar il-problemi finanzjarji li kienu ħallew warajhom il-Gvern tal-PN ta’ bejn l-1992 u l-1996. 

    “Niftakar li kont għidt li l-poplu Malti huwa poplu bil-għaqal, bieżel u jaf iħaddem moħħu kif idawwar lira. Id-dejn kien kollu bejnietna, bejn il-Gvern u l-poplu Malti u ħadd minn barra ma kien ġej iħammrilna wiċċna bħal ma kien qed jiġrilhom pajjiżi oħra bħall-Grecja, il-Portugal u l-Irlanda dak iż-żmien. Kont użajt il-frażi li ‘l-problema ta’ pajjiżna kien gvern imqareb imexxi poplu bil-għaqal. U għidt immaġinaw kemm il-pajjiz jista’ jkun aħjar jekk ikollna Gvern bil-għaqal imexxi poplu bil-għaqal’”. 

    Mifsud qal li dan kollu qed jgħidu għax f’dan il-baġit rajna kif id-dejn paragunat mal-Prodott Domestiku Gross kien diġà nieżel minn 70% għal 57% u proġettat jinżel għal 50% fis-sena 2018. 

    “Defiċit ta’ madwar €300 miljun ġa nbidel f’surplus ta’ ’l fuq minn €100 miljun u fejn l-ekonomija kienet qed tikber aktar minn dak li kien maħsub, fejn ix-xogħol jiġri wara n-nies u fejn il-benesseri tal-poplu kien jinħass b’mod tanġibbli”. 

    Huwa jżid li minkejja li kien baġit ta’ wara l-elezzjoni, fejn ma kien hemm l-ebda pressjoni biex il-Gvern ipinġi stampa aħjar minn dik reali kif konna mdorrijin taħt amministrazzjonijiet preċedenti, il-Bagit 2018 qassam il-ġid b’mod meqjus u sostenibbli. 

    “Bla ma ppompja l-ekonomija aktar milli tiflaħ indirizza problemi soċjali ta’ dawk li minħabba ċirkostanzi partikolari, ħafna drabi kawża ta’ mard, ma jistgħux jieħdu sehemhom mill-ġid li qed jinħoloq mingħajr l-għajnuna socjali tal-Gvern”. 

    Mifsud iwissi madankollu li s-suċċess iġib il-problemi tiegħu wkoll u miegħu ġab żieda fil-problemi ta’ traffiku, fl-immaniġġjar tal-iskart, fis-suq tal-kera u fl-iskarsezza ta’ ħaddiema tas-sena u ħiliet mitluba. 

    “Il-Bagit 2018 jindirizza dawn il-problemi permezz ta’ investimenti infrastrutturali u inċentivi biex jiżdied l-użu tal-mezzi tat-trasport pubbliku, investiment qawwi biex l-iskart jinbidel f’enerġija, inċentivi għas-separazzjoni tal-iskart, regolamentazzjoni fis-suq tal-kera u inċentivi għal aktar edukazzjoni, taħriġ u biex persuni jibqgħu fis-suq tax-xogħol anke wara li jilħqu l-eta’ tal-pensjoni”. 

    Huwa żied li wieħed irid jara maż-żmien jekk miżuri ta’ inċentivi pożittivi bħal dawn humiex biżżejjed biex jistumulaw il-bidla jew jekk iridx maż-żmien jiżdiedu wkoll miżuri punittivi. 

    “Għamilna progress kbir fi żmien qasir li ftit kienu jemmnu li tassew jista’ jseħħ. L-isfidi huma kif se nkomplu nsostnu t-tkabbir ekonomiku ħalli jkollna xi nqassmu u nilħqu l-aspettattivi tal-Maltin u l-Għawdxin bla ma nerġgħu lura għad-defiċit u l-iżbilanċi tal-passat. Ovvajment se nsibu min jgħid li missna qassamna iżjed iżda il-Baġit ma jaħsibx għal-lum biss iżda wkoll jeħtieġ ilestina għal futur aħjar,” iżid jgħid Mifsud. 

    Dr Gordon Cordina jiddeskrivi l-Baġit bħala wieħed li ġie ippreżentat fi sfond ta’ tkabbir ekonomiku ibbażat fuq investiment u ħolqien ta’ impjiegi mifruxa fuq numru wiesa’ ta’ setturi. 

    “Dan it-tkabbir jirrifletti l-attrazzjonijiet ta’ pajjiżna għan-negozju, ibbażat ukoll fuq l-immaniġġjar għaqli tal-finanzi tal-Gvern fl-aħħar snin u fuq żviluppi oħra ekonomiċi fosthom it-tkabbir fit-turiżmu, fis-servizzi finanzjarji u tal-gaming u f’dawk professjonali. Dan wassal fuq kollox biex il-Gvern jirreġistra surplus fil-finanzi tiegħu u tnaqqis fid-dejn nazzjonali meta mqabbel mal-Prodott Domestiku Gross”.

