Inċident ikrah irrendiha diżabbli... se tieħu ċ-ċittadinanza

  • Nov 15, 2017 08:32
  • Miktub minn iNews

    Kellha tliet snin meta kienet involuta f'inċident ikrah li rrendiha mentalment diżabbli. Illum għandha 25 sena imma minkejja li għaddew 22 sena xorta għad ma ngħatatx iċ-ċittadinanza Maltija minkejja li missierha Malti.

    Madankollu grazzi għal emenda fil-liġi taċ-ċittadinanza li ippropona dan il-Gvern sa fl-aħħar din it-tfajla, Elizaveta Spiteri, se tkun qed issir ċittadina Maltija.

    Dan il-każ tqajjem fil-Parlament hekk kif ġie diskuss abbozz ta' liġi li se jemenda l-liġi dwar iċ-ċittadinanza li nħolqot fl-1965 jiġifieri 52 sena ilu.

    Kienet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli li żvelat dan il-każ fejn semmiet kif Elizaveta u ommha, Olga Aleksandrovna Spiteri, ilhom jgħixu Malta mill-2003.

    Hija sostniet li minkejja li f'Mejju li għadda l-omm fetħet kawża fil-Qorti fejn talbet li tkun tista' tapplika għaċ-ċittadinanza f'isem bintha din kienet miċħuda għax il-liġi tgħid li l-persuna ma jridx ikollha moħħ marid.

    Farrugia Portelli qalet li għalkemm dan huwa każ eċċezzjonali mhuwiex iżolat u kien għalhekk jinħtieġ azzjoni.

    Hija saħqet li kien għalhekk li ħasset li kellha tinbidel din il-liġi u sostniet li anke jekk din l-emenda se tolqot ftit nies l-Istat ma jistax jonqoshom.

    Farrugia Portelli rrimarkat li b'dan il-pass se jkollna soċjeta aktar inklussiva ħalli ħadd ma jħossu emarġinat u permezz tiegħu l-Gvern qed jindirizza diskriminazzjoni li ilha fis-seħħ diversi snin.

    Fil-fatt hija saħqet li b'din l-emenda l-Gvern kien qed jirrispetta l-ftehim tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilita li Malta rratifikat fl-2012.

    Din il-konvenzjoni tgħid li l-istati msieħba għandhom jirrikonoxxu d-drittijiet ta' persuni b'diżabilita li jkollhom il-liberta tal-moviment u jagħżlu r-residenza u n-nazzjonalita tagħhom.

    Hija rrimarkat kif il-Gvern irid iserraħ ras il-ġenituri ta' persuni b'diżabilita li meta jiġu nieqsa l-Istat u s-soċjeta se jieħdu ħsieb jipproteġi lil uliedhom.

    Fid-diskors tagħha hija semmiet ukoll kif meta Identity Malta waqgħet taħt ir-responsabbilta tagħha ltaqgħet ma' numru ta' liġijiet li wħud minnhom ilhom ma jinbidlu sa mis-snin 30 u għalhekk illum ma jirriflettux ir-realtajiet soċjali.

    Kien għalhekk li ipproponiet li ssir riforma f'Identity Malta nkluż dwar l-imsemmija liġi taċ-ċittadinanza u sostniet li għalkemm setgħet stenniet li tiġbor l-anomaliji kollha f'daqqa u tibdilhom f'abbozz wieħed ħasset li f'dan il-każ kellha tagħmel l-emenda issa biex tgħin lill-persuni b'diżabilita u l-familji tagħhom li qed iħabbtu wiċċhom minn diskriminata.

    Fid-diskors tagħha hija ikkundannat ukoll it-theddid li sar fil-konfront taċ-Ċerpersin tal-KNPD Oliver Scicluna għax esprima dak li kien qed jaħsbu persuni b'diżabilita b'rabta mal-emozzjonijiet u s-sesswalita tagħhom.

    L-appell tagħha ntlaqa' mill-Oppożizzjoni hekk kif il-kelliem ewlieni dwar is-saħħa, Stephen Spiteri, iddikjara li dan l-abbozz jixraqlu l-kunsens ta' kull membru parlamentari u iddeskrivih bħala pass kbir biex insaħħu l-ugwaljanza.

    Huwa saħaq li għandna niġbdu ħabel wieħed biex il-persuni b'diżabilita jkomplu jiksbu d-drittijiet li jistħoqqilhom imma fl-istess ħin ilmenta mis-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli u esprima tħassib dwar dak li qed jiġri.

    Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami wissa dwar il-possibilita li f'pajjiżna jkollna liġi li tippermetti l-użu tal-kannabis b'mod rikreattiv u wissa li dan jista' jwassal għal problemi mentali barra li jista' jwassal għal drogi oħra aktar perikolużi.

    Huwa lmenta wkoll mis-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli u saħaq li mhux aċċettabbli li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jirrikonoxxi li hemm saqaf qed jisfronda imma jiġġusitifikaha billi jgħid li l-problema ilha hemm għax wara kollox anke hu ilu biżżejjed biex seta jagħmel xi ħaġa.

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilita u Anzjanita Attiva Anthony Agius Decelis faħħar lil Farrugia Portelli għal din l-emenda u esprima empatija lejn il-każ tat-tfajla Maltija-Russa li semmiet. 

    Waqt li ikkritika lil Fenech Adami għall-mod negattiv kif tkellem fid-diskors li għamel waqt is-seduta li ddiskutiet dan l-abbozz, huwa iddeskriva din l-emenda bħala waħda li turi kemm il-Gvern għandu verament għal qalbu l-persuni b'diżabilita.

    Id-deputat Nazzjonalista Godfrey Farrugia wkoll qabel mal-emenda u semma każ ta' tifel li ġie malta ma' ommu li kienet divorzjata, din iżżewġet Malti li xtaq jadottah imma minħabba li l-missier bioloġiku ma riedx jirrilaxxa tifel minħabba pika dan it-tifel laħaq kiber, ħa l-edukazzjoni f'pajjiżna u jitkellem bil-Malti imma għadu mingħajr karta tal-identita u passaport Malti.

    Farrugia lmenta mis-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli fejn qal li din baqgħet 'status quo' f'dawn l-aħħar snin fejn jidħol trattament tal-pazjenti u d-dinjita tagħhom u semma kif hemm sala li iktar qisha ċella u semma każ ta' pazjent li bela batterija biex joħroġ mill-imsemmi sptar.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0