“Mhux se nħallu studenti mingħajr għalliema”

  • Ott 13, 2017 08:00
  • Miktub minn iNews

    Filwaqt li l-Ministru Evarist Bartolo ħabbar żieda ta’ €35 miljun fil-baġit allokat għas-settur tal-edukazzjoni, deċiżjoni meħuda mill-istess Ministeru rċeviet kritika minn diversi esponenti tas-settur edukattiv 

    Wara li l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo ħabbar kemm fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook kif ukoll waqt konferenza stampa li ttieħdet deċiżjoni li l-għalliema issa jrid ikollhom Masters in Teaching and Learning (MTL) biex jingħataw il-warrant u jgħallmu, din l-istess deċiżjoni kienet kritikata minn bosta anke fid-dawl ta’ sejħa li ħarġet mill-istess Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol lil studenti universitarji biex jaħdmu ta’ għalliema.

    Fuq Facebook, il-Ministru Bartolo irrimarka li fadal ftit nuqqasijiet ta’ għalliema fi ftit suġġetti, erba’ postijiet vakanti għal għalliema fuq bażi fultajm u erba’ postijiet fuq bażi partajm. Huwa qal li talab li jiġu kkuntattjati studenti universitarji li bħalissa qed jagħmlu l-Masters f’xi suġġett li għad hemm nuqqas ta’ għalliema fih “biex ma nħallu ebda tifel jew tifla bla għalliema,” u fl-istess ħin għamilha ċara li l-istudenti li wrew interess u wieġbu għas-sejħa għandhom kwalifiċi mill-inqas daqs dawk li jintalbu għas-supply teachers.

    Dwar din il-kontroversja kif ukoll dwar x’wassal biex hawn nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel tagħna, ħadna r-reazzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kif ukoll tal-President tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) Marco Bonnici.

    Kelliema għall-Ministeru qaltilna li l-isfida ta’ nuqqas ta’ għalliema hija sfida li trid tiġi indirizzata b’mod wiesa’ hekk kif id-domanda fl-iskejjel tkompli tizdied. Il-kelliema elenkat numru ta’ raġunijiet li wasslu għal sitwazzjoni fejn hemm bżonn li tiġi indirizzata b’mod effettiv. 

    “Id-domanda ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’dan is-settur ma jagħmilx is-settur edukattiv l-unika eċċezzjoni f’Malta. F’diversi setturi ekonomiċi qed naraw ħtieġa qawwija ta’ ħaddiema f’kull livell, mill-kostruzzjoni sa inġiniera. Napprezzaw li filwaqt li setturi oħra jistgħu faċilment jimpjegaw ħaddiema barranin f’nuqqas ta’ dawk Maltin, fl-edukazzjoni jeżistu barrieri li rridu jinqabżu biex dan isir, primarjament ta’ lingwa. L-iskejjel tal-istat qed jaraw domanda dejjem tkompli tiżdied ta’ studenti li jixtiequ jidħlu, minħabba li l-popolazzjoni tal-pajjiż qed tikber b’rata b’saħħitha. Dan qed jiġi rifless anke bl-ammont ta’ proġetti ta’ tkabbir fl-iskejjel u skejjel ġodda li qed jibnew, biex ikun hemm iżjed spazju.

    “Mill-2013, il-programmi edukattivi ma baqgħux one-size-fits-all, u għaldaqstant kellek sitwazzjoni fejn studenti kienu qed jingħataw esperjenza edukattiva iktar iffukata b’ghalliema. Dan, filwaqt li kien tibdil kruċjali u importanti, fisser ukoll bżonn ta’ iżjed edukaturi.”

    Il-kelliema kompliet tgħid li dan kollu jfisser li rridu naħdmu biex il-kundizzjonijiet tal-għalliema jkunu aħjar, filwaqt li fuq livell ekonomiku u finanzjarju dawn ikunu iktar kompetittivi ma’ oqsma oħra biex jattiraw iżjed gradwati. Jekk xejn anke fuq bażi ta’ rispett lejn il-professjoni.

    Staqsejna wkoll dwar il-fatt li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħass il-ħtieġa li jwaqqaf Istitut tal-Edukazzjoni f’Pembroke u jekk dan indirettament huwa sfiduċja fis-sistema universitarja fid-dawl ta’ drop-outs li qed ikun hemm fil-PGCE. F’dan ir-rigward, dan il-ġurnal irċieva diversi lmenti mingħand studenti li qed jagħmlu l-PGCE fejn gergru li ċertu għalliema għamluhielhom diffiċli biex jiksbu l-kwalifika.

