Il-Prim Ministru f’laqgħat ma’ investituri Ingliżi

  • Nov 06, 2017 09:17
  • Miktub minn iNews

    Se jitkellem magħhom dwar għalxiex għandhom iħarsu lejn Malta wara li jkun hemm il-Brexit

    Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li llum se jkun qed jiltaqa’ ma’ numru ta’ investituri Ingliżi biex jitkellem magħhom dwar għalxiex Malta għandha tkun ikkunsidrata minnhom bħala post fejn iħarsu lejha wara l-Brexit. Huwa spjega li lil dawn il-kumpaniji se jkun qed jurihom għalxiex jaqblilhom jiftħu u jirreġistraw f’pajjiżna.

    Dr Muscat qal dan ilbieraħ waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio meta kien mistoqsi dwar kemm jaħseb li hu faċli li nibqgħu nżommu r-ritmu li jibqa’ jinġieb l-investiment lejn il-pajjiż u l-fatt li għandha fost l-inqas rata’ ta’ qgħad fl-Ewropa. 

    Huwa spjega li, “faċli mhuwiex imma x-xogħol tagħna jrid isir u rridu nkomplu nġibu investiment lejn il-pajjiż. Inħobb nara r-rata ta’ qagħad nieżla. Irridu nkomplu għaddejjin b’dan ir-ritmu.”

    Madankollu huwa rrimarka li, “qatt ma għandna nħallu li l-poter jitla’ għal rasna. Irridu naħdmu qisna qegħdin fl-ewwel ġurnata u rridu nkomplu naħdmu għal pajjiż. Nixtiequ li nħallu legat. Ikun perjodu fl-istorja tal-pajjiż li n-nies jibqgħu jiftakruh li kien iż-żmien fejn hawn l-iktar xogħol.”

    Mitlub jikkummenta dwar l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li juri li l-Partit Laburista għadu jgawdi vantaġġ b’saħħtu fuq il-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru filwaqt li sostna li n-numri ma jagħmlux bih, qal li “aktar ma l-appoġġ ikun b’saħħtu, iktar tikber ir-responsabbilità fuqi personali u fuq it-tim tagħna. Għandna responsabbilità massiva li nkomplu naħdmu għall-poplu Malti u Għawdxi, fejn irridu nuru l-apprezzament tagħna billi npattu b’iktar xogħol.”

    Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li jara lill-poplu, minkejja l-istorbju medjatiku li jista’ jsir minn xi wħud, li qed jindunaw u jafu x’qed jiġri madwarhom, jafu min hu ġenwin u min mhux, jafu fejn hi r-realtà u fejn hi l-ispin. 

    Dwar il-mozzjoni ppreżentata mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said biex issir inkjesta dwar l-allegazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia, Dr Muscat qal li din fil-verità hi mozzjoni ċarissima kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia. 

    Qal li, “lil Dr Delia għednielu li jekk ma titlob inkjesta fuqek innifsek se jitolbuha ta’ madwarek. Għednielu li l-iktar ħaġa rispettabbli li tista’ tagħmel f’dan il-mument hi li taqbad u tmur il-Qorti u titlob li ssir inkjesta fuq l-affarijiet li ntqalu fil-konfront tiegħu u li għaġġilt biex waqqgħajt il-libelli.” 

    Irrefera wkoll għall-fatt li uffiċjal pubbliku giddeb lill-eks Ministru Jason Azzopardi dwar deal skandaluż b'rabta ma' art fi Spinola, San Ġiljan. 

    “Kien hemm uffiċjal pubbliku, il-bniedem li kien inkarigat mil-lands u quddiem il-PAC qallu int kont fil-laqgħat," fakkar Joseph Muscat li nnota kif Jason Azzopardi nqabad jigdeb. 

    Spjega li din hi kwistjoni gravi u qal li jaħseb li jekk Azzopardi mhux lest jerfa' r-responsabbiltà għandu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni li jieħu dan it-test u jieħu passi kontra Azzopardi.

    Saħaq li lil’hinn minn hekk, l-Oppożizzjoni għandha turi fejn trid tmur. “Bħala Gvern għandna bżonn Oppożizzjoni li magħha nistgħu nitkellmu. Nistgħu ma naqblux imma tal-inqas taf li għandek Oppożizzjoni bħala punt ta’ referenza. Qegħdin f’sitwazzjoni fil-Parlament fejn tħares quddiemek u tgħid ma min se naqbad nitkellem. Jiggranfaw f’xulxin politikament.”

    Dr Muscat temm jgħid li min-naħa l-oħra, “l-Gvern għażel fejn irid imur. Irridu nibqgħu mmexxu l-pajjiż 'il quddiem.” 

    Sadanittant, il-Prim Ministru Joseph Muscat ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-Professur Anthony Zammit, li miet nhar is-Sibt li għadda fl-età ta’ 67 sena. Huwa ddeskriva lill-Prof. Zammit bħala “ġentlom kbir.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0