“Ma jidhirx li l-akkużat kellu wisq rimors meta mar biex jattakka lil Yana”

  • Ott 11, 2017 18:30
  • Miktub minn iNews

    L-Avukat ta’ Yana Mintoff Bland jitlob piena ta’ ħabs effettiva għal Rumen mixli bl-attentat ta’ ferita gravi fuqha…

    L-Avukat ta’ Yana Mintoff Bland sostna fil-Qorti li r-Rumen Gheorghe Popa li jinsab mixli bl-attentat ta’ ferita gravi fuqha u fuq binha Daniel Mainwaring ma weriex wisq rimors meta mar biex jattakka lil Yana. 

    Il-każ seħħ nhar l-24 ta’ Ottubru 2016 għall-ħabta tad-9.00 a.m. fir-residenza ta’ Mintoff Bland li tinsab f’Ħal Tarxien. 

    Meta kien qed jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu dwar dan il-każ, l-Avukat Joseph Giglio, li qed jidher bħala parte ċivile għall-allegat vittma, qal li mill-provi jirriżulta li kemm Yana kif ukoll l-imputat kienu f’relazzjoni. Qal li jirriżulta wkoll li Yana kienet waslet f’perjodu li riedet twaqqaf ir-relazzjoni waqt li min-naħa l-oħra, l-imputat kellu r-riservi tiegħu dwar dan u ma xtaqx li r-relazzjoni tintemm. 

    L-Avukat Giglio qal li bejnha u bejn l-imputat inqala’ argument, li saħan b’mod li persuni oħra li kien hemm fir-residenza semgħu l-kommossjoni li kienet għaddejja. F’dan il-mument, żied jgħid l-Avukat Giglio, binha Daniel ħareġ jiġri u intervjena. 

    “Jirriżulta li l-parte ċivile sfat aggredita b’sikkina waqt li kienet nieżla t-taraġ bil-bagalja tal-imputat biex tgħidlu jitlaq ‘il barra. F’ħin minnhom l-imputat iddeċieda li jagħti n-nar lir-residenza. Mir-rapport tal-espert jirriżulta li dan il-ħruq kien wieħed volontarju.”

    Tenna wkoll li fis-soċjetà tagħna kulħadd għandu japprezza li meta xi ħadd qiegħed f’relazzjoni ma jħossx li hu sew jekk parti jew oħra li tixtieq ittemm ir-relazzzjoni tispiċċa f’sitwazzjoni bħal dik. 

    Qal li, “nemmnu li dak l-għemil twettaq preċiżament għax l-imputat ried li x-xewqa ta’ Yana li ttemm ir-relazzjoni ma ssirx minħabba twerwir u biża’ li seta’ jdaħħal fiha. Ma jidhirx li kellu wisq rimors meta mar jattakka lil Yana.”

    L-Avukat Giglio kompla jgħid li l-imputat jirriskontra periklu mhux biss għall-parte ċivile imma wkoll għas-soċjetà tagħna. Qal li għaldaqstant għandu jintbagħat il-messaġġ li tip ta’ vjolenza bħal din m’għandhiex tkun aċċettata u jemmen li l-piena għandha tkun waħda ta’ ħabs effettiva.

    Sadanittant, matul is-seduta tal-bieraħ l-imputat għażel li ma jixhidx. Is-sentenza mistennija tingħata mill-Maġistrat Joseph Mifsud nhar it-12 ta’ Diċembru li ġej.

    Il-Prosekuzzjoni f'dan il-każ qed titmexxa minn l-Ispettur Spiridione Zammit. Għall-imputat qed jidher l-Avukat Benjamin Valenzia. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0