Minn fejn ġiet attivata l-bomba ta' Daphne Caruana Galizia?

  • Diċ 07, 2017 11:27
  • Miktub minn iNews

    Il-bomba ta' Daphne attivata minn fuq il-baħar?

    Rapport fil-ġurnal influwenti Taljan “La Repubblica” qed isostni li kienu l-aħwa Degiorgio li splodew il-bomba mwaħħla mal-karozza ta' Daphne Caruana Galizia.

    Skont l-artiklu, fis-16 ta' Ottubru li għadda wieħed minnhom kien fil-Bidnija josserva l-vettura misjuqa mill-ġurnalista u meta raha ikkuntattja lil ħuh li kien fuq dgħajsa viċin port li mbagħad bagħat l-SMS fuq it-telefon ċellulari mwaħħal mal-bomba u din splodiet.

    L-aħwa Degiorgio huma George ta' 55 sena magħruf bħala “iċ-Ċiniż” u Alfred ta' 53 sena magħruf bħala “il-Fulu”, it-tnejn imweldin il-Marsa imma joqgħodu Wied il-Għajn.

    Huma tressqu fil-Qorti tal-Maġistrati tard it-Tlieta filgħaxija u magħhom bil-qtil ta' Caruana Galizia tressaq ukoll Vincent Muscat ta' 55 sena mill-Imsida magħruf bħala “il-Koħħu” fejn baqgħu miżmumin il-Ħabs wara li m'għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest.

    Il-kumpilazzjoni tagħhom se tinstema quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn quddiemha mistennija jibdew jitressqu l-provi li għandhom jitfgħu dawl fuq x'kien il-mottiv tad-delitt.

    Minbarra l-qtil, it-tliet akkużat qed jiġu mixlijin ukoll li ftehmu ma' persuni oħra f'Malta u barra biex iwettqu d-delitt kif ukoll li kienu involuti f'għaqda kriminali.

    Intant, l-artiklu tal-ġurnal Taljan jgħid li kien grazzi għat-teknoloġija sofistikata tal-FBI li l-Pulizija Maltija waslet għall-aħwa Degiorgio hekk kif ittieħed konsiderazzjoni l-perjodu ta' siegħa qabel l-isplużjoni u kwarta wara u kuntatti li setgħu sar permezz ta' telefon ċellulari ta' wieħed minnhom.

    Dejjem skont l-istess rapport, din it-teżi hija msaħħa mill-fatt li fil-qiegħ tal-baħar ġo port lokali nstab it-telefon ċellulari li aktarx intuża fid-delitt flimkien ma' oħrajn li jista' jkun li ġew użati f'każijiet oħra fejn saru bombi ma' karozzi.

    Żvelati l-ismijiet tas-suspettati l-oħra

    Sadanittant, il-ġurnal “Il Messaggero” semma l-ismijiet tas-seba' suspettati l-oħra li kienu arrestati b'rabta mal-qtil imma ngħataw il-'police bail' 

    'Police bail' ifisser li persuna suspettata tkun inħelset mill-arrest mingħajr ma tkun tressqet fil-Qorti imma jkun meħtieġ li tirrapporta għand il-Pulizija meta tgħidilha.

    Is-suspettati huma Miguel Caruana, Sandro Cilia, Jamie Vella, Anton Cachia, Rudy Camilleri, Robert Agius u Adrian Agius li għandhom bejn l-34 u l-55 sena.

    L-aħwa Agius jiġu wlied Raymond Agius, ir-raġel ta' 50 sena li kien joqgħod Baħar iċ-Ċagħaq u li fl-24 ta' April 2008 kien maqtul ġo bar f'Birkirkara.

    Agius kien qed jixrob fil-“Butterfly Snack Bar” meta daħlu tnejn min-nies lebsin 'crash helmet' tal-muturi, sparawlu u qatluh fuq il-post qabel ħarbu.

    Flimkien mal-aħwa Degiorgio u Muscat, dawn is-seba' suspettati kienu arrestati t-Tnejn filgħodu f'operazzjoni konġunta bejn il-Pulizija, il-Forzi Armati u s-Servizz Sigriet minn fuq l-art, il-baħar u anke l-ajru.

    L-operazzjoni bdiet fl-4.00 a.m. u r-rejds twettqu fil-Marsa, fejn kienu arrestati l-aħwa Degiorgio u Muscat, kif ukoll f'Buġibba, Ħaż-Żebbuġ, San Pawl il-Baħar, l-Imsida u l-Mosta.

    Fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Caruana Galizia, il-Pulizija Maltija kienet mgħejjuna mill-FBI, l-Europol u n-NIB tal-Finlandja.

    Min huma t-tliet akkużati mixlijin bil-qtil

    L-aħwa Degiorgio u Muscat mhux ismijiet ġodda mal-Pulizija u qabel tressqu mixlijin bil-qtil ta' Caruana Galizia kienu diġa rifsu l-għatba tal-Qorti fuq każijiet oħra.

    Flimkien ma' tnejn oħra, George Degiorgio kien ġie mixli li fil-25 ta' Mejju 2003 kellu fil-pussess tiegħu oġġetti u għodod tajbin għall-isgassar fosthom 'crowbar', martell, biċċtejn ħbula, żewġ torches, mus u par ingwanti.

    Madankollu fil-25 ta' Settembru 2003 il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera ma kinietx sabitu ħati u illiberatu fuq nuqqas ta' provi anke jekk irrimarkat li mill-kondotta tiegħu jirriżulta li kiser dufrejh mal-liġi f'seba' darbiet u nstab ħati fost oħran ta' serq li jmur ura għall-1981.

