L-akbar kumpaniji tax-xorb f’Malta jingħaqdu mal-koperattiva GreenPak

  • Diċ 21, 2017 09:15
  • Miktub minn iNews

    Ix-xejra li organizzazzjonijiet ewlenin jissieħbu mas-Soċjetà Kooperattiva GreenPak, li hi l-ikbar skema ta' riċiklaġġ ta’ skart f'Malta, qed tkompli tikber wara li, dan l-aħħar, anki l-Grupp Farsons u GSD Marketing Ltd issieħbu ma’ GreenPak .

    Bħala parti mill-impenn ambjentali tagħhom li joperaw bl-aktar mod sostenibbli, dawn iż-żewġ kumpaniji kbar tax-xorb f'Malta issa qed jużaw is-sistemi ta’ rkupru ta' skart ta’ GreenPak. Dawn is-sistemi diġà jipprovdu servizzi lil aktar minn 70% tal-popolazzjoni ta’ Malta. Il-kooperattiva ta’ GreenPak ilha għal ħafna snin taħdem mill-qrib mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, bil-għan li tipprovdi servizzi li huma kemm trasparenti kif ukoll affidabbli.

    Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons Norman Aquilina qal: “Il-Grupp Farsons ilu li sar konxju tar-responsabbiltajiet rigward l-ambjent, tant li matul is-snin investejna f'għadd ta’ miżuri u ħidmiet prattiċi. Li sseħibna ma’ GreenPak hu pass ieħor f'din l-istess direzzjoni. Qed nirrikonoxxu enfasi akbar fuq l-ekonomija ċirkolari u l-impatt li l-attività kummerċjali inġenerali għandha fuq l-ambjent. Se nkomplu nsostnu dan l-approċċ responsabbli, filwaqt li niffukaw fuq il-prinċipji bażiċi, iżda l-aktar importanti fosthom huma l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, u l-irkuprar fl-oqsma kollha tal-operat tagħna. Se naħdmu id f’id ma’ GreenPak biex intejbu aktar l-obbligu tagħna li nirkupraw il-biċċa l-kbira tat-tunnellaġġ ekwivalenti għall-iskart tal-ippakkjar iġġenerat mill-attività kummerċjali tagħna.”

    Il-Kap Kummerċjali ta’ GSD Marketing Maria Micallef qalet: “GSD Marketing tonora l-obbligi tagħha ta' sostenibiltà permezz ta’ programm estensiv ta' separazzjoni ta’ skart, filwaqt li tipprova ttejjeb kontinwament il-prestazzjoni ambjentali tagħha permezz taċ-ċertifikazzjoni ISO14000. Filwaqt li tikkonforma mar-regolamenti stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-UE u dik lokali, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ konformità tal-iskart tal-Kumpanija Coca-Cola, li sseħibna ma’ GreenPak hu pass ieħor f'serje ta’ azzjonijiet ta' sostenibiltà meħuda mill-kumpanija. Aħna stabbilixxejna miri ambjentali li rridu nilħqu, nippromwovu s-separazzjoni xierqa tal-iskart fost l-impjegati tagħna bil-ħsieb li nżidu r-rati ta' riċiklaġġ tagħna, u naqqsu l-iskart li jispiċċa f'miżbliet.”

    Din il-kollaborazzjoni b’saħħitha tal-akbar żewġ kumpaniji tax-xorb f'Malta se tkompli ssaħħaħ l-approċċ olistiku tal-immaniġġjar tal-iskart meħtieġ biex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi uniċi ta’ Malta. Sena wara sena, GreenPak uriet li l-mudell kooperattiv tagħha, amministrat minn kumitat ta’ tmexxija elett kull sena, hu kapaċi jilħaq prestazzjoni ambjentali superjuri. Dan minkejja li topera bl-inqas spiża possibbli u li f'Malta jagħmilha fuq quddiem nett f’dak li hu ġbir u r-riċiklaġġ ta’ skart mill-ippakkjar.

    Il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak, l-Inġ. Mario Schembri spjega: "L-aġenda tal-kooperattiva tagħna hi li tipprovdi lill-kumpaniji Maltin bl-aħjar soluzzjoni biex iwettqu r-Responsabbiltà tal-Produttur Estiż (EPR). GreenPak għandha rekord ta’ ħidma kemm mal-industrija kif ukoll ma’ dawk li jfasslu l-policies biex b’hekk issaħħaħ il-qafas li fih jista’ jinkiseb fl-istess ħin il-progress ekonomiku, id-devjazzjoni tal-materjal mill-miżbliet, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-parteċipazzjoni tal-Grupp Farsons u GSD Marketing Ltd se tikkonsolida b’mod konsiderevoli l-isforzi tagħna biex nikkontribwixxu għat-titjib tal-impenn favur ir-riċiklaġġ f’Malta."

    Bl-involviment tagħha f'kampanji ta’ kuxjenza pubblika, edukazzjoni ffukata dwar ġbir ta’ skart u kampanji kontra rimi ta’ skart bl-addoċċ, GreenPak tipprovdi edukazzjoni u għarfien effettiv lill-aktar minn sebgħa minn kull għaxar konsumaturi f'Malta.

    Aktar tagħrif jinkiseb minn: www.greenpak.com.mt, jew b’telefonata lil GreenPak fuq: 2166 0233.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook