“Miżuri soċjali li se jkomplu jagħmlu differenza”

  • Ott 11, 2017 15:54
  • Miktub minn iNews

    Wara li tħabbru diversi miżuri soċjali fil-Baġit għas-sena li ġejja, il-Ministru għal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta` Soċjali Michael Falzon spjega aktar fit-tul erbgħa miżuri li tħabbru, fejn huwa mistenni li dawn se jkunu miżuri li se jkomplu jagħmlu differenza.

    Estensjoni tal-in-work benefit 

    Il-Ministru qal li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-in-work benefit permezz ta’ żieda t’għotja ta’ flus għal kull wild, fejn b’hekk se jkompli jitnaqqas l-faqar u d-dipendenza soċjali. Din il-miżura, li jidher li kienet ta’ suċċess fl-aħħar tlett snin, tara li fejn f’koppja wieħed mill-ġenituri biss jaħdem, se jieħdu l-ogħla rata tal-benefiċċju li se titla’ minn €350 għal €450 għal kull wild, filwaqt li l-inqas rata se titla` minn €52 għal €75 għal kull wild. Jekk it-tieni ġenitur jidħol fid-dinja tax-xogħol, xorta se jkun jaqblilhom hekk kif l-ogħla rata ta’ in-work benefit li jistgħu jirċievu titla’ għal €1,200 għal kull wild. Il-Ministru sostna li se jassiguraw li ebda familja bi tfal taħt is-16-il sena, fejn mill-inqas ġenitur wieħed jaħdem full-time u jaqla’ l-paga minima, se titħalla tgħix fil-faqar.

    Jidher li sal-aħħar ta’ Settembru li għadda,  2,408 familja b’madwar 4,000 tifel u tifla kellhom id-dħul mill-impjieg tagħhom miżjud bil-benefiċċju, fejn minn dawn, 645 familja daħlu fl-iskema din is-sena. Il-kumplament, jiġifieri 1,113-il familja, bdew igawdu minn dan il-benefiċċju mill-2015 meta ngħata bidu għal din l-iskema; filwaqt li 650 familja oħra baqgħu fl-iskema wara li daħlu fiha fl-2016.

    Mill-istatistika ħareġ ukoll li l-akbar għadd ta’ familji benefiċjarji huma dawk b’ġenitur wieħed u li jaħdem, fejn dawn ilaħħqu d-932 familja. It-tieni l-akbar għadd, dak ta’ 771 familja, huma dawk il-familji fejn wieħed mill-ġenituri huwa fl-impjieg. Is-705 familja l-oħra huma ta’ koppji li jaħdmu t-tnejn.

    Tapering tal-benefiċċji

    “Storja ta’ suċċess” hija l-frażi li biha ddeskriva l-miżura tat-tapering l-Ministru, hekk kif qal li qed jidher is-suċċess din is-sena. Din il-miżura tara li tinċentiva dawk li qiegħdin fuq il-benefiċċji soċjali biex joħorġu jaħdmu, fejn barra l-paga, dik il-persuna tibqa' tirċievi benefiċji oħra tas-servizzi soċjali. Qal ukoll li n-numri jitkellmu weħidhom hekk kif dawk li daħlu jaħdmu, baqgħu fil-postijiet tax-xogħol tagħhom u waqgħux lura għall-benefiċċji soċjali. 

    Din il-miżura mħabbra f’dan il-baġit se tara li tinżel għal sena l-perjodu ta’ stennija għal dawk li jibbenefikaw mis-sistema tat-tapering tal-benefiċċji soċjali. Il-Ministru qal li b’dan il-mod, dawk li jkunu ilhom għal mill-inqas sentejn fit-tliet snin ta’ qabel jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali, jekk isibu xogħol ma jitilfux ilbenefiċċji kollha f’daqqa imma jonqsulhom gradwalment.

