Post attrezzat għall-‘hill climb’ fl-Imtaħleb

  • Diċ 07, 2017 16:32
  • Miktub minn iNews

    Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima żaru l-post fejn qegħdin isiru xogħlijiet ta’ titjib fl-Imtaħleb, propju fejn issir it-tellieqa bil-karozzi tal-hill climb u hekk kif kien wiegħed dan il-Gvern fil-programm elettorali. Sports Malta qiegħda tinvesti mal-€500,000 għal dan il-proġett, bix-xogħlijiet isiru minn Transport Malta.

    Din it-triq qiegħda tingħata wiċċ ġdid bl-użu tal-aqwa materjali, filwaqt li ser jitwaħħlu crash barriers favur aktar sigurtà. L-iskop huwa li ssir triq għat-telgħa b’livelli tajbin għall-użu ta’ motor sports kompetittivi.  Transport Malta bdiet il-ħidma tagħha wara xi jiem ta’ xogħol mid-Dipartiment tat-Tindif. Waqt li għaddej ix-xogħol fit-triq, saru wkoll xogħlijiet  ta’ sistemi ta’ ilma tajjeb għax-xorb, barra minn xogħlijiet oħra li ġew identifikati matul din il-ħidma.

    Il-Ministru Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu f’dan il-qasam u qal li r-realtà hi li l-Ministeru kontinwament iħares b’mod aktar wiesa’ meta jkun qiegħed jagħmel proġetti biex jiżgura li t-titjib bis-saħħa tal-proġetti jinħass b’mod aktar wiesa’.  Huwa jinsab sodisfatt li bi proġett bħal dan, in-nies li għandhom għal qalbhom dan l-isport setgħu jindunaw li qegħdin jingħataw widen għall-bżonnijiet tagħhom. Fuq kollox tajjeb ukoll li wieħed japprezza li t-triq li qiegħda ssir ser isservi wkoll biex min iżur dawn l-inħawi, kemm turisti kif ukoll il-poplu Malti, ikun jista’ jaċċessa dan is-sit b’aktar kumdità u faċilità u b’hekk ikun hemm aktar tgawdija taż-żoni u x-xenarji tal-madwar. Il-Ministru kompla jgħid li l-awtorità mistennija tlesti l-proġett fiż-żmien li ġej sabiex il-clubs ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jagħmlu użu minn din it-triq fit-tlielaq tagħhom, b’differenza li issa bis-saħħa tax-xogħlijiet li saru ttejbet is-sigurtà. Dan grazzi għall-konsultazzjoni li saret mal-Malta Racing Club, sabiex huma wkoll jikkontribwixxu bl-esperjenza wiesgħa tagħhom f’dan is-settur u, permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, il-proġett jiġi konkluż bl-aqwa kwalità.

    Il-Ministru Borg qal li hija ħaġa tassew sabiħa li tara dipartimenti u għaqdiet diversi jingħaqdu flimkien għal ħidma li se twassal għal faċilità ġdida għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom dan l-isport u awgura lill-entużjasti kollha sabiex igawdu b’mod responsabbli il-frott ta’ din il-ħidma.

    Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li kif ġie mwiegħed mill-Gvern qiegħed isir ir-resurfacing tat-telgħa tal-Imtaħleb b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro. Huwa kompla jispjega li dan it-titjib sar sabiex dawk id-dilettanti tal-Hill Climb ikunu jistgħu jippratikaw l-isport tagħhom f’aktar sigurtà. Dan il-proġett hu fost ħafna proġetti oħra li l-Gvern hu impenjat li jinvesti fihom sabiex il-pajjiż ikun jista’ jagħmel qabża ta’ kwalità li jmiss fis-settur sportiv. Huwa proprju l-għan tas-Segretarjat tiegħu, kompla Dr.Grima li jara li kull dixxiplina sportiva tingħata l-opportunità li tifjorixxi. Huwa saħaq li s-suċċess fl-isport ma jiġix biss għax wieħed jitkellem dwaru iżda bi pjan serju u fit-tul b’investiment konkret. Dan jixhed mill-Baġit 2018 li ftit tal-ġimgħat ilu ġie ppreżentat fejn rajna żieda sostanzjali fil-vot kapital tal-isport li għall-ewwel darba, minn €2.7 miljun żdied għal €8.1 miljun fejn dan ser jirriżulta f’aktar proġetti fil-qasam tal-isport.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0