    Huwa jinsisti li issa wasal iż-żmien biex insarrfu dan it-tkabbir fi żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u jisħaq li dan huwa importanti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull min jgħix u jżur pajjiżna kif ukoll biex inkunu kapaċi nsostnu l-kisbiet li pajjiżna għamel sa issa.

    Cordina jisħaq li għalhekk irridu nużaw is-surpluses li għandna fl-ekonomija u fil-finanzi tal-Gvern biex insewwu defiċits oħrajn li laħqu magħna matul is-snin, defiċits li ħafna drabi huma riżultati tal-istess suċċessi ekonomiċi li ksibna. 

    “Minkejja investimenti sostanzjali tul is-snin fi proġetti mibnija minn fondi lokali u dawk tal-UE, għandna deficits f’aspetti infrastrutturali, partikolarment fit-trasport intern, u defiċits fl-immaniġġjar ambjentali, l-iktar fejn jidħol l-immanigjar tal-iskart. Qed jinbtu wkoll deficits fir-riżorsi umani, fejn qed insibu li la għandna biżżejjed ħaddiema u lanqas ħiliet biex inlaħħqu mal-bżonnijiet ta’ mpiegi li hawn. Dan kollu qiegħed iwassal għal defiċits tal-ħin tagħna fejn qed insibu diffikultà biex inlaħħqu mal-bżonnijet tax-xogħol, tal-familja u tal-komunita’ ta’ madwarna minħabba pressjonijiet dejjem jiżdiedu fuq kull wieħed minna, mhux l-inqas minħabba l-ħin li qed inqattgħu biex naslu minn post għall-ieħor”. 

    Dr Cordina qal li ma jistax jonqos li hekk kif ġara f’pajjiżi oħra, dan kollu jwassal għal deficit fis-saħħa tal-bniedem, kemm minħabba tniġġiż ta’ ambjent kif ukoll in-nuqqas ta’ ħila li nżommu ħajja bilanċjata. Dawn id-diffikultajiet ħafna drabi jolqtu l-iktar lil dawk li huma vulnerabli fis-soċjetà, li ma jkollhomx la l-mezzi u la l-ħiliet biex jilqgħu għall-isfidi ta’ madwarhom bl-aħjar mod. 

    “Nemmen li dan il-Baġit huwa msejjes f’dawn ir-realtajiet; li minn banda ituna sodisfazzjon minħabba l-kisbiet ekonomiċi u soċjali li għamilna u min-naħa l-oħra jitolbu għal ħsieb fit-tul biex nilqgħu għall-isfidi tal-futur. Biex isir hekk, il-baġit ma jridx biss jipprovdi għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi u biex iwieżen bi flus fil-but lil dawk li għandhom l-iktar bżonn imma wkoll li jipprovdi l-inċentivi neċessarji biex kull wieħed minnha jġib ruħu b’mod li jgħin lilu nnifsu waqt li jkun qiegħed jgħin lis-soċjetà”. 

    Huwa ghalhekk li Dr Cordina jaħseb li kienu f’waqthom miżuri bħalma huma t-taxxi b’rifużjoni fuq il-fliexken tal-plastik, ir-regolarizazzjoni tas-suq tal-kirjiet, ir-rifużjoni tat-taxxa tad-dħul anke għal min ma jħallasx taxxa u l-miżuri biex jitjiebu l-kompetittivita’ tal-industriji u tal-ħaddiema.

    Huwa qal li jemmen ukoll li baġits tas-snin li ġejjin għandhom ikunu kuraġġużi biex isewwu fi żmien qasir il-problemi li s-soċjetà tagħna ħa tkun qed tiffaċċa waqt li żied li se jkun hemm bżonn inċentivi u mezzi biex nivvjaġġaw f’pajjiżna b’modi għal kollox differenti minn kif qed nagħmlu llum. 

    “Irridu nibdew nisseparaw l-iskart b’ħafna iktar determinazzjoni jekk irridu nilħqu l-objettivi ambjentali tagħna. Irid ikun hemm miżuri biex nieħdu ħsieb iktar il-popolazzjoni dejjem tixjieħ tagħna, kemm f’dik li hi spiża ta’ saħħa, ta’ pensjonijiet, ta’ kura fit-tul u ta’ irtir mix-xogħol immaniġġjat bl-aħjar mod possibli. Mhux biżżejjed li s-servizzi jibqgħu b’xejn. Hemm bżonn ukoll ta’ firxa iktar wiesgħa ta’ dawn is-servizzi, hekk kif inhuma provduti f’pajjiżi oħra tal-UE”. Kien f’dan l-isfond li Dr Cordna saħaq li jilqa’ dan il-Baġit bħala pass ieħor fit-triq it-tajba għal tkabbir ekonomiku sostnut li qed joħloq il-ġid biex jiġi investit fi żvilupp soċjali sostenibbli.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook