ifs Malta jorganizza s-seminar annwali dwar l-isfidi regolatorji quddiemna”

  • Diċ 06, 2017 10:26
  • Miktub minn iNews

    L-Istitut Malti għas-Servizzi Finanzjarji reċentement organizza b’suċċess kbir is-Seminar Annwali dwar it-tema topika L-Isfidi Regolatorji Quddiemna, qasam li jimpatta l-parteċipanti kollha li joperaw fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

    Il-President ta’ ifs Malta, Kenneth B. Micallef, fetaħ is-seminar b’indirizz introduttorju li fih qal li r-regolamentazzjoni diġà kellha impatt kbir fuq is-servizzi finanzjarji u li minkejja dan, kien se jkun hemm iktar żviluppi. Madankollu, filwaqt li l-pletora ta’ leġiżlazzjoni u regolamentazzjoni jistgħu jidhru enormi, wieħed kellu jżomm f’moħħu li s-settur finanzjarju u l-prattikanti tiegħu għandhom l-obbligu lejn is-soċjetà li jiżguraw li s-sistema finanzjarja ma tintuża għall-ebda għan illeċitu. Għal dan il-għan, il-professjonisti kollha fdati tas-servizzi finanzjarji għandhom dmir ta’ diliġenza lejn il-ħafna partijiet interessati u għandhom dejjem jaġixxu bl-integrità u dejjem iħarsu l-ogħla standards ta’ imġiba professjonali, onestà, u imġiba etika.

    Dan kien segwit minn preżentazzjoni mis-Sa Marianne Scicluna, Direttur Ġenerali tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, li tat ħarsa ġenerali lejn ir-rwol tal-MFSA fl-ambjent regolatorju dejjem jinbidel, u spjegat fil-qosor kif l-iżviluppi li qed iseħħu fil-qafas regolatorju se jimpattaw is-servizzi finanzjarji.

    Minn fost il-kelliema esperti preżenti, is-Sur James Farrugia ddiskuta l-isfidi tal-implimentazzjoni tal-MiFID II, Dr Malcolm Falzon indirizza d-Direttiva l-ġdida dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni, u l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data waqt li s-Sur Saviour Cachia, tkellem dwar ix-xenarju li qed jinbidel fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. 

    Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, qal li minkejja l-kritika kontra s-settur tas-servizzi finanzjarji tal-pajjiż, Malta m’għandhiex tadotta l-mentalità tal-assedju. Huwa importanti li l-partijiet interessati kollha jaħdmu flimkien biex jiddefendu lil Malta u jirribattu l-kritika u juru kemm aħna trasparenti u konformi mal-leġiżlazzjoni u mar-regolamentazzjoni kollha involuti. 

    Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia, tkellem dwar l-isfidi u l-opportunitajiet fis-servizzi finanzjarji. Dr Delia qal li filwaqt li r-regolamentazzjoni kienet żdiedet u li aħna rridu nissalvagwardjaw ir-reputazzjoni ta’ Malta, kien hemm ukoll opportunitajiet biex Malta tiġi promossa bħala domiċilju attraenti u biex nesploraw il-possibilitajiet f’oqsma bħall-FinTech (it-teknoloġija finanzjarja) u possibbilment anke nibbenefikaw mill-Brexit. Huwa qal ukoll li l-pajjiż irid jinvesti fin-nies tiegħu.

    Id-diskussjoni tal-panel, ippreseduta minn Vanessa MacDonald, kienet tittratta l-implikazzjonijiet prattiċi tat-tibdil regolatorju fuq il-konsumatur. Il-panel kien jikkonsisti mill-kelliema esperti li tkellmu qabel flimkien mal-Arbitru Finanzjarju, Dr Reno Borg u l-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Uffiċjali għall-Konformità, is-Sur David Galea Souchet.

    Fl-indirizz tal-għeluq, l-Onor. Prof. Edward Scicluna, Ministru tal-Finanzi, qal li Malta bħalissa tinsab għaddejja minn test sever fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha u kwistjonijiet bħat-trasparenza kummerċjali u r-reġim fiskali tagħha kienu qed jattiraw ħafna attenzjoni tal-midja internazzjonali. Minkejja dan kollu, l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ Malta se jkomplu jaħdmu hekk kif isiru aktar effiċjenti u konformi mar-regoli l-ġodda u jħarsu ’l quddiem lejn opportunitajiet ġodda.

    Kenneth B Micallef, il-President ta’ ifs Malta, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-eżitu tas-seminar, u qal li minbarra li nkiseb fehim aħjar tal-kwistjonijiet tekniċi involuti fir-regolamentazzjoni l-ġdida li se nħabbtu wiċċna magħha, kien ta’ benefiċċju kbir li jkollna ħarsa olistika u għarfien dirett ta’ din il-bidla billi nisimgħu l-opinjonijiet minn perspettiva politika flimkien mal-fehma tal-korpi regolatorji u dik tal-prattikanti fis-settur finanzjarju. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0