    Semma ukoll li sal-lum il-ġurnata bbenefikaw ‘il fuq minn 3,000 persuna minn din il-miżura, li minnhom 2 minn kull 3 huma nisa. Sal-aħħar ta’ Awwissu li għadda kien hemm taħt l-2,600 jibbenefikaw.

    Rombors ta’ spejjeż għall-adozzjoni ta’ tfal minn barra l-pajjiż

    “Xi ħaġa li turi l-impenn ta’ dan il-Gvern li verament nolqtu lil kulħadd fil-qasam soċjali, waħda minnhom hija din il-miżura.” Hekk qal il-Ministru meta spjega fid-dettal il-miżura mħabbra fil-manifest elettorali dwar l-adozzjoni, erba` xhur biss wara l-elezzjoni. Semma li hekk kif ir-realta` ta’ pajjiżna hija dik li hi, ħafna mill-adozzjonijiet li jsiru huma minn pajjiżi b’diffikultajiet kbar. Huwa għalhekk li mis-sena d-dieħla, se tkun qed tingħata għajnuna sa massimu ta’ €10,000 biex tkopri parti mill-ispejjeż, inkluż fuq vjaġġar li ġenituri adottivi jagħmlu biex jaddottaw wild. Il-Ministru għamilha ċara mill-ewwel li dan il-ħlas se jibda` jinħareġ is-sena d-dieħla mill-bidu tas-sena u ma jgħodx għal dawk li se jkunu spiċċaw il-proċess kollu sa dan iż-żmien. 

    Il-Ministru qal li jafu wkoll li l-ispejjeż m’humiex biss l-unika sfida fejn jidħlu l-adozzjonijiet, fejn ftit tal-ġimgħat ilu ġie mniedi dokument tal-istandards Nazzjonali għall-Proċess tal-Adozzjoni tat-Tfal għal Konsultazzjoni. Kompla jgħid li dawn l-istandards se jassiguraw li s-servizzi relatati mal-proċess tal-adozzjoni jkunu ta’ kwalita’ għolja li jħarsu l-interessi ta’ dawk involuti, speċjalment l-interessi tat-tfal li għandhom dejjem jingħataw l-ewwel prijorita`.

    Se tiżdied il-Foster Care Allowance

    Hekk kif hemm tfal li minħabba bżonnijiet diversi jkollhom bżonn ta’ foster carer, dan l-inċentiv se jgħin lil dawk li jagħmlu dan. Il-Ministru ħabbar li mis-sena d-dieħla, se tkun qed tiżdied l-Foster Care Allowance minn €70 għal €100 fil-ġimgħa. 

    Hekk kif dan kien ukoll imwiegħed fil-manifest elettorali li għadda, dan juri li hemm rieda li jitjiebu l-kundiżżjonijiet f’dan is-settur ukoll. “€30 żieda fil-ġimgħa m’hijiex żieda żgħira, fejn dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern. Dan huwa sinjal ċar kemm jinteressana mit-tfal vulnerabbli, fejn nixtiequ li kull tifel u tifla tgħix ma’ familja u fl-aħjar ambjent possibli;” sostna Falzon, fejn sostna li din iż-żieda se tkun qed isseħħ għall-ewwel darba f’temp ta’ tmien snin.

    “Wera kemm huwa verament gvern soċjali” 

    Il-Ministru sostna li dawn huma biss erbgħa mill-għexieren t’inizjattivi u miżuri mill-baġit li tħabbar nhar it-Tnejn li għadda, u li se jkunu qed iżidu t-tqassim tal-ġid li Gvern Laburista rnexxielu jibni tul l-aħħar snin. Semma kif għalkemm ma tilħaqx lil kulħadd bl-istess mod, dejjem hemm aktar x’tagħmel, pero` huwa ċar li l-Gvern kellu mpenn qawwi li jsaħħaħ dan il-qasam u verament kulħadd ikun jista` jgħix f’soċjetà ġusta.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook