Illiberata fl-appell mill-PSC wara li ġiet misjuba ħatja inġustament minn bord intern

  • Nov 14, 2017 08:15
  • Miktub minn iNews

    Maria Vassallo li tokkupa l-kariga ta’ Senior Correctional Officer fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġiet illiberata mill-akkużi kollha kontra tagħha wara li appellat minn deċiżjoni ta’ bord li kien sabha ħatja inġustament. Il-każ imur lura f’Jannar 2017 meta kien sar strip search fuq priġunier li kienet qalbet l-identità tal-ġeneru tagħha minn raġel għal mara u li tali search sar bi proċedura ta’ ordni verbali li kienet tat l-Assistent Direttur Mariella Camilleri f’Lulju tas-sena 2016.

    Minkejja li l-Att dwar l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess kien ilu li daħal fis-seħħ minn April 2015 kien evidenti li l-amministrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma kenitx ippreparata għal tali liġi. Tant li fis-sena 2016 priġunieri li kienu qalbu l-identità tagħhom minn raġel għal mara kienu baqgħu jinżammu fid-diviżjoni tal-irġiel. Kien biss malli ġiet reġistrata kawża l-Qorti kontra l-amministrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva fit-12 ta’ Lulju 2016 li ġew ittrasferiti tliet (3) priġunieri li kienu qalbu l-identità tagħhom. Dawn it-tliet priġunieri kienu ġew ittrasferiti fuq ordni li ta d-Direttur ta’ dak iż-żmien is-Sur Paul Debattista.

    Tlitt ijiem wara din l-ordni, jiġifieri nhar il-15 ta’ Lulju 2016, it-tliet (3) priġunieri inkwistjoni talbu li jiltaqgħu mal-amministrazzjoni għax kellhom xi lmenti xi jressqu. Fost l-ilmenti kien hemm il-kwistjoni tal-istrip search, fejn persuna minnhom xtaqet li din is-search tibqa’ ssir minn uffiċjal ta’ sess maskili kif kien isir sa ftit żmien qabel, persuna oħra xtaqet li jsirilha minn uffiċjal femminili u l-persuna l-oħra xtaqet li jsirilha nofs minn uffiċjal maskili (il-parti t’isfel) u nofs minn uffiċjal femminili (il-parti ta’ fuq). Minflok ma l-Assistent Direttur qaltilhom li t-talbiet tagħhom ma setgħux ikunu milqugħa għax ma jkunux konformi mal-liġi, talbithom jagħmlu dawn it-talbiet b’dikjarazzjonijiet bil-miktub. Fil-fatt dawn id-dikjarazzjonijiet saru u tat ordni verbali lill-Maġġur biex minn issa ’l quddiem l-istrip search isir skont id-dikjarazzjoni ffirmata mill-priġunieri stess. Fil-fatt il-proċedura msemmija skont l-aħħar ordni kienet qed tiġi osservata u qatt ma nqala’ xejn.

    Sadanittant waħda minn dawn it-tliet priġunieri ħarġet mill-ħabs, iżda f’Jannar ta’ din is-sena reġgħet daħlet lura. Meta daħlet lura ttieħdet minnufih fis-sezzjoni tan-nisa u peress li kienet qed tintuża l-proċedura li jagħżlu min ser jagħmlilhom l-istrip search ġiet mistoqsija jekk tippreferix li jsirilha minn uffiċjal maskili jew femminili. Fil-fatt il-priġunier konċernata qalet li ma tagħmilx differenza min ser jagħmlu u peress li ż-żewġ uffiċjali korrettivi nisa kienu qed jagħmlu tfittxija fl-affarijiet (ħwejjeġ u oġġetti personali) rat uffiċjal korrettiv maskili u qaltu biex jagħmilulha hu biex jeħilsu. Dan kollu kien konfermat minn Pulizija maskili li kien preżenti u fil-fatt l-istrip search sar minn dan l-uffiċjal Korrettiv maskili fil-preżenza ta’ Pulizija maskili. Jidher li ftit ġimgħat wara din is-search sar jaf b’din il-proċedura l-istess avukat li fetaħ il-kawża u talab li ssir investigazzjoni għax din il-proċedura kienet illeġittima.

    L-amministrazzjoni tal-ħabs għamlet l-investigazzjoni li ġiet mitluba tagħmel u eventwalment akkużat erba’ (4) uffiċjali Korrettivi taħt ir-regolamenti tal-Public Service Commission li kienu qed jiksru r-regolamenti tas-servizz pubbliku u li kienu saħansitra qed jiksru d-dinjità u d-drittijiet umanitarji. L-erba’ uffiċjali Korrettivi akkużati kienu s-Senior Correctional Officer li infurmat lis-subordinati tagħha bl-aħħar ordni dwar il-proċedura tal-istrip search, iż-żewġ Uffiċjali Korrettivi nisa li kienu qed jagħmlu tfittxija fuq l-affarijiet u l-Uffiċjal Korrettiv li għamel l-istrip search fuq il-priġunier inkwistjoni.

    Il-proċedura tal-PSC tirrikjedi li l-kap tad-dipartiment jaħtar bord magħmul minn tliet membri li jkunu gradi ogħla mill-uffiċjal akkużat, li jkunu impjegati taħt id-dekasteru tal-Ministeru konċernat u jirrapporta bil-miktub dak li jkun irriżulta u jekk sabx ħtija jew le. Il-membri maħtura f’dan il-bord kienu kollha impjegati li jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva stess u ċ-chairperson ta’ dan il-bord kienet l-Assistent Direttur, ċioè l-persuna li kienet tat l-aħħar ordni minn min kellha ssir l-istrip search fuq priġunieri li jkunu bidlu l-identità tal-ġeneru tagħhom.

    L-erba’ (4) Uffiċjali Korrettivi akkużati kienu kollha membri fil-GWU u għaldaqstant kollha kellhom l-assistenza legali b’xejn. Tul il-proċess kollu kienu assistiti mill-Avukat tal-unjin Dr Abigail Critien u l-Assistent Segretarju responsabbli mill-Korpi Dixxiplinati Theo Vella. Id-difiża talbet ir-rikuża taċ-chairperson tal-bord is-Sinjura Mariella Camilleri minħabba kunflitt ta’ interess liema talba għar-rikuża ġiet milqugħa minnufih. Eventwalment ġie maħtur bord ieħor kompost minn Saviour Lia li huwa Manager u żewġ Assistant Managers kollha uffiċjali fil-Faċilità Korrettiva u subalterni tal-Assistent Direttur. Minkejja dan, id-difiża m’għamlet ebda oġġezzjoni sabiex il-proċeduri jinbdew.

    Fil-konklużjoni tiegħu l-bord sab żewġ uffiċjali mhux ħatja u żewġ uffiċjali ħatja. Iż-żewġ uffiċjali femminili li kienu qed jagħmlu t-tfittxija fl-affarijiet li ġabet magħha l-priġunier ma nstabux ħatja, filwaqt li l-uffiċjal maskili li għamel l-istrip search instab ħati. Minkejja li s-Senior Correctional Officer lanqas biss kienet fil-post meta sar l-istrip search, xorta nstabet ħatja. Skont il-bord, l-Assistent Direttur Camilleri qatt ma tat ordni biex l-istrip search isir skont il-preferenza, dan minkejja li ġew annessi d-dikjarazzjonijiet li għamlu l-priġunieri stess fil-preżenza tas-Sinjura Mariella Camilleri.

    Minkejja li kontra l-parir legali tad-difiża, l-uffiċjal maskili akkużat u misjub ħati ħass li kellu jaċċetta l-konkluzjoni tal-bord fil-konfront tiegħu. Filwaqt li s-Senior Correctional Officer imxiet mal-parir legali u appellat id-deċiżjoni ta’ ħtija. L-appell instema’ quddiem il-bord tal-Public Service Commission fil-5 t’Ottubru li għadda, wara li saru s-sottomissjonijiet meħtieġa bil-miktub u saru t-trattazzjonijiet verbali anke f’konfront mal-Manager tal-Faċilità Korrettiva s-Sur Saviour Lia.

    Il-bord ma sabx lil WSCO Maria Vassallo ħatja wara li ħa inkonsiderazzjoni l-kunflitt ta’ provi, li l-amministrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva qatt m’għamlet proċedura bil-miktub minkejja s-sensittività tal-kwistjoni, kif ukoll ħadet inkonsiderazzjoni li s-Sinjura Vassallo qatt ma kellha inċidenti dixxiplinarji fi 28 sena servizz.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0