Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar tappella biex tinżamm l-indafa fil-lokalità

  • Nov 13, 2017 13:13
  • Miktub minn Claudio Coleiro

    Graziella Galea favur li jkomplu jinagħtaw multi kontra min jabbuża mis-sistemi ta’ ġbir tal-iskart

    Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea qed tappella lin-nies li jkunu fil-lokalità biex ikunu responsabbli u jżommu l-indafa. Hija qed tappella wkoll lill-awtoritajiet biex ikomplu jingħataw multi fil-konfront ta’ dawk li qegħdin ikomplu jabbużaw mis-sistemi ta’ ġbir tal-iskart u għaldaqstant ikunu qed iħammġu l-lokalità.

    F’kummenti lil inewsmalta, Graziella Galea qalet li San Pawl il-Baħar hi lokalità fejn il-ġbir tal-iskart isir kuljum inkluż il-Ħdud u l-festi. Fil-fatt anke meta jsir il-ġbir tal-iskart riċiklabbli, isir ukoll il-ġbir tal-iskart domestiku. 

    Minbarra dan, kompliet tgħid is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, “il-Kunsill joffri wkoll b’xejn servizz ta’ ġbir ta’ skart goff (bulky refuse) b’appuntament.”

    Qalet li sfortunatament issib min jabbuża mis-sistemi ta’ ġbir tal-iskart fil-lokalità, meta pereżempju jkun hemm min joħroġ iż-żibel wara li jkun għadda t-trakk li jiġbor l-iskart, min joħroġ iż-żibel filgħaxija jew min joħroġ skart goff mingħajr appuntament. 

    “L-appell tiegħi imur lejn dawk li qegħdin jabbużaw biex jieqfu jagħmlu dan, b'rispett lejn ir-residenti u l-lokalità li nghixu fiha. Nirringrazzja wkoll lil dawk li jikkoperaw lejn l-indafa fil-lokalità u jimxu mar-regoli. Nappella wkoll lill-awtoritajiet biex ikomplu jingħataw multi lil dawk li qegħdin jabbużaw u allura jħammġu l-lokalità,” qaltilna Galea li rrimarkat ukoll li ġieli jkun hemm okkażjonijiet, mhux komuni, fejn ikun hemm dewmien fil-ġbir tal-iskart. 

    Hija temmet tgħid li meta jiġri dan, normalment minħabba ħsarat mhux previsti fil-makkinarju, il-Kunsill jieħu l-passi neċessarji biex jiġu evitati ħafna inkonvenjenzi u l-ġbir tal-iskart isir fl-iqsar żmien possibbli.

    Problema li qed tkompli teskala

    Dan is-sit tkellem kemm-il darba rrappurtat dwar il-problema tal-iskart li qed jiffaċċjaw il-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Madankollu, minkejja kull attentat li sar biex tkun solvuta din il-problema, jidher li sa issa baqgħet ma nstabitx soluzzjoni.

    Waħda mill-ikbar problemi li hemm f’dawn l-inħawi hija li hemm ħafna barranin jgħixu hemmhekk. Għalkemm il-Kunsilli Lokali rispettivi, javżaw lill-pubbliku dwar il-ħinijiet li fihom isir il-ġbir tal-iskart, jidher li ħafna residenti, inkluż barranin, mhumiex jagħtu kas ta’ dawn il-ħinijiet u joħorġu l-iskart meta jfettlilhom jew meta jkunu komdi huma, inkluż fil-ħinijiet ta’ billejl.

    Dwar din il-problema, li kulma jmur qed tkompli teskala, konna tkellimna ma’ Wilson Mifsud, li huwa wieħed mill-kuntratturi responsabbli mill-ġbir tal-iskart fil-lokalitajiet ta’ Buġibba u l-Qawra. 

    Huwa enfasizza li, “l-problema mhix min-naħa tal-kuntrattur jew tal-Kunsill. Il-problema li hemm hi li m’għandniex kontroll fuq in-nies. Tibda tiġbor fis-7.00 a.m.. Nillestu fil-11.30 a.m. Kif terġa’ tgħaddi, n-nies jerġgħu joħorġu l-boroż tal-iskart u trid tħallih hemm sal-għada.” 

    Filwaqt li spjegalna li saru diversi laqgħat dwar din il-kwistjoni fosthom mal-Ministru Owen Bonnici u d-Direttorat tat-Tindif, Wilson Mifsud żied jgħidilna wkoll li hemm problema wkoll bir-ristoranti li x’ħin jagħlqu filgħaxija, joħorġu l-iskart f’nofsillejl.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    MALTI.
    Nov 14, 2017

    naqbel ma sindku li ghandu ikun hemm multi ghal minn ihameg u jitfa affarijiet bulky barra minhajr permes, ghandhom issiru camera specialment f toe=roq marufin ghal hmieg bhal triq il KAVETTA U mazzolla.

    Irrispondi