Il-mara maqfula f’kamra taħt l-art toħroġ mill-Isptar

  • Nov 13, 2017 09:15
  • Miktub minn iNews

    Il-mara maqfula f’kamra taħt l-art toħroġ mill-Isptar

    Illum jibda jinstema' l-każ ta’ Roddy Swinton Williams, li qed ikun mixli li pprova joqtol lil martu Natalie billi ħallieha bil-ġuħ għal tliet’ijiem sħaħ

    Il-kundizzjoni ta’ Natalie Williams qalbet għall-aħjar tant li fl-aħħar jiem ħarġet mill-Isptar Mater Dei fejn kienet qed tiġi rikoverata wara li qattgħet diversi jiem maqfula f’kamra mħaffra taħt l-art fl-inħawi tar-Rinella, fil-Kalkara.

    Sadanittant, quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit illum se tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ żewġha Roddy Swinton Williams, li qed ikun mixli li pprova joqtolha billi ħallieha għal tliet’ijiem sħaħ fid-dlam, mingħajr ikel u xorb.

    Williams, li għandu 37 sena u huwa mis-Seychelles qed ikun mixli wkoll li stupraha, li żammha kontra l-volontà tagħha, li beżżagħha, li għex ħajja ta’ vagabondaġġ u li kellu fil-pussess tiegħu l-eroina. Akkużi oħra jinkludu li hedded u weġġa’ ħames uffiċjali tal-Pulizija li marru jarrestawh u li kkaġuna ġrieħi ħfief lil Owen Vella, iben il-vittma.

    Dan il-każ, li xxokkja lill-pajjiż kollu meta ssemma wkoll fil-Parlament waqt li kienet qed tiġi diskussa liġi fuq il-vjolenza domestika, kellu l-bidu tiegħu nhar il-Ħadd 29 ta’ Ottubru li għadda meta Natalie, li għandha 46 sena, kienet rappurtata nieqsa wara li l-aħħar li dehret kien proprju jumejn qabel fiż-Żejtun. Hija nstabet mill-Pulizija l-għada t-Tnejn maqfula f’kamra taħt l-art fil-Kalkara. 

    Sorsi qrib il-Pulizija kienu qalulna li dakinhar li nstabet, il-Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit (RIU) u tad-Distrett ġew imsejħa fuq ġlieda fi Triq is-Salvatur fil-Kalkara. Mal-wasla tagħhom fuq il-post, sabu lill-familjari ta’ Natalie f’argument jaħraq ma’ żewġha dwar l-għibien tagħha u saħansitra rabtuh b’ħabel biex iżommuh.

    Kien f’dan il-mument meta Roddy Swinton Williams qal lill-Pulizija li kien qed iżomm lil martu f’kamra mħaffra taħt l-art viċin iċ-ċimiterju tar-Rikażli fil-Kalkara. Huwa mifhum li wara li l-Pulizija tkellmu fid-dettall mar-raġel, dan tal-aħħar ħadhom fil-post fejn kien qed iżomm il-martu maqfula. 

    Hekk kif bosta uffiċjali tal-Pulizija waslu fuq il-post li kien indikat lilhom, Natalie instabet mitlufa minn sensieha mal-art wara li kienet ilha bla ikel u xorb għal tliet’ijiem sħaħ. Sussegwentement, ir-raġel tagħha ttieħed fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla u wara twassal fid-Depot fejn inżamm arrestat.

    Meta dan is-sit mar fuq il-post fejn il-mara allegatament kienet qed tinżamm maqfula minn żewġha, seta’ jiġi nnotat l-istat ta’ telqa li dan jinsab fih, fejn kien hemm siringi użati u sibna wkoll ġrieden. Biex tasal hemmhekk, trid tinżel għexieren ta’ turġien, tidħol minn fetħa fil-ġebel, timxi f’mina twila bosta metri u titkaxkar f’kamra taħt l-art. Nifhmu li d-dlamijiet ta’ filgħaxija, il-post imwarrab u d-diffikultà biex tasal fil-kamra, għamluha diffiċli ferm biex il-mara taħrab minn fejn kienet. 

    B’rabta ma’ dan il-każ, Roddy Swinton Williams tressaq fil-Qorti nhar il-Ħamis 1 ta’ Novembru, bl-akkuża prinċipali fil-konfront tiegħu tkun dik li bejn is-27 u t-30 ta’ Ottubru pprova joqtol lil martu billi ħallieha fid-dlam mingħajr ikel u xorb. Huwa wieġeb li ma kienx ħati, bl-Avukat Franco Debono, li qed jidher għalih flimkien mal-Avukati Yanika Vidal u Marion Camilleri jitolbu għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

    Madankollu, din it-talba sabet oppożizzjoni kemm mill-Ispetturi Paula Ciantar u Josric Mifsud li investigaw il-każ kif ukoll mill-Avukati Ludwig Caruana u Janice Borg li qed jirrapreżentaw l-interessi tal-mara. 

    L-Avukat Debono lmenta wkoll li għalkemm il-mezzi tax-xandir kellhom kull dritt jitkellmu dwar dan il-każ dehru rapporti li ma kinux jirriflettu l-verità u anke semma kif il-mara tat żewġ verżjonijiet differenti fejn fl-ewwel waħda qalet li r-raġel mar għaliha x-xogħol u heddidha, imbagħad li ltaqgħet miegħu għax riedet. 

    Wara li semgħet x’kellhom xi jgħidu ż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u b’hekk l-akkużat Roddy Swinton Williams baqa’ jinżamm taħt arrest. Fl-awla ħareġ ukoll li l-Pulizija mistennija tieħu passi kriminali kontra xi familjari ta’ Natalie Williams wara li dawn allegatament aggredewh. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0