    Il-kelliema qaltilna, “li għalliem jingħata iżjed spazju u opportunitajiet ta’ taħriġ huwa wkoll importanti. L-Istitut tal-Edukazzjoni f’Pembroke se jkun qed jagħmel propju dan, fejn jibni programmi u taħriġ adattat biex l-edukatur jkun f’pożizzjoni li joffri esperjenza edukattiva aħjar. Fil-lat ta’ riżorsi, naħseb li s-sitwazzjoni qegħda tajba, fil-lat ta’ spazju għall-edukaturi se nibdew naraw il-frott tax-xogħol li sar jibda jitwettaq.”

    “Fuq każijiet personali, ovvjament il-Ministeru ma jikkumentax. Jekk hemm xi student li jħoss li kien hemm xi ħaġa mhux f’waqtha, hemm l-awtoritajiet indipendenti fejn jistgħu jwasslu s-sitwazzjoni tagħhom.”

    L-MUT kienet kritika għall-mod kif iddaħħal l-MTL fejn it-“timing” kien ħażin

    Sadanittant, fil-kummenti tiegħu, il-President tal-MUT Marco Bonnici qalilna li dak li wassal għan-nuqqas ta’ għalliema kien dovut fost l-oħrajn għall-fatt li n-numru ta’ żgħażagħ li jagħżlu l-MTL kien limitat ħafna. Qal li l-MUT kienet kritika għall-mod kif iddaħħal l-MTL, fejn it-“timing kien ħażin.”

    Filwaqt li rrefera wkoll għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol f’dak li jirrigwardja l-ftehim settorjali tal-għalliema li għadu ma ġiex konkluż, Bonnici qal ukoll li l-għalliema qed jitilqu mill-professjoni minħabba l-“workload” li dawn qed ikollhom jitgħabbew bih jew għax qed isibu impjiegi b’salarji aħjar.

    MUT: Insulent lill-għalliema kollha… theddida ta’ azzjoni industrijali

    “Qegħdin nħossuna nsultati kif iddiġenerat is-sitwazzjoni, u kif il-professjoni tal-għalliema qiegħda tiġi trattata.” Stqarret dan l-MUT, wara li riċentament l-Ministru tal-Edukazzjoni saqsiet għal numru ta’ studenti biex jagħmlu xogħol ta’ għalliema fuq bażi part-time.

    “Il-messaġġ li qiegħed jingħata li dawk kollha li jaħdmu bħala edukaturi huwa wieħed offensiv u diżrispettanti, kemm lill-professjoni kif ukoll lill-għalliema li ħadmu u stinkaw sabiex iġibu l-kwalifiki neċessarji. Wara snin ta’ sagrifiċċju u ta’ studju sabiex iġibu l-kwalifiċi u jiggradwaw, dawn il-membri qed iħossuhom urtati b’dawn l-inizjattivi li qiegħdin inaqqsu l-valur tal-professjoni tal-għalliem għal xi ħaġa li kulħadd jista jqum filgħodu u jiddeċiedi li jagħmel.”

    L-MUT tkellmet ukoll il-Konferenza Stampa li organizza l-Ministeru ftit siegħat qabel: “Iktar kmieni smajna lil-Ministeru tal-Edukazzjoni jikkonferma li din is-sejħa pubblika ħarġet mill-Ministeru, waqt li qal li preżentament hemm 4 postijiet full-time u 4 part-time neqsin.” Skond l-istess MUT, din “hija verżjoni żbilanċjata tal-fatti, u daqqa ta’ ħarta oħra għall-edukaturi.”

    “Ċertu edukaturi qed jaffaċjaw ħafna ostakli u nuqqasijiet f’xogħolhom, fost l-oħrajn numru ta’ għalliema li l-ewwel ġew promossi jew trasferuti, imbagħad ġew mibgħuta lura lejn il-klassi; oħrajn li kienu sfurzati jgħallmu suġġetti differenti f’iktar minn skola waħda, waqt li bosta għalliema kellhom id-daqs tal-klassi mkabbra sal-ammont massimu.” 

    L-MUT tenniet li din is-sitwazzjoni bħala waħda nkwetanti, u filwaqt li semmiet li n-numru ta’ gradwati f’dan il-qasam “qiegħed jonqos kull sena”, ddikjarat li l-Ministeru “mhux qiegħed jaċċetta l-gravita tas-sitwazzjoni... Minflok jiġġustifika dawn il-miżuri t’emerġenza li qegħdin jittieħdu, il-Ministeru irid jinforma lil dawk konċernati fuq x’qiegħed isir biex din il-problema tissolva.”