    Ħuh Alfred kien wieħed minn tlieta li ġew mixlijin li wettqu l-hold-up fuq vann tal-Group 4 fis-26 ta' Ottubru 2000. F'din is-serqa kienu nsterqu Lm884,200. Huma kienu akkużati wkoll li żammew uffiċjal tas-sigurta kontra r-rieda tiegħu u li qabel il-hold-up serqu karozzi biex jużawhom fl-attentat. 

    Fit-22 ta' Awwissu 2017, il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona kien sab lil Degiorgio ħati biss li kellu għandu oġġetti misruqa fejn fis-sentenza l-ġudikant irrimarka li ma kien hemm xejn x'jindika li kien preżenti fuq il-post għalkemm instabet marka tas-swaba tiegħu fuq borża li fiha nstabu xi flus.

    Alfred Degiorgio kien akkużat ukol li fil-5 ta' Mejju 2003 seraq handbag minn id mara li kien fih Lm18,000 minbarr arloġġu kotba taċ-ċekkijiet. Il-flus kienu ġejjin minn rifużjoni fit-taxxa li ġew imsarrfa mill-Bank Ċentrali. Fit-3 ta' Frar 2012 huwa kien instab ħati mill-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima, illum imħallef, u ġie ikkundannat erba' snin u nofs ħabs.

    Min-naħa ta' Muscat, dan kien mixli ma' oħrajn bil-hold-up fuq il-kwartieri tal-HSBC f'Ħal Qormi. L-attentat kien seħħ fit-30 ta' Mejju 2010 fejn kienu ġew anke mixljin bit-tentattiv ta' qtil ta' żewġ pulizija u bis-serq ta' karozzi wżati fis-serqa.

    Muscat u Alfred Degiorgio, flimkien ma' raġel ieħor, kienu ġew mixlijin ukoll bil-hold-up li sar fis-26 ta' Marzu 2004 fuq vann tal-kumpanija Valhmor Borg fil-Marsa li fih insterqu €42,000. Madankollu, fuq nuqqas ta' provi, it-tlieta li huma kien meħlusin fid-9 ta' Settembru 2015 mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera. 

    Muscat kien ġie investigat ukoll dwar il-qtil ta' Jonathan Pace li seħħ fil-21 ta' April 2014 waqt li s-sid ta' Tyson Butcher, li kellu 31 sena, kien fil-gallarija tad-dar tiegħu fil-Fgura jpejjep sigarett u xi ħadd sparalu diversi tiri b'arma awtomatika.

    Dwar dan id-delitt il-Pulizija kellmet lil Muscat peress li fit-8 ta' April li għadda huwa kien fil-mira tal-istess Pace. Fil-fatt il-Pulizija akkużat lil Pace li spara sitt tiri lejn Muscat quddiem id-dar tiegħu fl-Imsida bil-vittma jmur fl-għassa tal-lokal jitlob l-għajnuna tal-Pulizija. Meta Pace tressaq fil-Qorti, Muscat kien instema jistaqsih għaliex għamillu hekk.

    Daphne tingħata l-Holme Award

    Daphne Caruana Galizia ngħatat l-Home Award, unur li jingħata fl-Isvezja għal dawk il-persuni li jaħdmu b'risq is-soċjeta minkejja l-periklu għal ħajjithom.

    L-unur ingħata mill-Gotebors Handels and Sjofartstidning, għaqda li twaqqfet fl-1832 li taħdem favur l-umanita u d-dinjita.

    Il-Professur Dennis Tollberg, li jmexxi l-għaqda, iddeskriva lil Caruana Galizia bħala mudell eżemplari għall-ġurnalisti u żvela li hija kienet fuq il-lista tagħhom biex tirċievi l-unur minn qabel ma nqatlet.

    Il-familja Caruana Galizia aċċettat l-unur u iddeċidiet li tagħti l-10,000 Krona Żvediża, ekwivalenti għal madwar €1,000, li ngħatat miegħu lil Dar Merħba Bik li taħdem ma' vittmi ta' vjolenza domestika.

    Fost dawk li ngħataw dan l-unur fis-snin riċenti kien hemm Julian Assange u Edward Snowden.

    L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin sodisfatt bl-arresti

    Sadanittant, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-arresti li saru dwar il-qtil li seħħ seba' ġimgħat ilu.

    Huwa iddeskriva dawn l-arresti bħala”mument li jimmarka l-bidu ta' triq biex isseħħ ġustizzja u fejn qed jintbagħat messaġġ qawwi ta' difiża favur il-liberta tal-istampa”.

    L-IĠM wera apprezzament għall-forzi tas-sigurta involuti f'din il-ħidma, kemm lokali kif ukoll barranin, u appella lill-Gvern biex jikkunsidra piena eħrex għal min jhedded jew joqtol lill-ġurnalisti u biex jagħti piena lill-istess ġurnalisti.

    Is-soċjeta ċivili tgħid li ħadet nota tal-arrest

    In-Netwerk tas-Soċjeta Ċivili, li wara l-qtil għamel diversi protesti u sejjaħ għar-riżenji tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, irrimarka li ħadet nota tal-persuni mressqa l-Qorti.

    Fl-istess waqt qal li huwa diżappuntat li l-familja Caruana Galizia ma ġietx infurmata kif xieraq u mħasseb min-nuqqas tal-Kummissarju tal-Pulizija li jagħti kummenti f'dan l-istadju kruċjali.

    Huwa żied li jittama li ssir ġustizzja tassew u mhux biss jinqabad dawk li wettqu l-qtil imma anke dawk li ordnawh.

    In-Netwerk tas-Soċjeta Ċivili saħaq ukoll li huwa kruċjali li tingħata protezzjoni lil Jonathan Ferris u li jkomplu jiġu investigati l-iskandlu tal-Panama papers u l-prattiċi tal-FIAU.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0