San Pawl b'sindku ġdid it-Tnejn

  • Jan 12, 2018 15:12
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar se jiltaqa' it-Tnejn li ġej biex jaħtar is-sindku l-ġdid li jrid jieħu post il-Perit Graziella Galea wara li din irriżenjat nhar l-Erbgħa.

    Flokha mistenni jinħatar dak li sa ftit ilu kien il-'minority leader' Alfred Grima hekk kif fil-mozzjoni ta' sfiduċja mressqa fil-konfront ta' Galea kien issuġerit li għandu jkun hu li jeħdilha postha. Din tkun l-ewwel darba li Grima jokkupa din il-kariga wara li ilu jiġi elett fl-aħħar erba' elezzjonijiet.

    Residenti fil-lokalitajiet li jaqgħu taħt il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar – bħal Buġibba, il-Qawra, Burmarrad u x-Xemxija - qed jittamaw li wara din il-burraxka jkun hemm l-istabilita li għal snin twal jidher li xekklet il-ħidma fl-inħawi. 

    Il-PN kien rebaħ dan il-kunsill fl-elezzjoni tal-2015 meta kiseb biss disa' voti iktar mill-PL u hekk ħadu lura wara li f'dik tal-2012 il-PL kien ġab maġġornaza ta' madwar 500 vot aktar minnu.

    Fl-aħħar xhur il-Kunsill ta' San Pawl kien mifni mir-riżenji bl-ewwel waħda tkun dik ta' David Thake, l-eks-preżentatur fuq Radio 101 li kien il-Viċi-Sindku.

    Thake rriżenja f'Ottubru li għadda wara li kien ilu jagħmilha pubblika li ma jaqbilx mal-ħatra ta' Adrian Delia bħala l-Kap tal-PN. Postu ħaditu Dounia Borg li bħalu wkoll ikkontestat l-elezzjoni ġenerali ta' Ġunju.

    F'Novembru l-PN ħa daqqa ta' ħarta oħra meta tnejn mill-kunsillieri tiegħu, Robert Piscopo u Joseph Vella, irriżenjaw mill-partit imma baqgħu bħala kunsillieri indipendenti.

    L-aħħar daqqa kienet il-mozzjoni ta' sfiduċja li sebgħa mit-13-il kunsillier ippreżentaw fil-konfront ta' bint l-eks-ministru Nazzjonalista Ċensu Galea minħabba li ma qablux mal-mod kif kienet qed tmexxi.

    Il-mozzjoni kienet ippreżentata mill-kunsilliera Laburista Mandy Buhagiar u kienet sekondata mill-kunsillieri Laburista bħalha Alfred Grima, Stephen Cremona, Rodney Galea u Raymond Tabone kif ukoll l-indipendenti Piscopo u Vella.

    Galea għażlet li tirriżenja biex tevita li tiġi sfiduċjata u issa li l-maġġoranza għaddiet f'idejn il-PL se tkun il-'minority leader' bil-kunsillieri l-oħra Nazzjonalisti huma l-istess Dounia Borg, Anne Fenech, Antoinette Bezzina u Daniel Grima.

    Mhux il-PN biss iffaċċja r-riżenji f'dan il-kunsill hekk kif f'Diċembru li għadda Matthew Barbara rriżenja minn kunsiller Laburista u postu ħadu Rodney Galea.

    Il-PL tilef ukoll lill-kunsillier u eks-sindku Raymond Tabone li rriżenja wara li beda jaħdem fid-diviżjoni marbuta mal-indafa pubblika u l-iskala li qiegħed fiha żżommu milli jokkupa kariga politika. 

    Jekk post Tabone ma jilħaqx jintela sa nhar it-Tnejn dan ifisser li għal-laqgħa biex jiġi maħtur is-sindku l-ġdid se jkun hemm ħames kunsillier kull wieħed għall-PL u l-PN u t-tnejn indipendenti li għandu jkun biżżejjed biex Grima jiġi elett is-sindku l-ġdid tal-lokalita.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0