Dispjaċut li kollegi “deħlin u ħerġin” l-isptar… jgħid li l-Istat u l-Qorti m'humiex warajhom

  • Nov 13, 2017 11:31
  • Miktub minn iNews

    Il-President tal-POU-GWU Sandro Camilleri esprima d-dispjaċir tiegħu li kemm l-Istat kif ukoll il-Qorti mhux jagħtu appoġġ biżżejjed lill-pulizija li qed jiġu aggrediti waqt il-qadi ta' dmirijiethom.

    Huwa kien qed jikkummenta dwar l-attakk li numru ta' studenti fil-Junior College wettqu fuq is-Surġent Lyanne Sant tant li spiċċat sofriet ġrieħi gravi minħabba ksur f'idha.

    Hija marret fuq il-post ma' pulizija ieħor wara rapporti ta' storbju u hemmhekk spiċċat imdawwra minn madwar 30 student li wieħed minnhom imbuttaha u ieħor tefalha xi xorb alkoħoliku f'wiċċha.

    “L-arroganza u l-arja li hawn ġol-pajjiż hija kbira u l-Pulizija ġabuna bla sinsla. Ilhi ngħid li l-pulizija spiċċaw jaħdmu mwerwrin għax jafu li la l-Istat u lanqas il-Qrati ma' qeghdin warajhom. Pulizija kontinwament deħlin l-isptar u jekk nippruvaw nużaw ftit saħħa idur kollox kontrina. Jekk tagħmelx xogħlok tissogra li tiġi mkeċċi mill-Korp. Il-'body cams' fuq il-pulizija ma jriduhomx għax dawk jixkfu u juru l-verita xi jkun qed jiġri”.

    Waqt li semma kif kull darba li jkun hemm l-elezzjonijiet fil-Junior College qed ikun hemm ċelebrazzjonijiet mingħajr permessi u fakkar kif ħruq ta' suffatelli u flares huma illegali, is-Surġent Camilleri qal li “dawn żgħażagħ li suppost huma l-futur ta' pajjizna” u b'ton ironiku irringrazzjahom talli attakkaw lill-kollegi tiegħu.

    Il-kumment tiegħu ġab reazjoni kbira fuq Facebook fejn kienu bosta dawk li ikkummentaw dwar dan l-inċident u esprimew ir-rabja għall-mod kif qed jiġu trattati l-Pulizija.

    Waħda ikkummentat b'ton ċiniku li dawn l-istudenti għada pitgħada se jkunu l-professjonisti t'għada u rrimarkat li ma tantx għandna biex niftaħru waqt li sostniet li ma tafx għala l-pajjiż qed jitqammel mal-Pulizija u ma jinvestix f''body cams'.

    Kien hemm min saħansitra ħeġġeġ biex isir xi tip ta' strajk u rrimarka kif anke jekk il-pulizija ma jistgħux jipprotestaw fil-pubbliku l-familjari tagħhom jistgħu.

    Oħrajn irrispondew li anke jekk isir dan mhu se jwassal għal imkien b'waħda tagħti t-tort lill-maġistrati li jagħtu sentenzi mhux ħorox fil-konfront ta' min iweġġa' pulizija u rrimarkat illi kieku jagħtu sentenzi bis-sens ħadd ma jazzarda jitkessaħ mal-pulizija.

    Mara ssuġġeriet li ż-żgħażagħ jagħmlu sena fl-armata biex jitgħallmu ftit tad-dixxiplina u lmentat li m'għadx hawn wisq żgħażagħ li għandhom rispett lejn il-membri tal-Korp.

    Kien hemm min issuġġerixxa li l-istudenti involuti jkollhom l-istipendju sospiż, min li f'każijiet bħal dawn għandhom jintużaw l-'pepper spray' u t-'taser guns waqt li wieħed talab li tinħoloq skwadra bħall-SAG biex “tiknes lil kumm min jitkessaħ”.

    Fost dawk li ikkummentaw kien hemm ukoll pulizija fejn esprimew id-dispjaċir tagħhom għall-ġrieħi li sofriet il-kollega tagħhom b'uħud madankollu ma jonqsux milli jirrimarkaw kif fid-distretti mhux qed ikun hemm biżżejjed pulizija.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0