    Fl-aħħar, l-MUT heddet ukoll li se tordna azzjoni industrijali jekk il-Ministeru mhuwiex ħa jsolvi l-problema tan-nuqqas ta’ edukaturi “mingħajr ma tinsulenta il-professjoni tal-għalliema.”

    L-SDM tistieden lill-Ministru Evarist Bartolo għal diskussjoni mal-istudenti tal-B.Ed u l-MTL

    L-għaqda studenteska SDM fi stqarrija qalet li tixtieq tinnotifika lill-istudenti kollha tal-B.Ed u MTL li għamlet kuntatt mal-Ministru Evarist Bartolo biex tkun organizzata laqgħa u jiddiskutu flimkien it-triq ‘il quddiem dwar l-imsemmija kwistjoni li qamet fl-aħħar jiem.

    Qalet li meta wieħed iqis il-fatt li l-istudenti tal-B.Ed u MTL jqattgħu snin twal jistudjaw biex isiru għalliema professjonali, dak ikun nuqqas ta’ rispett lejn l-istess studenti.

    “Aħna tal-fehma li l-istudenti li jixtiequ jsiru għalliema mill-professjoni għandhom livell ta’ motivazzjoni u impenn li l-ebda persuna oħra ma tista tipprovdi rrispettivament minn jekk l-individwu jafx is-suġġett jew le. Nemmnu li mossa bħal din twassal biss biex għalliema jkunu inqas motivati.”

    L-SDM tenniet li tistenna bil-ħerqa tweġiba mingħand il-Ministru Bartolo mill-iktar fis possibbli. Qalet li l-istudenti kollha affettwati se jkunu qed jinżammu aġġornati bi kwalunkwe korrispondenza li ssir. 

    Jiżdied l-investiment fl-edukazzjoni

    Sadanittant, waqt konferenza stampa, il-Ministru Bartolo tkellem ukoll fuq il-ftehim settorali tal-għalliema u fuq l-impenn tal-Gvern biex il-kundizzjonijiet tal-għalliema jitjiebu.

    Huwa tkellem fuq il-miżuri tal-baġit fuq l-edukazzjoni settur li ra l-investiment fih jikber b’€35 miljun. Huwa spjega wkoll li l-esperjenza edukattiva fl-iskejjel tkun aktar inklussiva u aċċessibbli, ser ikun qed isir investiment qawwi biex jitjiebu s-servizzi u jiġi introdott tagħmir addattat għall-istudenti li għandhom bżonn l-appoġġ u l-assistenza fit-tagħlim tagħhom.

    Dan ser ikun qed isir ukoll permezz ta' investiment sostanzjali fit-tagħlim ta' aktar suġġetti vokazzjonali u applikati fl-iskejjel sekondarji, abbażi tat-tisħiħ tal-'My Journey' (www.myjourney.edu.mt). B'mod tanġibbli dan ifisser investiment f'laboratorji u workshops ġodda, fi skejjel eżistenti u ġodda, għal madwar disa' suġġetti vokazzjonali u applikati li ser jibdew jiġu offruti fl-iskejjel mis-sena 2019. 

    Il-Ministru Bartolo żied jgħid li, “l-prijorità ta' dan il-Gvern hija li l-edukazzjoni tkun aktar inklussiva u aċċessibbli għal kulħadd.” 

    Huwa spjega li dan ser ikun qed isir permezz ta' diversi inizjattivi imħabbra fil-budget ta' nhar it-Tnejn li għadda. B'din il miżura ser jonqsu ħafna mill-ostakli li setgħu kienu qegħdin iwasslu biex student ma jagħmilx dawn l-eżamijiet, bħall-ispiża finanzjarja, u li attwalment iwasslu biex student jonqsulu l-prospetti li jtejjeb il-ħiliet tiegħu biex ikollu futur aħjar. 

    Huwa spjega li kull min matul is-sena d-dieħla, se jkun qed japplika biex iktar tard jagħmel l-eżamijiet tal-MATSEC, se jkun qed iħallas biss nofs il-ħlasijiet dovuti għal dawn l-eżamijiet. Il-miżati tal-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC se jitneħħew għal kollox is-sena ta' wara.

    Il-Ministru Bartolo ħabbar għall-ewwel darba wkoll  li l-past papers tal-O levels u anke tal-A levels tal-MATSEC mil-lum il-pubbliku se jkollu aċċess għalihom b'xejn fuq is-sit: https://www.um.edu.mt/matsec/pastpapers. Qabel biex jinxtraw past papers ta' erba' snin f'għaxar suġġetti n-nefqa kienet mal-€50. Mil-lum il-past papers saru b'xejn.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook