Diżgwid fil-Parlament dwar il-liġi fuq il-ħatriet pubbliċi

  • Ott 11, 2017 09:47
  • Miktub minn iNews

    Deputati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni komplew ma jaqblux dwar il-mod kif qed tiġi ippreżentata l-liġi li tikkonċerna l-iskrutinju ta' ħatriet pubbliċi fejn waqt li l-kelliema tal-Gvern iddefendew l-abbozz tal-liġi, dawk tal-Oppożizzjoni komplew jgħidu għaliex ma kienux se jivvutaw favur.

    Il-Ministru Evarist Bartolo iddeskriva l-liġi bħala “pass modest” u wissa li meta ndaħħlu istituzzjonijiet bħal dawn ma rridux ngħaġġlu imma niżviluppawhom bil-mod. Fl-istess waqt qal li jaqbel mas-sistema Ingliża fejn il-Parlament iservi bħala skrutinju għall-ħatriet u mhux ma' dik Amerikana fejn jista' jagħmel veto lill-Gvern.

    Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone sostna li l-liġi kif imħejjija ma taħsibx għal skrutinju veru u iddeskriviha bħala waħda li tipproponi “proċedura mbażwra”. Huwa irrimarka li tkellem ma' nies minn diversi pajjiżi u mkien ma sab sistema fejn mistoqsijiet lill-applikant jintbagħtulu minn qabel. Schiavone iddeskriva l-liġi bħala “no cooking” u mhux grilling kif ukoll insult għan-nies u liġi konvenjenti għal min hu inkompetenti u prużuntuż.

    Id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis irrisponda billi qal li b'din il-liġi l-Gvern wera li kellu gazz jieħu deċiżjoni u ikkritika lill-Oppożizzjoni talli għandha l-idea li jekk ikun maħtur xi ħadd Laburista allura mhux tajjeb mentri jekk jinħatar Nazzjonalist iva. Huwa nsista li l-mistoqsijiet bil-miktub iħaffu l-proċess u sostna li l-iskurtinju mhux biss se jsir minn kumitat imma anke mill-pubbliku u l-media.

    Marlene Farrugia, id-deputat tal-Oppożizzjoni li għadha tmexxi l-PD, qalet li din il-liġi hija pass fid-direzzjoni t-tajba imma “daħka fil-wiċċ” fl-istess ħin u akkużat lill-Gvern li wara li ħatar lil min ried issa qed iressaq liġi bħal din. Hija iddeskrivitha wkoll bħala 'smokescreen' u saħqet li l-Gvern qed jibża' jitlaq il-poter minn idejh.

    Il-membru parlamentari Laburista Glenn Bedingfield huwa tal-fehma li dan l-abbozz isaħħaħ l-iskrutinju u għamilha ċara li ma jaqbilx li nagħmlu 'show' jew insallbu lil min joffru li jidħol jirrappreżenta lill-Gvern f'entita jew bħala ambaxxatur. Huwa wkoll saħaq li l-iskrutinju se jkun pubbliku u mhux bil-ħabi.

    Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo sostna li l-liġi ma tagħtix garanzija li se jkun hemm smiegħ tal-persuna u iddeskriviha bħala liġi finta fejn talab lill-Gvern jieqaf jidħak f'wiċċ in-nies. Huwa irrimarka li jekk il-Gvern ma jilqax l-emendi tal-Oppożizzjoni kien se jipproponi lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista biex ma jieħux sehem fil-kumitat ħalli ma jservix bħala 'rubber stamp' għal dak li jrid il-Gvern.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0